Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tad-XXIX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?
Rum 7, 18-25a

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx. Jekk jien nagħmel sewwasew dak li ma rridx, mhux jien mela qiegħed nagħmlu iżda d-dnub li hemm jgħammar fija. Inħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin. Skont il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi. Imsejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 66.68.76.77.93.94

R/. (68b): Għallimni, Mulej, il-kmandamenti tiegħek

Fehma tajba u għerf għallimni,
għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
Twajjeb int, u l-ġid tagħmel;
għallimni l-kmandamenti tiegħek. R/.

Tkun it-tieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skont il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.

Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek,
għax bihom int tagħtini l-ħajja.
Tiegħek jien; salvani int!
Jiena nfittex il-preċetti tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?
Lq 12, 54-59

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-Punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. Uċuħ b’oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh? U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?

Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sal-inqas ħabba”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu