Qari tal-Quddies tat-Tlieta tas-XXVII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
In-nies ta’ Ninwè reġgħu lura minn triqthom il-ħażina u Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom.
Ġona 3, 1-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

F’dak iż-żmien, il-kelma tal-Mulej għat-tieni darba waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.

Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba”. In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. L-aħbar waslet għand is-sultan ta’ Ninwè, u qam minn fuq it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, inkesa bi xkora, u ntasab fuq l-irmied.

U ħarġu jxandru u jgħidu f’Ninwè: “B’digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m’għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajtu b’qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b’idejh. Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux!”

U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.7-8

R/. (3): Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ?

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.

Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael minn ħtijietu kollha. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Marta laqgħetu. Marija għażlet l-aħjar sehem.
Lq 10, 38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, huma u mexjin, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d