VISTA PASTORALI F’PARIĠI U LISIEUX. QUDDIESA GĦALL- ĦADDIEMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Saint-Denis, Pariġi 31 ta’ Mejjiu 1980
1. “Imbierek int . . .”.
Ippermettuli, għeżież ħuti miġburun ġewwa u madwar din il-Bażilika venerabbli ta’ Saint-Denis, li tilqà fiha l-oqbra tas-slaten ta’ Franza, li nsellem flimkien magħkom lil Marija omm Kristu. Il-kliem ta’ din it-tislima intom tafuh. Ċert li intom iktar minn darba tennejtuh jew smajtuh jiġi mtenni minn oħrajn: “Imbierka inti fost in-nisa / u mbierek il-frott ta’ ġufek” (Lq 1, 42).
Din it-tislima hija ndirizzata lil mara li ġġorr fi ħdanha bniedem: il-frott tal-ħajja u l-bidu tal-ħajja. Din il-mara tiġi mill-bogħod, minn Nażżet, u hawn hi, hija tidħol fid-dar ta’ qrabatha li hi ġiet biex iżżur. Minn fuq l-għatba tad-dar hija tismà: “imbierka dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej!” (Lq 1, 45).
L-aħħar jum tax-xahar ta’ Marzu, il-Knisja tfakkar din iż-żjara u dan il-kliem; hija ssellem lil Marija, omm Ġesù Kristu. Hija tirrendi qima lill-maternità tagħha f’waqt li fih din għadha biss misteru fi ħdanha u f’qalbha.
Irrid qabel kollox nagħti qima lill-maternità u lill-fidi fil-bniedem li hija tinvolvi. Irrid imbagħad nirrendi rispett lix-xogħol tal-bniedem, dan ix-xogħol li permezz tiegħu l-bniedem jikseb l-għixien ta’ niesu, tal-familja tiegħu qabel kwalunkwè ħaġ’oħra – din il-familja għandha mela xi drittijiet fundamentali -; dan ix-xogħol li bih l-bniedem iwettaq il-vokazzjoni tiegħu għall-imħabba, għaliex id-dinja tax-xogħol uman hija mibnija fuq il-qawwa morali, fuq l-imħabba. L-imħabba għandha tispira l-ġustizzja u l-ġlieda għall-ġustizzja.
2. Tagħti qima lill-maternità jfisser taċċetta l-bniedem fil-verità sħiħa tiegħu u fid-dinjità sħiħa tiegħu, sa mill-bidu ewlieni tal-eżistenza tiegħu, Il-bidu tal-bniedem huwa fil-qalb ta’ ommu.
F’din il-laqgħa kbira, li għaliha qegħdin jieħdu sehem b’mod speċjali l-ħaddiema, irrid insellem lil kull raġel u lil kull mara, bis-saħħa tad-dinjità l-kbira li hija tiegħu sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tiegħu fil-qalb t’ommu. Dak kollu li aħna aħna isib hemm il-bidu tiegħu.
L-ewwel qies tad-dinjità tal-bniedem, l-ewwel kondizzjoni tar-rispett tad-drittijiet invjolabbli tal-persuna umana huwa l-unur li jixraq lill-omm. Dan huwa l-kult tal-maternità. Ma nistgħux nifirdu l-bniedem mill-bidu uman tiegħu. Illum li tgħallimna tant dwar il-mekkaniżmi bijoloġiċi li, fl-oqsma rispettivi tagħhom, jiddeterminaw dan il-bidu, għandna b’kuxjenza ferm iktar ħajja u b’konvinzjoni ferm iktar imħeġġa nipproklamaw l-bidu uman – profondament uman – ta’ kull bniedem bħala l-valur fundamentali u l-bażi tad-drittijiet kollha tiegħu. L-ewwel dritt tal-bniedem huwa d-dritt għall-ħajja. Aħna għandna niddefendu dan id-dritt u dan il-valur. F’każ kuntrarju il-loġika tal-fidi fil-bniedem, il-programm kollu tal-progress verament uman, jisfgħu imregħda u jaqgħu.
Fuq l-għatba tad-dar ta’ Żakkarija, Eliżabetta tgħid lil Marija: imbierka int li emmint (cf. Lq 1, 45).
Nirrendu qima lill-maternità, għaliex fiha tesprimi ruħha l-fidi fil-bniedem. Jiena nħoss ferħ addizzjonali biex nagħmel dan f’din il-vġili tal-festa li l-familji kollha Franċiżi jikkonsagraw lill-ommijiet.
L-att ta’ fidi fil-bniedem huwa l-fatt li l-ġenituri tiegħu jtuh il-ħajja. L-omm iġġorru f’ġufha u hija lesta li tbati in-niket kollu tal-ħlas; b’dan hija tipproklama l-fidi tagħha fil-bniedem bil-jien kollu tagħha femminili. Bil-jien kollu tagħha matern. Hija tirrendi xhieda lill-valur li hemm fiha u li fl-istess ħin jissuperaha, għall-valur kostitwenti ta’ dak li, għadu mhux magħruf, għadu kemm ikkonċeput, moħbi għal kollox fil-ġuf ta’ ommu, għandu jitwieled u juri ruħu lid-dinja bħala bin il-ġenituri tiegħu, bħala konferma tal-umanità tagħhom, bħala frott ta’ mħabbithom, bħala ġejjieni tal-familja: ta’ dik l-iktar qrib u fl-istess ħin tal-familja umana kollha.
Din it-tarbija tistà tkun dgħajfa, mhux addattata, saħansitra defiċjenti. Hekk jiġri kultant. Il-maternità hija dejjem dulur – L-imħabba li għaliha tħallas bit-tbatija propja – u jiġri li din l-imħabba għandha tkun imħabba ikbar mill-istess dulur tal-ħlas. Dan id-dulur jistà jestendi ruħu għall-ħajja kollha tat-tarbija. Il-valur tal-umanità huwa mwettaq ukoll minn dawn it-tfal, minn dawn il-bnedmin li fihom hija ttardjata u ġġarrab, kultant, degradazzjoni doloruża.
Dan huwa element iktar biex ngħidu li mhux biżżejjed li jiddefenixxi l-bniedem skont il-kriterji kollha bio-fisjoloġiċi u li hemm bżonn temmen sa mill-bidu fil-bniedem.
Imbierka inti Marija li emmint. Dak li qiegħda ġġorr f’qalbek, bħala frott ta’ ġismek, se jiġi fid-dinja fil-lejl ta’ Betlem. Wara huwa se jħabbar lill-bnedmin il-Vanġelu u se jitlà fuq is-salib. Fil-fatt għal dan ġie fid-dinja, biex jagħti xhieda għall-verità. Fih se turi ruħha sal-quċċata l-verità dwar il-bniedem, il-misteru tal-bniedem, ukoll tal-bniedem, il-vokazzjoni aħħarija u l-iktar għolja tiegħu, il-vokazzjoni ta’ kull bniedem, ukoll tal-bniedem li l-umanità tiegħu jistà jkun li ma tasalx għal żvilupp sħiħ u normali; ta’ kull bniedem, bla eċċezzjoni, indipendentement minn kull konsiderazzjoni, ta’ kwalifikazzjoni jew ta’ gradi tal-intelliġenza, ta’ sensibiltà jew ta’ rendiment fiżiku, imma bis-saħħa tal-umanità tiegħu, tal-fatt li huwa bniedem. Għaliex grazzi għal dan, propju grazzi għall-umanità tiegħu, huwa hu xbiha u xebħ ta’ Alla infinit.
3. Jiena naf li f’din l-assemblea qegħdin jisimgħuni b’mod speċjali l-ħaddiema. Dan il-kwartier, madwar il-Bażilika tiegħu imfawra bl-istorja, illum imbidel f’wieħed mill-kwartieri l-iktar operużi tal-periferija Pariġina u naf li ħafna ħaddiema Franċiżi u barranin jgħammru u jaħdmu hawn f’kundizzjonijiet spiss prekarji ta’ alloġġ, ta’ salarju, ta’ mpjieg. Naħseb ukoll fil-popolazzjoni Franċiża ta’ barra mill-pajjiż. Numru mportanti ta’ wliedha jaħdmu hawn, f’Pariġi: huma jippreżentawha fostna. Naħseb b’mod partikulari għal dawk li ġew mill-bogħod., mill-Portugal, Spanja, l-Italja, il-Polonja, il-Jugoslavja, it-Turkija, l-Afrika ta’ Fuq, il-Mali, is-Senegal, ix-Xlokk Asjatiku. Minkejja l-isforzi magħmula għalihom u l-akkoljenza riservata għalihom f’dan il-pajjiż, kienet miżjuda b’mod neċessarju mal-kondizzjoni iebsa tax-xogħol bidla mill-għeruq ferm iktar ta’ tbatija minħabba li l-familja ġiet mifruda, maqsuma bejn il-pajjiż tal-oriġni u l-pajjiż tax-xogħol. Hemm ukoll it-tbatija ta’ anonimat li jistà jipprovoka n-nostalġija tal-fervur effettiv tal-belt jew tar-raħal nattiv. Iva, din il-ħajja urbana attwali tirrendi ir-relazzjonijiet umani diffiċli fid-dwejjaq ta’ ġirja qatt ma tintemm bejn ix-xogħol, id-dar u l-ispiża.
L-integrazzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-anzjani, spiss tqanqal Konsegwentement l-appelli sabiex jaħdmu flimkien biex joħolqu kondizzjonijiet ta’ ħajja dejjem iktar umana għal kulħadd. Il-preżenza tal-immigranti hija mill-banda l-oħra sors ta’ bdil fruttuż kemm għall-naħa kif ukoll għall-oħra.
Nixtieq fuq kollox ninkuraġġixxi l-apostolat nisrani li twettaq b’attenzjoni awtentika ta’ evanġelizzazzjoni minn saċerdoti, reliġjużi, lajċi, żgħażagħ u adulti b’mod speċjali lejali lejn id-dinja tax-xogħol.
U issa rrid niffaċċja riflessjoni esiġenti dwar ix-xogħol tal-bniedem u dwar il-ġustizzja: jalla dawk kollha li għadni kemm spjegajt ħajjithom ikunu jafu sewwa li jien għandi ħajja fl-ispirtu s-sitwazzjoni tagħhom, l-isforzi tagħhom u li nixtieq nuri l-imħabba kollha tiegħi lejhom u lejn il-familji tagħhom.
4. Teżisti rabta stretta, rabta partikolari bejn ix-xogħol tal-bniedem u l-ambjent fundamentali tal-imħabba umana li ġġib l-isem ta’ familja.
Il-bniedem jaħdem sa mill-bidu tal-oriġni biex jissottometti l-art u jiddominaha. Din id-definizzjoni tax-xogħol inġibuha mill-ewwel kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi. Il-bniedem jaħdem biex jiggarantixxi l-eżistenza tiegħu u tal-familja. Din id-definizzjoni tax-xogħol neħduha mill-Vanġelu, mill-ħajja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi u wkoll mill-esperjenza ta’ kuljum. Dawn huma d-definizzjonijiet fundamentali tax-xogħol uman. It-tnejn, sija l-waħda u sija l-oħra huma awtentiċi, jiġifieri pjenament umanistiċi u t-tieni waħda tinvolvi fiha nfisha milja partikolari ta’ kontenut evanġeliku.
Hemm bżonn li nsegwu dawn il-kontenuti fundamentali biex nassikuraw lill-bniedem post adegwat f’kull parti tal-ordni ekonomika. Infatti huwa faċli li titlef dan il-post. Titilfu meta tqis ix-xogħol qabel kollox bħala element tal-produzzjoni, bħala “merkanzija” jew “strument”, ftit li xejn jimporta l-isem tas-sistemi li fuqhom tistrieħ din il-pożizzjoni: jekk il-bniedem jiġi sottomess għall-produzzjoni, jekk isir biss l-istrument, allura jitneħħew mix-xogħol, mix-xogħol uman, id-dinjità tiegħu u s-sens speċifiku tiegħu. Huwa sabiħ li dak li jkun jiftakar hawn iċ-ċelebri kliem tal-Kardinal Cardijn: “Ħaddiem żagħżugħ jiswa iktar mid-deheb kollu tad-dinja”.
Minħabba dan fost id-diversi miżuri li jippermettu l-ivvalutar tax-xogħol tal-bniedem, hemm bżonn li nqiegħdu quddiem nett il-miżura tal-familja. Meta l-bniedem jaħdem biex jassikura l-eżistenza tal-familja tiegħu dan ifisser li fix-xogħol tiegħu huwa jitfà t-tbatija kollha ta’ kuljum tal-imħabba. Infatti hija l-imħabba li twassal għat-twelid tal-familja, li tkun l-espressjoni kostanti, l-ambjent stabbli tiegħu. Il-bniedem jistà jkun ukoll li jħobb ix-xogħol għax-xogħol, għaliex dan jippermettilu li jieħu sehem fl-opra l-kbira tad-dominju tal-art, opra mixtieqa mill-Ħallieq. U din l-imħabba bla dubju tikkorrispondi mad-dinjità tal-bniedem. Imma l-imħabba li l-bniedem iqiegħed f’xogħolu ma ssibx il-miżura sħiħa tagħha kemm-il darba ma jorbothiex, jgħaqqadha mal-bnedmin stess, speċjalment ma’ dawk li huma laħam minn laħmu, demm minn demmu. Ix-xogħol mela ma jistax jeqred il-familja; għandu, bil-maqlub, jgħaqqadha, jgħinha biex tapprofondixxi l-koeżjoni tagħha. Id-drittijiet tal-familja għandhom ikunu b’mod profond miktubin fil-bażi stess ta’ kull kodiċi tax-xogħol li għandu bhala suġġett propju l-bniedem u mhux biss il-produzzjoni u l-profitt. Kif issib pereżempju soluzzjoni sodisfaċenti għall-problema – simili f’bosta pajjiżi – tal-mara li taħdem f’fabbrika skont ritmu stressanti u li żżomm l-attenzjoni kostanti tal-preżenza tagħha għat-tfal u għal żewġha?
Insejjaħ hawn programm vast li jistà jkun oġġett ta’ studji numerużi u speċjalizzati biex jaslu ħalli jikkonkludu l-kontenut. Nillimita ruħi għal xi aspetti li jidhruli ta’ mportanza kapitali. Matul ħajti kelli x-xorti, il-grazzja ta’ Alla, li nkun nistà niskopri dawn il-veritajiet fundamentali dwar ix-xogħol uman bis-saħħa tal-esperjenza tiegħi personali tax-xogħol manwali. Sakemm ngħix se niftakar lill-bnedmin li magħhom rabatni l-istess tarznar tax-xogħol, fil-barriera tal-ġebel jew fil-ħanut tax-xogħol. Ma ninsiex il-benevolenza umana li sħabi tax-xogħol urewni, ma ninsiex il-bdil ta’ ideat li kellna waqt il-mumenti liberi dwar il-problemi fundamentali tal-eżistenza u tal-ħajjai tal-ħaddiema. Jiena naf liema valur kellhom għal dawn il-bnedmin, li kienu fl-istess ħin missirijiet ta’ familja, darhom, il-futur ta’ wliedhom, ir-rispett dovut lejn marthom, lejn ommijiethom. Minn din l-esperjenza, li damet xi snin, ksibt il-konvinzjoni u ċ-ċertezza li fix-xogħol jesprimi ruħu l-bniedem bħala suġġett kapaċi li jħobb, orjentat lejn il-valuri umani fundamentali, lest għas-solidarjetà mal-bnedmin kollha.
Fl-esperjenza tal-ħajja tiegħi fhimt x’inhu ħaddiem u dan inġorru f’qalbi. Naf li x-xogħol huwa wkoll bżonn, kultant bżonn iebes; u bdanakollu l-bniedem jixtieq ibiddlu skont id-daqs tad-dinjità tiegħu u ta’ mħabbtu. Hemm jinsab il-kobor tiegħu. Spiss il-kondizzjonijiet tal-ħajja jobbligaw lill-bnedmin li jħallu art twelidhom biex imorru jfittxu xogħol, bħal ma hu l-każ ta’ bosta minnkom. Hemm bżonn nittamaw li kull soċjetà jkollha l-ħila li tagħti xogħol biżżejjed liċ-ċittadini propji tagħha! Jekk madankollu l-emigrazzjoni minħabba raġunijiet ta’ xogħol issir bżonn jew neċessità, jiena nerġà nawgura iktar lil dawk kollha li jinsabu f’din is-sitwazzjoni, li jkunu jafu jittrasformaw tali neċessità skont d-daqs tal-imħabba li torbothom mal-proxxmu tagħhom: mal-familji u mal-art li tathom il-ħajja. Huwa żbaljat li ngħidu li l-ħaddiem m’għandux pajjiż. Infatti huwa hu rappreżentant tal-poplu tiegħu b’mod partikolari, huwa hu l-bniedem ta’ daru. Fix-xogħol uman hemm miktubin il-liġi tal-imħabba, il-bżonn tal-imħabba, l-ordni tal-imħabba.
Il-liturġija tallum titkellem dwar dan b’mod speċifiku waqt li tuża l-kliem tal-Appostlu Pawlu li kif nafu kien jgħix bix-xogħol ta’ jdejh: “Taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, servu lill-Mulej. Ifirħu bit-tama, stabru fil-hemm, itolbu bla waqfien. Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin. Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku bla ma tisħtu lil ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief” (Rm 12, 9-16).
5. Id-dinja tax-xogħol uman għandha mela tkun fuq kollox dinja mibnija fuq il-qawwa morali: għandha tkun dinja tal-imħabba u mhux dinja tal-mibegħda. Din hija d-dinja tal-kostruzzjoni u mhux dik tal-qerda. Fix-xogħol uman hemm miktubin b’mod profond id-dritt tal-bniedem, tal-familja, tan-nazzjon, tal-umanità. Il-ġejjieni tad-dinja jiddependi mir-rispett tagħhom.
Dan ifisser jewwilla li l-problema fundamentali tad-dinja tax-xogħol mhix kompletament, illum il-ġurnata, il-ġustizzja u l-ġlieda għall-ġustizzja soċjali? Anqas xejn: dan ifisser li mhemmx mod kif tifred ir-realtà tax-xogħol uman minn din il-ġustizzja u minn din il-ġlieda nobbli.
Il-liturġija tallum, fil-festa tal-Viżitazzjoni ta’ Marija, ma titkellimx ukoll hekk b’xi mod?
Il-verità dwar il-ġustizzja ta’ Alla ma tidwix jewwilla fl-istess ħin għall-adorazzjoni ta’ Alla, li l-ħniena tiegħu hija għall-ġenerazzjonijiet kollha, fil-kliem li l-Evanġelista San Luqa qiegħed f’fomm il-Verġni li kienet iġġorr f’ġufha lil Bin Alla? “Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn” (Lq 1, 51-53).
Dan il-kliem jgħid li d-dinja mixtieqa minn Alla hija dinja ta’ ġustizzja. Li l-ordni li għandha timmaniġġja r-rapporti bejn il-bnedmin hija msejsa fuq il-ġustizzja. Li din l-ordni għandha tkun imwettqa b’mod kontinwu fid-dinja u wkolli li għandha kuljum tkun imwettqa mill-ġdid, fejn jidħlu tkabbir u żvilupp tas-sitwazzjonijiet u tas-sistemi soċjali, fejn jidħlu l-kondizzjonijiet il-ġodda u l-possibiltajiet ekonomiċi, il-possibiltajiet il-ġodda tat-teknika u tal-produzzjoni u fl-istess ħin tal-possibiltajiet u bżonnijiet ġodda tad-distribuzzjoni tal-ġid.
Dan il-kliem tal-“Magnificat” ta’ Marija huwa ppronunzjat b’impuls splendidu ta’ rikonoxxenza lejn Alla li – bħal ma tipproklama Marija – għamel fiha ħwejjeġ kbar. Dan jgħid li d-dinja mixtieqa minn Alla ma tistax tkun dinja li fiha dawk, linqas numerużi, igeddsu f’idejhom ġid eċċessiv, u l-oħrajn, f’numru – f’ numru b’mod l-iktar ċar superjuri – jbatu minn faqar estrem, minn miżerja, u jmutu bil-ġuħ. Min huma tal-ewwel? U min huma l-oħrajn? Dawn huma biss żewġ klassijiet soċjali opposti waħda kontra l-oħra? Hawn mhemmx bżonn li nagħlqu lilna nfusna fi skemi dojoq iżżejjed. Hawn fil-fatt qegħdin nitkellmu dwar soċjetajiet sħaħ, dwar żoni sħaħ tad-dinja, diġa definiti b’modi differenti. Nitkellmu per eżempju dwar soċjetajiet żviluppati u dwar soċjetajiet sottożviluppati. Imma hemm bżonn nitkellmu wkoll dwar soċjetà tal-konsum u dwar dawk li fihom il-bnedmin imutu litteralment bil-ġuħ. Illum hemm bżonn li jkollna viżjoni wiegħa ħafna, universali tal-problema sħiħa. L-iskemi magħluqin mhumiex biżżejjed. Dawn l-iskemi dojoq jistgħu kultant, bil-maqlub, jimblukkaw it-triq iktar milli jiftħuha, per eżempju meta tidħol ir-rebħa ta’ sistema jew ta’ partit iktar milli l-bżonnijiet reali tal-bniedem.
Dawn il-bżonnijiet bdanakollu jeżistu mhux biss f’materja ta’ ekonomija, fuq bażi tad-distribuzzjoni tal-ġid materjali. Jeżistu bżonnijiet awtentiċi umani oħra, jeżistu wkoll drittijiet oħra tal-bniedem li jġarrbu vjolenza. U mhux biss id-drittijiet tal-bniedem, imma ugwalment id-drittijiet tal-familji u d-drittijiet tan-nazzjonijiet. “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem. . .” (Mt 4, 4). Mhemmx biss ġuħ tal-ħobż. Kultant il-bniedem ikollu iktar ġuħ tal-verità; ikollu ġuħ tal-libertà, meta jkunu miksura ċerti drittijiet tiegħu hekk fundamentali bħal dak għal-libertà tal-kuxjenza u għal-libertà reliġjuża, għall-edukazzjoni tal-ulied f’konformità mal-fidi u l-konvinzjoni tal-ġenituri u tal-familji u għall-istruzzjoni skont il-ħiliet u mhux, per eżempju, skont sitwazzjoni politika jew idea tad-dinja imposta bil-forza.
6. Id-dinja tax-xogħol uman, is-soċjetà kbira tal-ħaddiema imbnew b’mod deċiż fuq il-qawwa morali – u hekk għandu jkun -, għandhom konsegwentement jibqgħu sensibbli għal dawk id-dimensjonijiet kollha tal-inġustizzja li żviluppaw fid-dinja kontemporanja. Għandhom ikunu kapaċi li jissieltu b’mod nobbli għal kull forma ta’ inġustizzja: għall-ġid tassew tal-bniedem, għad-drittijiet kollha tal-persuna, tal-familja, tan-nazzjon, tal-umanità. Din il-ġustizzja hija l-kondizzjoni tal-paċi, bħal ma esprima b’intuwizzjoni akuta Ġwanni XXIII fl-enċiklika tiegħu “Pacem in Terris”. Id-disponibiltà biex dak li jkun jidħol b’responsabiltà għal ġlieda hekk nobbli, ġlieda għall-ġid veru tal-bniedem u fid-dimensjonijiet kollha tagħha ti mill-kliem li ppronunzjat Marija waqt li ġabet lil Kristu f’qalbha, ippronunzjat b’riferenza għal Alla ħaj meta tgħid: “Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu, / xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom; / niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, / ugħolla liċ-ċkejkni; / mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, / u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn” (Lq 1, 51-53).
Kristu jum wieħed jgħid: “Imberkin dawk li għandhom l-għatx u l-ġuħ tal-ġustizzja għaliex għad ikunu mxebbà” (Mt 5, 6). Madankollu dan il-ġuħ tal-ġustizzja, din l-ansjetà tal-ġlieda għall-verità u għall-ordni morali tad-dinja mhumiex u linqas jistgħu jkunu la l-mibegħda u linqas sors ta’ mibegħda fid-dinja. Huma ma jistgħux jinbidlu fi programm ta’ ġlied kontra l-bniedem unikament għaliex huwa jinsab, jekk nistgħu ngħidu hekk, “fil-kamp l-ieħor”. Din il-ġlieda ma tistax issir programm ta’ qerda tal-avversarju, ma tistax toħloq mekkaniżmi soċjali u politiċi li fihom juru ruħhom l-egoiżmi kollettivi dejjem ikbar, egoiżmi qawwija u qerrieda, eġoiżmi li jiddistruġġu kultant lis-soċjetà propja, lin-nazzjon propju, li jiddistruġġu wkoll mingħajr skrupli lill-oħrajn: in-nazzjonijiet u lis-soċjetajiet l-iktar dgħajfa mill-punt di vista tal-potenzjal uman, ekonomiku u taċ-ċiviltà, billi jċaħħduhom mill-indipendenza u s-sovranità effettiva tagħhom u billi jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom.
Id-dinja kontemporanja tagħna qiegħda tara tikber it-theddida terribbli tal-qerda ta’ dawn permezz tal-oħrajn, b’mod speċjali bl-akkumulazzjoni tal-armi nukleari. Il-prezz ta’ dawn il-mezzi u l-klima tat-theddida li dawn iqanqlu għamlu iva li miljuni ta’ bnedmin u popli sħaħ diġa raw tonqoshom il-possibiltà tagħhom ta’ ħobż u ta’ libertà. F’dawn il-kondizzjonijiet is-soċjetà kbira tal-ħaddiema, preċiżament f’isem il-qawwa morali li fiha tinsab, trid titlob b’mod katekorigu u ċar: fejn, f’liema qasam, għaliex kienet miksura l-fruntiera tal-ġlieda nobbli għall-ġustizzja, tal-ġlieda għall-ġid tal-bniedem, b’mod partikolari ta’ dak l-iktar emarġinat u l-iktar fil-bżonn?
Fejn, f’liema qasam, għaliex din il-qawwa morali u ħallieqa imbidlet f’qawwa qerrieda, il-mibegħda, fil-forom ġodda tal-egoiżmu kollettiv, li tirrivela t-theddida tal-possibiltà ta’ ġlieda ta’ kulħadd kontra kulħadd, ta awtodistruzzjoni monstruża?
L-epoka tagħna tesiġi li nagħmlu tali domanda, domanda hekk fundamentali. Din hija mperattiv kategoriku tal-kuxjenzi: ta’ kull bniedem, tas-soċjetajiet sħaħ u b’mod partikolari ta’ dawk li fuqhom tagħfas ir-responsabiltà ewlenija għal-lum u għall-ġejjieni tad-dinja. F’din id-domanda tidher il-qawwa morali irrapreżentata mill-ħaddiem, tad-dinja tax-xogħol u flimkien mill-bnedmin kollha.
Hemm bżonn li nkomplu nistaqsu lilna nfusna: f’isem dak id-dritt din il-qawwa morali, din id-disponibiltà biex nissieltu għall-verità, dan il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja ġew b’mod sistematiku – u saħansitra b’mod programmatiku – maqtugħa mill-kliem tal-Omm li tqim lil Alla b’ruħha kollha waqt li ġġorr f’qalbha l-iben ta’ Alla? Għal liema titolu l-ġlieda għall-ġustizzja tad-dinja kienet marbuta mal-programma ta’ ċaħda radikali ta’ Alla? Mal-programm organizzat ta’ taħbil ir-ras ateistiku tal-bnedmin u tas-soċjetà?
Hemm bżonn nistaqsuh, jekk mhux għal raġunijiet oħra, għallinqas f’isem il-verità integrali dwar il-bniedem. F’isem il-libertà nterna tiegħu u d-dinjità tiegħu. U wkoll f’isem l-istorja kollha tiegħu. Hawn hi d-domanda li hemm bżonn nifformulaw. Hu x’inhu l-insara ma jistgħux, ma jridux iħejju din id-dinja ta’ verità u ta’ ġustizzja fil-mibegħda, imma biss fid-dinamika tal-imħabba.
U biex nikkonkludi, ejjew inżomm f’moħħna l-kliem tal-liturġija tallum: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor, taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħall-aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, servu lill-Mulej. Ifirħu bit-tama,” (Rm 12, 9-12).
Lill-għeżież emigranti tal-lingwa Portugiża, b’tislima ta’ mħabba u wegħda ta’ kull ġid nindirizza l-eżortazzjoni biex tkunu fidili lejn il-valuri awtentiċi tal-familja kif jitlob Alla u ta’ xogħol meqjum. U dan ukoll jekk jinsabu f’kondizzjonijiet diffiċli ta’ ħajja: dan nitolbu lill-vokazzjoni nisranija u lit-tradizzjonijiet nobbli tagħhom li huwa jġorru wkoll barra mill-għażiża arthom. U jalla l-Verġni qaddisa tkunilhom ilkoll dawl u eżempju xi jsegwu u, bħala Omm tal-fiduċja tagħna, tagħtihom assistenza, konfort u grazzja ta’ Alla!
Nixtieq issa nindirizza b’mod speċjali tislima kordjali fil-lingwa tagħhom lill-emigranti Spanjoli li qegħdin jieħdu sehem f’din iċ-ċerimonja. Naf tajjeb il-problemi u d-diffikultajiet tagħkom li tridu tiffaċċjaw f’ħajjitkom, f’ambjent barrani u f’sitwazzjoni li spiss hija tassew iżolament. Agħtu prova ta’ solidarjetà mutwa, billi tgħinu ħalli żżommu u tippromwovu d-dinjità tagħkom ta’ bnedmin u ta’ wlied Alla. U la tinsewx il-valuri nsara li rċivejtu mingħand l-antenati tagħkom .
Bir-rispett tiegħi, bl-istima ta’ mħabba tiegħi lejkom, uliedkom u l-familji tagħkom nitlob lill-Mulej li jberikkom dejjem.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb