Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XXXI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Jien ministru ta’ Kristu Ġesù fost il-pagani, biex nagħmel mill-ġnus offerta mqaddsa.
Rum 15, 14-21

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, jien żgur minnkom ħuti, li intom ilkoll mimlija bit-tieba u bl-għerf kollu, kapaċi twiddbu lil xulxin. Imma jien għamilt il-qalb u ktibtilkom biex infakkarkom f’xi ħwejjeġ. Dan għamiltu bil-grazzja li tani Alla li nkun ministru ta’ Kristu Ġesù fost il-pagani, ikkonsagrat biex naħdem għall-Evanġelju ta’ Alla u nagħmel mill-ġnus offerta mqaddsa mill-Ispirtu s-Santu u li togħġob lil Alla.

Għalhekk jien għandi biex nitkabbar fi Kristu Ġesù fis-servizz tiegħi għal Alla. Ma nissogra nsemmi xejn, jekk mhux dak li għamel Kristu permezz tiegħi biex inwassal il-pagani għall-ubbidjenza bil-kelma u bl-għemil, bil-qawwa tas-sinjali u l-mirakli, bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla.

Hekk permezz tiegħi seħħ ix-xandir tal-Evanġelju ta’ Kristu minn Ġerusalemm u l-inħawi ta’ madwarha sal-Illirja. Ix-xewqa tiegħi hi li nxandar l-Evanġelju fejn qatt ma ssemma Kristu, sabiex ma nkunx bnejt fuq sisien li jkun qiegħed ħaddieħor; kif inhu miktub: “Biex dawk li qatt ma kellhom l-aħbar jaraw; u dawk li qatt ma semgħu bih jifhmuh”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 97 (98), 1,2-3ab.3ċd-4

R/. (ara 2b): F’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 2, 5

Hallelujah. R/. Hallelujah
Min iżomm il-kelma ta’ Ġesù Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.
Lq 16, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: “Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi”.

L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: “Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu”.

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. “Kemm għandek tagħtih lil sidi?”. staqsa lill-ewwel wieħed. “Mitt barmil żejt”, wieġbu dak. “Oħroġ il-karti tiegħek”, qallu l-amministratur: “oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin”. Lil ieħor staqsieh: “U int, kemm għandek tagħti?”. “Mitt xkora qamħ”, wieġbu. Qallu: “Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin”.

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu