Qari tal-Quddies tat-Tnejn tas-XXVII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ġona qam biex jaħrab minn quddiem il-Mulej.
Ġona 1,1 – 2, 1.11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona bin Amittaj, u qallu: “Qum, mur Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi”. Imma Ġona qam biex jaħrab lejn Tarsis minn quddiem il-Mulej. Niżel Ġaffa, fejn inzerta ġifen sejjer lejn Tarsis, ħallas il-passaġġ, u telaq fuqu biex imur magħhom f’Tarsis, ’il bogħod mill-Mulej. Iżda l-Mulej bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira, hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfel nett tal-ġifen, imtedd u raqad fil-fond.

Imbagħad resaq fuqu l-kaptan u qallu: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux”. Imbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta’ min hi l-ħtija li waqa’ fuqna dan l-għawġ kollu”. Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. Imbagħad qalulu: “Issa għidilna: ħtija ta’ min ġie fuqna dan il-għawġ? X’inhu xogħlok? Minn fejn int ġej? Liema hu pajjiżek? U minn liema poplu int?”. Qalilhom: “Jien Għebrew, u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art”.

Dawk l-irġiel beżgħu biża’ kbir, u qalulu: “Dan għax għamiltu?”. Għax billi hu qalilhom kollox, saru jafu li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. Imbagħad qalulu: “X’se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?”. Għax il-baħar baqa’ jżid. Qalilhom: “Aqbduni u ixħtuni l-baħar, u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi”.

In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa’ jżid kontrihom. Għalhekk sejħu l-Mulej u qalu: “Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta’ dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja ta’ demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok”. U qabdu ’l Ġona u xeħtuh il-baħar, u l-baħar raqqad il-qilla tiegħu. U l-irġiel qabadhom biża’ kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej u għamlu wegħdiet.

U l-Mulej qabbad ħuta kbira tibla’ ’l Ġona, u Ġona baqa’ tlitt ijiem u tliet iljieli f’żaqq il-ħuta. U l-Mulej kellem lill-ħuta, u din xeħtet lil Ġona fuq l-art.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Ġona 2, 2.3.4.5.8

R/. (7ċ): Mulej, int tellajtli ħajti minn ġol-ħofra

Fid-dwejjaq tiegħi lill-Mulej sejjaħt,
u hu weġibni;
mill-ġuf ta’ Art l-Imwiet krabt għall-għajnuna,
u leħni smajtu. R/.

Inti tfajtni fil-qiegħ, ġo nofs il-baħar,
u l-wied dar miegħi;
l-imwieġ il-kbar u l-ħalel kollha tiegħek
għaddew minn fuqi. R/.

U jiena għedt: “Tgerrixt
minn quddiem wiċċek:
kif nerġa’ nara t-tempju mqaddes tiegħek?”. R/.

Meta ġo fija kelli ruħi mħeddla,
jien fil-Mulej ftakart;
u t-talba tiegħi telgħet sa quddiemek,
fit-tempju mqaddes tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-proxxmu tiegħi min hu?
Lq 10, 25-37

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt, agħmel hekk u tgħix”.

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu