F’dawn l-aħħar jiem kienu ħafna li kkummentaw dwar id-dokument,arju ta’ Evgeny Afineevsky, “Francesco” li nhar l-Erbgħa, il-21 ta’ Ottubru, intwera fil-Festival tal-Films f’Ruma. Kien hemm min m’għoġbux kliem il-Papa kif qiegħed fid-dokumentarju, filwaqt li diversi oħra spjegaw kif dak li jgħid il-Papa Franġisku, kemm fid-dokumentarju kif ukoll l-atteġġjament konsistenti tiegħu rigward il-persuni ta’ orjentament omosesswali, hu skont it-tagħlim tal-Knisja.
Mela x’jgħid il-Papa fid-dokumentarju “Francesco”?
- Il-persuni ta’ orjentament omosesswali huma ulied Alla u għalhekk għandhom dritt li jkunu f’familja.
- Ma tistax tkeċċi lil xi ħadd mill-familja, jew tagħmel il-ħajja tagħhom miżerabbli.
- Dak li għandna bżonn hu li jkun hemm liġi dwar l-unjoni civili, hekk li dawn il-persuni jkunu legalment koperti.
Hawn min imur lura fit-tagħlim tal-Knisja, li ma kinitx tħares b’dan il-mod lejn l-omosesswali tant li f’xi dokumenti u dikjarazzjonijiet tal-Knisja ma ngħatawx id-dinjità li tixirqilhom. Allura jgħidu li l-Papa qed ibiddel it-tagħlim tal-Knisja. Imma rridu nifhmu li t-tagħlim tal-Knisja jimxi mat-tagħrif li jagħtu x-xjenzi minn epoka għal oħra. Issib ukoll traduzzjonijiet mil-Latin li ‘l quddiem jinstabu li ma kinux korretti imma bqajna noħduhom kif inhuma. Dan jgħodd għat-terminu “diżordni mentali” li nsibu f’xi kitbiet dwar dan is-suġġett u li maż-żmien ma baqgħux jintużaw.
Il-Papa Franġisku lanqas ma tbiegħed mit-tagħlim tal-Papiet ta’ qablu. Insemmu biss il-katekeżi tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar it-“Teoloġija tal-Ġisem” u l-espressjoni tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, “L-Ekoloġija tal-Bniedem”.
Stqarrija maħruġa nhar is-26 ta’ Ottubru mill-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Filippini tiċċara ħafna dan is-suġġett. Tawha l-isem ta’ “Minfejn ġej il-Papa”, fi kliem ieħor x’wassal lill-Papa biex jitkellem hekk. L-Isqfijiet Filippini jiktbu li l-Papa jitkellem bħala ragħaj. Huwa knsistenti mar-radikalità ta Kristu, li hu “il-Wiċċ ta’ Alla ħanin”. Ġesù ma kienx mifhum, anzi kien meqjus li jagħmilha ma nies li l-gwardjani tal-moralità kienu jħarsu lejhom bi stmerrija. Ġesù ma warrabhomx. Ma qallhomx li qed jagħmlu tajjeb imma mexa magħhom b’imħabba.
L-Isqfijiet isemmu ittra li rċieva l-Papa, mingħand raġel li kien qed irabbi tliet itfal mas-sieħeb tiegħu omosesswali li wera x-xewqa li jieħu sehem mal-komunità tal-parroċċa għax ħaseb li dan mhux approvat mill-Knisja, il-Papa Franġisku wieġbu: “Mur il-knisja u ħu sehem fil-parroċċa.” Meta staqsewh dwar iż żwieġ, il-Papa Franġisku weġeb: “Dejjem kien bejn raġel u mara. Imma iva għal unjoin civili.
L-istqarrija tal-Isqfijiet Filippini tagħlaq billi tikkwota kliem il-Papa fl-enċiklika “Fratelli Tutti” biex bħas-Samaritan it-tajjeb ikollna xewqa pura u safja ħalli nkunu komunità fejn bla hedha nagħmlu ħilitna biex ninkludu u nintegraw lil min ikun jeħtieġna.
Ħaġa naturali li l-midja qed tiffoka fuq x’qal il-Papa dwar l-unjoni ċivili u tiskarta tant tagħlim li l-Papa Franġisku jwassal kuljum dwar diversi realtajiet ta’ żmienna. Id-dokumentarju “Francesco” jinkludi suġġetti oħra li l-Papa tant jitkellem dwarhom, bħall-ambjent, il-faqar, il-migrazzjoni, l-inugwaljanza razzjali u finanzjarja u d-diskriminazzjoni. Imma min ġenwinament għandu l-Knisja Kattolika għal qalbu tajjeb li jfittex ukoll dak li probabbli l-Knisja se tiċċara b’mod uffiċjali dwar dan id-dokumentarju.
Link għall-istqarrija tal-Isqfijiet Filippini.
Link fejn Fr Agostino Torres, b’mod tassew interessanti jispjega kif xi midja ma fehmitx tajjeb lill-Papa u ma nterpretatux tajjeb. https://www.youtube.com/watch?fbclid=IwAR3fzrvDaI1EuGEeW96mqzvvQpmO6rdwvQ0mc1OwpYIJzgS50XQOiJMDWbM&v=PHkxQQ76SeI&app=desktop
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea