It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
QARI I
Abraham emmen lil Alla u kien magħdud lilu b’ġustizzja.
Rum 4, 1-8
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, xi ngħidu, mela, li sab Abraham, il-missier tagħna skont il-ġisem? Li kieku Abraham kien iġġustifikat bis-saħħa tal-opri, kien ikollu biex jiftaħar; imma mhux quddiem Alla!
Għax xi tgħid l-Iskrittura? Tgħid li Abraham emmen lil Alla u kien magħdud lilu b’ġustizzja. Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b’dejn; iżda min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika lil min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b’ġustizzja.
Hekk ukoll David jgħid kemm hu hieni l-bniedem li Alla jqisu b’ġust mingħajr l-opri: “Hienja dawk li dnubiethom maħfura, u li ħtijiethom mgħottija. Hieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu ebda dnub”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 31 (32), 1-2.5.11
R/. (ara 7): Mulej, int kenn għalija
Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.
Ifirħu, twajbin,
u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ,
intom ilkoll ta’ qalbkom safja! R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 32 (33), 22
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Sax-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud.
Lq 12, 1-7
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U Ġesù qabad jgħid l-ewwel nett lid-dixxipli tiegħu: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom. Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Għalhekk, kulma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama’ fid-dawl, u kulma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta’ ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.
Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu.
Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. U intom, sax-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu