Qari tal-Quddies tas-Sibt tad-XXIX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
L-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom.
Rum 8, 1-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, issa ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu fl-għaqda ma’ Kristu Ġesù. Għax il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt.

Għax dak li ma felħitx tagħmel il-Liġi, għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem, għamlu Alla meta bagħat ’l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub. B’hekk ikkundanna d-dnub fil-ġisem, biex dak li b’ġustizzja titlob il-Liġi jseħħ fina li ngħixu, imma skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem.

Dawk li jgħixu skont il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Ispirtu. Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu.

Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.

Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (ara 6): Aħna nfittxu ’l wiċċek, Mulej

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?
Min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 33, 11

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb,
imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.
Lq 13, 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: “Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?”. Iżda dak wieġbu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha””.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu