Lezzjoni II: San Nikola


6 ta’ Diċembru: SAN NIKOLA, ISQOF.

Tifkira

San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi. Sar isqof ta’ Mira f’Liċja, illum Dembre, raħal fit-Turkija. Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu. Ħa sehem fil-Konċilju ta’ Nicea fis-sena 325 kontra l-Arjani, li kienu jiċħdu d-divinità ta’ Kristu. Miet f’Mira bejn 345 u 352 u hu mweġġaħ fil-Knisja kollha, l-aktar mis-seklu 10 ’l hawn. Fl-1087, wara l-invażjoni tal-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum. Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Trattati ta’ Santu Wistin fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann

(Tract. 123:5)

Il-qawwa tal-imħabba tegħleb id-diqa tal-mewt

Il-Mulej qabad u staqsa lil Pietru fuq ħaġa li hu kien diġa jafha; staqsieh għal darba, tnejn, tlieta jekk kienx iħobbu. Ebda ħaġa ma sema’ tant drabi mingħand Pietru daqs din l-istqarrija ta’ mħabba; hekk ukolll ebda ħaġa ma rrikkmanda tant drabi lil Pietru daqs li jirgħa n-nagħaġ tiegħu.

Iċ-ċaħda għal tliet darbiet Pietru bidilhielu fi stqarrija għal tliet darbiet, biex ilsienu jaqdih fl-imħabba xejn inqas milli qdieh fil-biża’, u biex ikun jidher li aktar it-theddid tal-mewt milli l-ġibda għal din il-ħajja kien ġiegħlu jitkellem. Jekk l-ewwel wera l-biża’ meta ċaħad lir-ragħaj, mela issa ħa jagħti xhieda ta’ mħabba billi jilqa’ li jirgħa l-merħla tal-Mulej.

Min jirgħa n-naħaġ ta’ Kristu bil-ħsieb li l-merħla jżommha għalih, u ma jħallihiex tkun ta’ Kristu, dan juri li jkun iħobb lilu nnifsu mhux lil Kristu.

Il-mistoqsija ta’ Kristu, imtennija għal tliet darbiet sħaħ lil Pietru, qiegħda għassa kontra nies bħal dawn, li fuqhom l-Appostlu jitniehed u jgħid li huma jfittxu dak li hu tagħhom, u mhux ta’ Ġesù Kristu.

Meta qallu :Tħobbni? Irgħa n-nagħaġ tiegħi, ma riedx ifisser ħaġa’oħra ħlief: Jekk tħobbni, aħseb biex tirgħa n-nagħaġ tiegħi u mhux lilek innifsek; u irgħa n-nagħaġ għax huma tiegħi, mhux bħallikieku tiegħek; bihom għandek tfittex il-glorja tiegħi, mhux tiegħek; il-ħakma tiegħi, mhux tiegħek; il-qligħ tiegħi, mhux tiegħek; tkunx bħal dawk li huma marbuta ma’ din id-dinja mwiegħra; nies li jħobbu lilhom infushom u dak kollu li għandu x’jaqsam ma din l-imħabba, li hi l-għajn ta’ kull ħażen.

Għalhekk, min jirgħa n-nagħaġ ta’ Kristu m’għandux iħobb lilu nnifsu; u għandu jirgħa n-nagħaġ mhux bħallikieku kienu tiegħu imma għax ta’ Kristu.

L-iżjed li jmisshom jaħarbu din il-ħaġa ħażina huma dawk li jirgħu n-nagħaġ ta’ Kristu, biex ma jiġrilhomx li jfittxu dak li hu tagħhom u mhux ta’ Ġesù Kristu, biex ma jaqtgħux l-għatx tar-regħba tagħhom b’riħet dawk li għalihom Kristu xerred demmhom.

L-imħabba ta’ Kristu, f’min jirgħa n-nagħaġ tal-Feddej, għandha tikber f’ħeġġa hekk qawwija u spiritwali li telgħeb saħansitra l-biża’ naturali tal-mewt li minħabba fih ma rridux immutu, imqar jekk irridu ngħixu ma’ Kristu.

Imma d-diqa tal-mewt, kbira kemm tkun kbira, għandha dejjem tingħeleb mill-qawwa tal-imħabba li biha nħobbu lil dak li, għalkemm hu l-ħajja tagħna, hu wkoll ried, jieħu l-mewt għalina.

Li kieku l-mewt ma kinitx ħaġa mistmerra, jew kienet ħaġa li ma ddejjaqniex wisq, kieku l-glorja tal-martri ma kinitx tkun hekk kbira. Imma ladarba, sa minn fost l-istess nagħaġ tal-merħla, kien hemm tant li ħadu l-martirju għall-imħabba tar-ragħaj it-tajjeb, li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, kemm aktar għandhom jitqabdu sal-mewt għall-verità, sat-tixrid ta’ demmhom kontra d-dnub, dawk li għażilhom biex jirgħu l-istess nagħaġ, jiġifieri biex jgħallmuhom u jmexxuhom?

U għalhekk, wara l-eżempju tal-passjoni tiegħu, min ma jarax li, jekk ħafna min-nagħaġ stess saru jixbhu lir-ragħaj tagħhom, wisq aktar ir-rgħajja għandhom jingħaqdu u jixxiebhu ma dak li hu r-ragħaj wieħed tal-merħla waħda kollha, u li l-istess rgħajja huma n-nagħaġ tiegħu? Għax dawk li għalihom miet hu għamilhom kollha n-nagħaġ tiegħu, u hu nnifsu sar ħaruf. biex ikun  jista’ jmut għal kulħadd.

RESPONSORJU

Sir 45:3; Salm 77(78); 70.71.

1 Il-Mulej sebbħu quddiem is-slaten u tah kmandamenti għall-poplu tiegħu; * u wrieh il-glorja tiegħu.

2 Il-Mulej għażel il-qaddej tiegħu biex jirgħa lil Iżrael, il-wirt tiegħu; * u wrieh il-glorja tiegħu.

Talba

Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-ħniena tiegħek biex bit-talb tal-isqof San Nikola, tħarisna minn kull tiġrib u tmexxina bla tfixkil lejn is-salvazzjoni. B’Ibnek.