Is-sentenza li tat il-Qorti Kostituzzjonali f’Varsavja dwar l-illegalità tal-abort f’każijiet ta’ malformazzjoni severa tal-fetu “hija konferma tal-liġi kostituzzjonali” u “hija fidila għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem”, hekk stqarr il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Polakki.
Is-sentenza, li nħarġet fit-22 ta’ Ottubru u li kellha tiġi ppublikata sat-2 ta’ Novembru, qed tiġi opposta minn xi segmenti tas-soċjetà ċivili li qed jipprotestaw kuljum f’ħafna bliet tal-Polonja. Dawk li qed jipprotestaw u li huma kontra l-leġiżlazzjoni l-ġdida u li qed jitolbu għal-liberalizazzjoni tal-liġi dwar l-abort, li fil-Polonja hija iktar stretta minn f’pajjiżi oħra, qed jagħtu tort lill-Knisja Kattolika għar-restrizzjonijiet addizzjonali ntrodotti mil-leġiżlazzjoni.
Mons. Stanisław Gądecki rrimarka li “l-Knisja minn dejjem iddefendiet il-ħajja u ser tkompli tagħmel hekk fil-futur, u ma tistax tibqa’ siekta dwar il-ħtieġa li tipproteġi kull bniedem mill-konċepiment sal-mewt naturali”. Hu enfasizza li “mil-lat tal-fidi, l-ħajja hija sagra u ma tistax tittiefes”.
Il-Prelat ippunta subgħajh lejn xi gruppi ta’ nies bi pressjoni ideoloġika u finanzjarja li qed “jippromovu d-dritt tal-abort” fuq skala kbira “biex jiksbu avvanz politiku”. Hu kkonkluda li “l-Knisja m’għandhiex u mhux ser tingħaqad ma xi partit politiku peress li l-missjoni tagħha hi tas-salvazzjoni tal-erwieħ, kif ukoll l-obbligu li tiddefendi l-verità żvelata mingħajr kompromessi u bbażata fuq din il-verità, li tappoġġja l-pjan ta’ Alla fid-dinja li tgħix fiha”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.agensir.it/quotidiano/2020/11/3/polonia-legge-sullaborto-e-manifestazioni-di-piazza-interviene-il-presidente-dei-vescovi-gadecki-la-chiesa-difende-la-vita/