Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XXXI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa.
Rum 16, 3-9.16.22-27

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-knejjes kollha tal-Ġentili; inselli wkoll għall-knisja li tiltaqa’ f’darhom.

Sellu għal Epenetu, il-maħbub tiegħi, l-ewwel frott għal Kristu fl-Asja. Sellu għal Marija, li tħabtet ħafna għalikom. Sellu għal Androniku u Ġunja, qraba tiegħi u priġunieri miegħi, magħrufa fost l-appostli, u li emmnu fi Kristu qabli. Sellu għal Amplijatu, il-maħbub tiegħi fil-Mulej. Sellu għal Urbanu li ħadem magħna fi Kristu, u Staki l-maħbub tiegħi.

Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-knejjes kollha ta’ Kristu jsellmulkom.

Insellmilkom jiena Terzju, li ktibt din l-ittra, fil-Mulej. Isellmilkom Gaju li laqa’ mhux biss lili, imma l-knisja kollha. Isellmilkom Erastu, l-amministratur tal-belt, u Kwartu ħuna.

Lil Alla li għandu l-qawwa li jwettaqkom
fl-Evanġelju li nħabbar jien, jien u nxandar lil Ġesù Kristu,
skont ir-rivelazzjoni tal-misteru
li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;
lil dan Alla li issa rrivelalna dan il-misteru,
u għarrfu lill-ġnus bil-Kitba tal-Profeti,
skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,
biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;
lil dan Alla, waħdu fl-għerf,
il-glorja għal dejjem ta’ dejjem b’Ġesù Kristu. Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 144 (145), 2-3.4-5.10-11

R/. (1b): Mulej, inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem

Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
11Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Kor 8, 9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù Kristu għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?
Lq 16, 9-15

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem. Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?

Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih. Iżda hu qalilhom: “Intom dawk li tagħmluha ta’ nies sewwa f’għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f’għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu