VISTA PASTORALI F’PARIĠI U LISIEUX. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Pariġi, 1° ta’ Ġunju 1980
Se nibda billi nizzi ħajr minn qiegħ qalbi lil dawk kollha li riedu jinġabru hawn dalgħodu billi ġew ukoll minn provinċji mbegħda ta’ Franza. Lilkom ilkoll l-iktar awguri żelanti u b’mod speċjali lill-ommijiet ta’ familja, f’dan il-jum tal-festa tal-omm. Issa nistedinkom biex tinġabru flimkien miegħi.
1. Il-kliem li għadna kemm smajna għandhom sinifikat doppju: itemm l-Vanġelu bħala żmien tar-rivelazzjoni ta’ Kristu u fl-istess ħin jiftaħ lejn il-ġejjieni bħala żmien tal-Knisja, dak ta’ dmir ma jaqtax u ta’ missjoni.
Kristu jgħid: Morru!
Huwa jindika d-direzzjoni tat-triq: il-ġnus kollha.
Jippreċiża d-dmir: għallmunhom, għammduhom.
Il-Knisja tfakkar dan il-kliem f’dan il-jum sollenni li fih trid tfakkar b’mod partikolari l-adorazzjoni ta’ Alla fil-misteru ntern tal-ħajja tad-divinità: Alla bħala Missier, Iben u Spirtu Santu. Jalla dan il-kliem ikun is-sies essenzjali tal-meditazzjoni tagħna waqt li ninsabu lkoll, b’dispożizzjoni ammirevoli tal-providenza, fl-eqreb viċinanzi ta’ Pariġi li hija l-kapitali ta’ Franza, waħda mill-kapitali tal-Ewropa, waħda fost oħrajn, bla dubju, imma unika fil-ġeneru tagħha, u waħda mill-kapitali tad-dinja.
Fl-aħħar sentenza riferita mill-Vanġelu, Kristu jgħid: “Morru fid-dinja kollha” (Mk 16,15).
Illum ninsab magħkom, għeżież ħuti, f’wieħed minn dawk il-postijiet li minnhom, b’mod partikolari, tara d-“dinja”, tara l-istorja tad-“dinja” tagħna u tara d-“dinja” kontemporanja, post fejn did-dinja tagħraf u tiġġudika lilha nfisha, tagħraf u tiġġudika r-rebħiet tagħha, it-tbatijiet tagħha u t-tamiet tagħha.
Ippermettuli li nħalli lili nnifsi ninħafen magħkom mill-elokwenza qatt bħalha mismugħa tal-kliem li Kristu ndirizza lid-dixxipli tiegħu. Ippermettu li permezz tiegħu aħna niffissaw għajnejna, talinqas għal waqt, fuq il-misteru bla qies ta’ Alla u li nmissu dak li fil-bniedem huwa dejjiemi u konsegwentement l-iktar uman.
Ippermettu li nħejju ruħna b’dan il-mod għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fis-sollennità tat-Trinità Qaddisa.
2. Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru…, għallmu lill-ġnus kollha…” għal dan illum ninsab, prattikament, fil-kapitali Franċiża, waqt li sena ilu, f’dan l-istess jum tal-ewwel Ħadd wara Pentekoste kont ninsab f’misraħ kbir tal-kapitali qadima tal-Polonja, fi Krakovja, fil-belt li fiha għext u minn fejn Kristu sejjaħli għas-sedja Rumana tal-Appostlu Pietru. Hemm kelli quddiem għajnejja l-uċuħ magħrufa tal-kompatrijotti tiegħi u kelli quddiem għajnejja l-istorja kollha tan-nazzjon tiegħi wara l-magħmudija tiegħu. Din l-istorja għanja u diffiċli kienet bdiet, b’mod tal-għaġeb, kważi eżattament fil-waqt li fih kienet imwettqa l-kelma ta’ Kristu ndirizzata lill-Appostli: “Għallmu lill-ġnus kollha, għammduhom…” Bil-magħmudija twieled in-nazzjon u l-istorja tiegħu bdiet.
Dan in-nazzjon – in-nazzjon li tiegħu jien iben – mhuwiex barrani għalikom. Fil-perijodi l-iktar diffiċli tal-istorja tiegħu sab mingħandkom l-appoġġ li kellu bżonn, il-fornituri ewlenin tal-kultura tiegħu, il-portavuċi tal-indipendenza tiegħu. Ma nistax ma niftakarx f’dan il-waqt. Qiegħed nitkellem bi gratitudni…
Ħafna iktar tard minn hawn it-toroq missjunarji tas-suċċessuri tal-Appostli laħqu il-Vistula, il-Karpazji, u l-baħar Baltiku… Hawn għall-kuntrarju, il-missjoni afdata minn Kristu lill-Appostli wara l-qawmien mill-imwiet sabet b’għaġġla ferm iktar kbira bidu ta’ twettiq, jekk mhux propju fl-epoka apostolika, talinqas fit-tieni seklu, ma’ Irinew, dak il-martri kbir u missier apostoliku li kien Isqof ta’ Lyon.
Minn banda oħra fil-martiroloġju Ruman spiss insibu tissemma il-“Luteina Parissimo…”.
L-ewwel il-Gallia u mbagħad Franza: l-ewwel wild tal-Knisja!
Illum, fil-kapitali tal-istorja tan-nazzjon tagħkom, irrid intenni dan il-kliem li jikkostitwixxi it-titlu ta’ kburija tagħkom: l-ewwel wild tal-Knisja.
U rrid, waqt li naqbad dan it-titlu, nadura flimkien magħkom il-misteru tal-għaġeb tal-providenza. Irrid nagħti qima lil Alla ħaj li waqt li jaġixxi permezz tal-popli, jikteb l-istorja tal-fidwa fil-qalb tal-bniedem.
Din l-istorja hija antika daqs il-bniedem. Hija tmur lura għall-“preistorja”, tmur lura għall-bidu. Meta Kristu qal lill-Appostli tiegħu: “Morru, għallmu lill-ġnus kollha…” huwa kien diġa kkonferma t-tul taż-żmien tal-istorja tal-fidwa u fl-istess ħin kien ħabbar dan l-istadju partikolari, l-aħħar stadju.
3. Din l-istorja partikolari hija moħbija fl-iktar intimu tal-bniedem, hija misterjuża u bdanakollu reali wkoll fir-realtà storika tagħha, hija mgħottija, b’mod viżibbli, b’fatti, bi ġrajjiet, b’eżistenzi umani, b’individwalitajiet. Kapitlu twil ħafna ta’ din l-istorja kien miktub fl-istorja ta’ art twekidkom, mill-ulied maskili u femminili tan-nazzjon tagħkom. Ikun diffiċli li nsemmihom kollha, imma se nfakkar talinqas lil dawk li eżerċitaw l-influwenza maġġuri f’ħajti: Ġovanna d’D’ Arco. Francesco di Sales, Vincenzo de’ Paoli, Luigi Maria Grigione de Monitor, Giovanni Maria Bianche, Benaccetta di Lorde, Teresa di Lisine, Suor Elisabetta della Trinità, il padre de Foucauld e u l-oħajn kollha. Dawn huma tant preżenti fil-ħajja tal-Knisja kollha, tant influwenti permezz tad-dawl u tal-qawwa tal-Ispirtu Santu!
Huma jgħidulkom ferm aħjar minni li l-istorja tal-fidwa bdiet mal-istorja tal-bniedem, li l-istorja tal-fidwa tagħraf dejjem bidu ġdid, li hija tibda f’kull bniedem li jiġi f’din id-dinja. B’dan il-mod l-istorja tal-fidwa tidħol fl-istorja tal-popli, tan-nazzjonijiet, tal-artijiet tat-twelid, tal-kontinenti.
L-istorja tal-fidwa tibda f’Alla. Dan huwa preċiżamentu dak li Kristu rrivela u ddikjara sal-aħħar meta qal: “Morru…għallmu lin-nazzonijiet kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu”.
“Għammed” ifisser “għaddas” u t-terminu jfisser ir-realta stess li jesprimi. Għammdu fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu ifisser għaddsu l-bniedem fir-realtà stess li tesprimu bl-isem ta’ Missier, Iben u Spirtu Santu, ir-realtà li huwa Alla fid-divinità tiegħu: ir-realtà għal kollox bla qies, li mhix għal kollox rikonoxxibbli u komprensibbli jekk mhux għaliha nfisha.
Fl-istess ħin il-magħmudija tgħaddas lill-bniedem f’dik ir-realtà li bħal Missier, Iben u Spirtu Santu, infetħet għall-bniedem. Hija nfetħet b’mod reali. Xejn mhu iktar reali daqs dan il-ftuħ, din il-komunikazzjoni, dan id-don lill-bniedem tal-Alla indeskrivibbli. Meta aħna nisimgħu l-ismijiet tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, dawn ikellmuna b’mod ġust dwar dan id-don, dwar din il-“komunikazzjoni” li qatt ma smajna bħalha ta’ Alla li, fih innifsu huwa impenetrabbli għall-bniedem… Din il-komunikazzjoni, din id-don hija tal-Missier. Din laħqet il-quċċata tagħha storika u l-milja tagħha fl-Iben mislub u rxuxtat, hija għadha tibqà fl-Ispirtu li “jinterċedi għalina bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rm 8,26).
Il-kliem li Kristu, fi tmiem il-missjoni storika tiegħu, indirizza lill-Appostli, huwa sintesi assoluta ta’ dak kollu li kien ikkostitwixxa din il-missjoni, stadju wara stadju, mill-annunzjazzjoni sal-kruċifissjoni… u finalment għall-qawmien mill-imwiet.
4. Fil-qalb ta’ din il-missjoni, fil-qalb tal-missjoni ta’ Kristu, hemm il-bniedem, il-bniedem kollu.
Permezz tal-bniedem hemm in-nazzjonijiet, in-nazzjonijiet kollha.
Il-liturġija tallum hija teoċentrika u bdanakollu huwa l-bniedem li hija tipproklama. Tipproklamah għaliex il-bniedem huwa fil-qalb stess tal-misteru ta’ Kristu, il-bniedem huwa fil-qalb tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. U dan sa mill-bidu. Ma kienx jewwilla maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla? U barra minn dan il-bniedem m’għandux sens. Il-bniedem m’għandux sens fid-dinja għajr bħala xbiha u xebħ ta’ Alla. Xort’oħra m’għandux sens u jasal li jgħid, bħal ma jsostnu xi wħud, li l-bniedem mhuwiex għajr “passjoni inutli”.
Iva, Huwa l-bniedem li huwa wkoll ipproklamat mil-liturġija tallum.
“Jekk inħares lejn is-sema, opra ta’ subgħajk, / il-qamar, il-kwiekeb li inti ffissajt, / x’inhu l-bniedem biex tiftakar fih / u bin il-bniedem biex int tieħu ħsiebu? / Madankollu int għamiltu kemm kemm inqas mill-anġli, / bil-glorja u l-qima int inkurunajtu; / tajtu l-poter fuq l-opri ta’ jdejk, / kollox qiegħedt taħt riġlejh” (Sal 8,4-7).
5. Il-bniedem… l-eloġju tal-bniedem… l-affermazzjoni tal-bniedem.
Iva, l-affermazzjoni tal-bniedem kollu, fil-kostruzzjoni spiritwali u korporali tiegħu, f’dak li jurih bħala suġġett b’mod estern u intern. Il-bniedem addattat, fl-istruttura viżibbli tiegħu, għall-krejaturi kollha tad-dinja viżibbli u fl-istess ħin b’mod ġewwieni magħqud għall-għerf etern. U wkoll dan l-għerf huwa mħabbar mil-liturġija tallum, li tkanta l-oriġni divina tiegħu, il-preżenza viżibbli tiegħu fl-opra tal-ħolqien kollha biex ngħidu hekk għall-iskop li hi “issib l-għaxqiet tagħha ma’ wlied il-bnedmin” (Pr 8,31).
X’ma għamlux l-ulied femminili u maskili tan-nazzjon tagħkom għall-għarfien tal-bniedem, biex jesprimu l-bniedem permezz tal-formulazzjoni tad-drittijiet inaljenabbli tiegħu! Dak li jkun jagħraf il-post li l-idea ta’ libertà, ta’ ugwaljanza u ta’ fraternità għandha fil-kultura tagħkom, fl-istorja tagħkom. Fil-fond hemm ideat insara. Ngħid b’kuxjenza sħiħa li dawk li l-ewwel ifformulaw hekk dawn l-ideali ma rreferewx għall-alleanza tal-bniedem mal-għerf etern. Imma riedu bdanakollu jaġixxu għall-bniedem.
Għalina l-alleanza interna mal-għerf tinsab fil-bażi ta’ kull kultura u tal-veru progress tal-bniedem.
L-iżvilupp kontemporanju u l-progress, li fih nieħdu sehem, huma l-frott tal-alleanza mal-għerf divin? Mhumiex biss xjenza dejjem iktar eżatta tal-oġġetti u tal-ħwejjeġ li fuqhom jinbena l-progress eżorbitanti tat-teknika? Il-bniedem, awtur ta’ dan il-progress, mhux dejjem isir iktar l-oġġett ta’ dan il-proċess? U hija hawn li tinqered dejjem iktar fih u madwaru din l-alleanza mal-għerf, l-alleanza eterna mal-għerf li huwa s-sors tal-kultura, jiġifieri il-iżvilupp veru tal-bniedem.
6. Kristu ġie fid-dinja f’isem l-alleanza tal-bniedem mal-għerf etern. F’isem din l-alleanza huwa twieled mill-Verġni Marija u ħabbar il-Vanġelu. F’isem din l-alleanza, “mislub taħt Ponzu Pilatu”, huwa mar fuq is-salib u qam mill-imwiet. F’isem din l-alleanza, imġedda f’mewtu u fil-qawmien mill-imwiet tiegħu, huwa jirregalalna l-Ispirtu… L-alleanza mal-għerf etern tkompli fih. Hija tkompli fil-fatt tat-tagħlim lill-Ġnus u fit-tgħammid tagħhom, fil-Vanġelu u fl-Ewkaristija. Hija tkompli fil-Knisja jiġifieri fil-ġisem ta’ Kristu, il-Poplu ta’ Alla.
F’din l-alleanza, il-bniedem għandu jikber u jiżviluppa ruħu bħala bniedem. Għandu jikber u jiżviluppa billi jitlaq mis-sies tal-umanità tiegħu, jiġifieri bħala xbiha u xebħ ta’ Alla nnifsu. Għandu jikber u jiżviluppa bħala iben addottiv ta’ Alla. Bħala iben addottiv ta’ Alla l-bniedem għandu jikber u jiżviluppa permezz ta’ dak kollu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tiegħu u għall-progress tad-dinja li jgħix fiha. Permezz tal-opri kollha ta’ jdejh u tal-ġenju tiegħu. Permezz tas-suċċessi tax-xjenza kontemporanja u l-applikazzjoni tat-teknika moderna. Permezz ta’ dak kollu li jagħraf fir-rigward tal-makrokożmu u tal-mikrokożmu, grazzi għal apparat dejjem iktar ipperfezzjonat.
Kif inhi din li wara ċertu żmien il-bniedem skopra f’dan il-progress ġgantesk kollu sors ta’ theddida għalih innifsu? B’liema mod u minn liema toroq wasalna għall-fatt li, fil qalb stess tax-xjenza u tat-teknika moderna, tfaċċat il-possibiltà ta’ awtodistruzzjoni ġganteska tal-bniedem: Għall-fatt li l-ħajja ta’ kuljum toffri tant evidenza ta’ użu, kontra l-bniedem, ta’ dak li kellu jkun għall-bniedem u li kellu jservi lill-bniedem?
Kif wasalna hawn? Il-bniedem fil-mixja lejn il-progress jewwilla ma tilifx triq waħda, dik l-iktar faċli, u ma nesiex l-alleanza mal-għerf etern? Forsi ma qabadx it-triq “il-wiesgħa” waqt li nesa dik “dejqa” (cf. Mt 7)?
7. Kristu jgħid: “Ingħatali kull poter fis-sema kif ukoll fl-art” (Mt 28,18).Huwa dan jgħidu meta l-poter terren – is-sinedriju. Il-poter ta’ Pilatu – jurih is-supremazija fuqu, billi ddikjara l-mewt tiegħu fuq is-salib. Huwa jirrepetih ukoll wara l-qawmien mill-imwiet tiegħu.
“Il-poter fis-sema u fuq l-art” mhuwiex poter kontra l-bniedem. Imma linqas ma huwa poter tal-bniedem fuq il-bniedem. Huwa l-poter li jippermetti lill-bniedem li jirrevela lilu nnifsu fir-regalità kollha tiegħu, fil-milja kollha tad-dinjità tiegħu. Huwa l-poter li bih il-bniedem għandu jiskopri f’qalbu il-qawwa speċifika, li permezz tagħha għandu jirrivela lilu nnifsu fid-dimensjoni tal-kuxjenza tiegħu u fil-prospettiva tal-ħajja eterna. Allura tirrivela fih il-qawwa kollha tal-magħmudija, ikun jaf li huwa mgħaddas fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu Santu, isib għal kollox lilu nnifsu fil-Verb etern, fl-imħabba nfinita.
Huwa għal dan li l-bniedem huwa msejjaħ fl-alleanza mal-għerf etern.
Dan huwa wkoll il-“poter” li għandu Kristu “fis-sema u fuq l-art”. Il-bniedem tallum żied ħafna l-poter tiegħu fuq l-art, u hu jaħseb ukoll dwar l-espansjoni tiegħu ‘il hemm mill-pjaneta tagħna. Wieħed jista jgħid fl-istess ħin li l-poter tal-bniedem isir dejjem iktar tqil.
Waqt li jabbanduna l-alleanza mal-għerf etern, huwa jaf dejjem inqas jiggverna lilu nnifsu, ma jafx iktar jiggverna lill-oħrajn. Kemm saret urġenti din il-problema tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem! Liema wiċċ heddiedi jirrivelaw it-totalitarjaniżmu u l-imperjaliżmu li fihom il-bniedem ma jibqax ikun “suġġett”, jiġifieri li huwa ma jibqax jgħodd bħala bniedem. Huwa jgħodd biss bħala unità u bħala oġġett!
Ejjew nerġgħu nisimgħu għal darb’oħra x’jgħid Kristu b’dan il-kliem: “Kull poter ingħatali fis-sema u fuq l-art” u ejjew nimmeditaw il-verità kollha.
8. Kristu, fl-aħħarnett jgħid ukoll: “Jiena magħkom ilkoll il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt 28,20); dan ifisser ukoll: illum, fl-1980, għall-epoka kollha tagħna.
Il-problema tal-assenza ta’ Kristu ma teżistix. Il-problema tat-tbegħid tiegħu mill-istorja tal-bniedem ma jeżistix. Is-skiet ta’ Alla fil-konfront tal-ansjetajiet tal-qalb u tax-xorti tal-bniedem ma jeżistix.
Mhemmx għajr problema waħda biss li teżisti dejjem u kullimkien: il-problema tal-preżenza tagħna qrib Kristu. Tal-qagħda tagħna fi Kristu. Tal-intimità tagħna mal-verità awtentika ta’ kliemu u mal-qawwa ta’ mħabbtu. Ma teżistix għajr problema, dik tal-fedeltà tagħna lejn l-alleanza mal-għerf etern, li hija sors ta’ kultura vera, jiġifieri għat-tkabbir tal-bniedem, u dik tal-fedeltà lejn il-wegħdiet tal-magħmudija tagħna fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu!
Allura ippermettuli, biex nagħlaq, li nistaqsikom: Franza, l-ewwel wild tal-Knisja, inti fidila lejn il-wegħdiet tal-magħmudija tiegħek?
Ippermettuli li nistaqsikom: Franza, bint il-Knisja u edukatriċi ta’ popli. Inti fidila, għall-ġid tal-bniedem, lejn l-alleanza mal-għerf etern?
Aħfru dawn id-domandi. Għamilthom bħal ma jagħmel il-ministru fil-waqt tal-magħmudija. Għamilthom għall-interess tal-Knisja li tagħha jien l-ewwel saċerdot u l-ewwel qaddej u għall-imħabba tal-bniedem li l-kobor definittiv tiegħu huwa f’Alla Missier, Iben u Spirtu Santu.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb