Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-XXX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”
Rum 8, 12-17

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem. Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”.

Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 67 (68), 2 u 4. 6-7ab. 20-21

R/. (21a): Alla tagħna hu Alla li jsalvana

Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu;
jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.
Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla,
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ. R/.

Missier l-iltiema u difensur tar-romol,
hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.
Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom
u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.

Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor!
Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna.
Alla tagħna hu Alla li jsalvana;
il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 17, 17b.a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità;
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit?
Lq 13, 10-17

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba s-Sibt, Ġesù kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi. U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox.

Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek”. U qegħdilha jdejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt”.

“Uċuħ b’oħra”, wieġbu l-Mulej: “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”.

Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu