Qari tal-Quddies tal-Ħamis tad-XXIX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Issa li ħlistu mid-dnub, sirtu lsiera ta’ Alla.
Rum 6, 19-23

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, qiegħed nitkellem magħkom ta’ bnedmin li aħna, għax in-natura tagħkom dgħajfa. Bħalma l-membri ta’ ġisimkom kontu jassartuhom għaż-żína u l-ħażen, hekk issa dawn l-istess membri jassruhom għall-ġustizzja biex tkunu qaddisin. Meta kontu lsiera tad-dnub, kontu ħielsa f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja. Xi frott ħsadtu dak iż-żmien mill-ħwejjeġ li issa qegħdin iħammrulkom wiċċkom? It-tmiem ta’ dawk il-ħwejjeġ hija l-mewt.

Imma issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta’ Alla, qegħdin taħsdu għalikom frott li jwassal għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta’ dejjem. Għax il-ħlas tad-dnub hu l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (39 (40), 5a): Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma,
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 3, 8-9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena ngħodd kollox bħala telf u knis,
biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma ġejtx inġib il-paċi fid-dinja, imma l-firda.
Lq 12, 49-53

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu