Lezzjoni II: San Ġwann Damaxxenu

Print Friendly, PDF & Email

4 ta’ Diċembru: SAN ĠWANN DAMAXXENU, ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA.

Tifkira

San Ġwann Damaxxenu twieled f’Damasku għall-ħabta tas-sena 650 minn familja nisranija. Studja l-filosofija, issieħeb mal-irħieb fil-monasteru ta’ San Saba qrib Ġerusalemm, u ġie ordnat saċerdot. Hu meqjus bħala l-aħħar missier tal-Knisja tal-Lvant. Kiteb xi innijiet liturġiċi, kif ukoll ħafna tagħlim teoloġiku, l-aktar dwar il-kult tax-xbihat imqaddsa b’reazzjoni għat-tagħlim tal-ikonoklastiċi li kienu jipprojbixxu l-użu tal-ikoni. Miet fis-sena 749. Ġie ddikjarat duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XIII fl-1890.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Istqarrija tal-Fidi ta’ San Ġwann Damaxxenu, Saċerdot.

(Cap. 1 ) Mulej, sejjaħtli biex naqdi lid-dixxipli tiegħek.

Mulej, int ħriġtni minn ġenbejn missieri, int sawwartni f’ġuf ommi, int ġibtni fid-dawl tarbija, għotja, għax il-liġijiet naturali tagħna dejjem jimxu skont il-preċetti tiegħek.

Bil-barka tal-Ispirtu s-Santu int hejjejt il-ħolqien u l-eżistenza tiegħi, li jiena ħadt la mir-rieda tal-bniedem, anqas mill-ġibda tal-ġisem, iżda bil-grazzja tiegħek li ma tistax titfisser bil-kliem. Int hejjejt it-twelid tiegħi b’dik it-thejjija li tiżboq il-liġijiet tan-natura tagħna, meta għamiltni ibnek addottiv u ħriġtni fid-dawl tiegħek u lqajtni fost id-dixxipli tal-Knisja tiegħek qaddisa u bla tebgħa.

Int sqejtni ħalib spiritwali, il-ħalib tal-kliem imqaddes tiegħek. Għajjixtni bl-ikel utieq tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu, Alla tagħna u l-Iben il-waħdieni u qaddis tiegħek u tajtni xorb bnin mill-kalċi mbierek, jiġifieri demmu li jagħti l-ħajja, id-demm li hu xerred għas-salvazzjoni tad-dinja.

Għax int ħabbejtna, Mulej, u tajt lil Ibnek il-waħdieni u għażiż għall-fidwa tagħna. Hu xejn ma stmell imma laqa’ bil-qalb li jiġi jifdina, anzi ġie bħal ħaruf bla tebgħa mogħti għas-sagrifiċċju, u hu nnifsu hejja ruħu għalih billi, għakemm huwa Alla, sar bniedem u minn rajh bħala bniedem, qagħad f’kollox għalik, Alla Missieru u minnek obda sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib.

Int, o Kristu Alla tiegħi, daqshekk iċċekkint li qgħadt tfittex lili, nagħġa mitlufa, erfajtni fuq spallejk, qegħidtni f’mergħa ta’ ħaxix iħaddar, u tajtni nixrob l-ilma tal-għerf it-tajjeb permezz tar-rgħajja tiegħek li taħt it-tmexxija tiegħek, ir-ragħaj tagħhom, dejjem ħadu ħsieb biex jirgħu l-merħla magħżula u sabiħa tiegħek.

U, issa, Mulej, permezz ta’ isqof tiegħek, sejjaħt lili wkoll biex naqdi d-dixxipli tiegħek. Jien ma nafx x’kien il-ħsieb tal-provvidenza tiegħek meta sejjaħtli: dan int waħdek tafu.

Iżda, Mulej, ħaffifli t-tagħbija tqila ta’ dnubieti li bihom inqastek ħafna; naddafli ruħi u qalbi. Qabbadni t-triq it-tajba biex inkun musbieħ jixgħel.

Meta jien niftaħ ħalqi biex nitkellem, qegħidli int diskors fuq xufftejja, dawwalli u ħaffifli lsieni b’ilsien tan-nar mill-Ispirtu tiegħek, biex hekk inti tkun dejjem miegħi u żżommni quddiem għajnejk.

Kun ir-ragħaj tiegħi, Mulej, u irgħa flimkien miegħi, agħmel li qalbi ma xxaqleb la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, iżda l-Ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fit-triq id-dritta, ħalli dak kollu li nagħmel nagħmlu skont ir-rieda tiegħek, u jibqa hekk sal-aħħar.

U int, o quċċata għolja u safja bla ebda nikta, u ġemgħa magħżula tal-Knisja li tistenna l-għajnuna mingħand Alla, int li fik Alla sab il-mistrieħ tiegħu, ilqa’ minn għandna t-tagħlim tal-fidi ħieles minn kull tagħwiġ, dak it-tagħlim li jsaħħaħ lill-Knisja, kif għaddewhulna missirijietna.   

RESPONSORJU            

Mal 26; Salm 88(89):22

1 Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh: * Bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

2 Tkun idi dejjem miegħu u nsaħħu wkoll bi driegħi. * Bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

Talba

Agħtina , Mulej, l-għajnuna bit-talb tas-saċerdot San Ġwann Damaxxenu, biex il-fidi vera, li hu fisser bit-tagħlim sod tiegħu, tkun dejjem il-qawwa tagħna . B’Ibnek.

%d