It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
QARI I
Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen.
Rum 4, 13. 16-18
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-Liġi, imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi. Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraham – il-missier tagħna lkoll, skont ma hemm miktub: “Jiena nagħmel minnek missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus” – missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix.
Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skont ma kien intqal lilu: “Hekk għad ikun in-nisel tiegħek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 6-7.8-9.42-43
R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,
u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.
U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,
b’għajjat ta’ ferħ lill-magħżulin tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 15, 26b.27a
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,
u intom ukoll tixhdu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.
Lq 12, 8-12
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla.
U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux.
Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu