Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Minħabba fid-deni li għamilt f’Ġerusalemm qed immut mifni bis-swied ta’ qalb.
1 Mak 6, 1-13

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Makkabin

F’dak iż-żmien, is-sultan Antijoku kien għaddej mill-provinċja tan-naħa ta’ fuq, meta sama’ li Elimajs, belt fil-Persja, kienet magħrufa għall-għana, għall-fided u d-dehbijiet li kellha. It-tempju li kien hemm fiha kien fih bosta ġid: kellu tarki tad-deheb, kurazzi u armi mħollijin hemm minn Alessandru bin Filippu, li kien l-ewwel wieħed minn fost is-slaten tal-Maċedonja, li saltan fuq il-Griegi.

Mar, għalhekk, biex jara jiħux il-belt u jisraq kulma jsib fiha, iżda ma seħħlux, għaliex in-nies tal-belt saru jafu x’kellu f’moħħu; u ġġildulu u waqfulu. Kellu, mela, jaħrab u jitlaq minn hemm, qalbu sewda, lura lejn il-Babilonja.

Fil-Persja mbagħad wasal xi ħadd għandu u qallu li l-eżerċti li kienu daħlu f’art Ġuda sfaw mirbuħa. Qallu wkoll li Lisja kien minn tal-ewwel li mar bil-qawwa kollha, iżda malajr raġa’ lura u ħarab meta sab ruħu wiċċ imb wiċċ mal-Lhud. U żied jgħidlu li l-Lhud ħadu saħħithom minħabba l-għodod u l-armi u l-priżi kbar li seħħilhom jaħtfu minn taħt idejn is-suldati li huma qerdu.

Barra minn dan, semmielu li l-idolu, li hu kien tella’ fuq l-artal f’Ġerusalemm, il-Lhud ġarrfuh, u s-santwarju dawruh b’ħitan għolja bħal qabel, u għamlu l-istess lill-belt tiegħu ta’ Bet-sur.

Is-sultan, meta ħa dawn l-aħbarijiet, inħasad u beda jirtogħod bil-biża’. Mar fis-sodda, u xejn ma ħassu f’sikktu bis-swied ta’ qalb li qabdu, għax ma kienx seħħlu t-tir ta’ moħħu. Baqa’ ġranet sħaħ fis-sodda, għaliex niket kbir kien jaħkmu mill-ġdid kull darba, u ħaseb li kien wasal biex imut.

Sejjaħ, għalhekk, lil ħbiebu kollha u qalilhom: “In-ngħas ħarab minn xfar għajnejja, għax qalbi sewda għall-aħħar bid-dwejjaq li għandi fuqi. Għedt bejni u bejn ruħi: Ara, x’diqa ġejt fiha, u x’baħar issa sibt ruħi fih! Jiena, fis-setgħa tiegħi, kont dejjem ferħan u kont maħbub. Iżda issa m’iniex ħlief niftakar fid-deni li għamilt f’Ġerusalemm: ġarrejt il-ħwejjeġ kollha li kellha, sew tal-fidda u sew tad-deheb, u għal xejn b’xejn bgħatt noqtol lil kull min joqgħod f’art Ġuda. Qed nara li minħabba f’hekk ġiet fuqi dil-ħsara kollha, u ara, qed immut mifni bis-swied ta’ qalb f’art barranija”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 9, 2-3.4 u 6.16b u 19

R/. (ara 16a): Nifraħ, Mulej, bis-salvazzjoni tiegħek

Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha;
inxandar għeġubijietek kollha!
Nifraħ u nithenna bik;
ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli. R/.

Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi,
jitfixklu u jgħibu quddiemek.
Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;
ħassart isimhom għal dejjem ta’ dejjem. R/.

Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;
fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.
Għax l-imsejken ma jintesiex għal dejjem,
it-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja permezz tal-EVANĠELJU.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.
Lq 20, 27-40

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien resqu fuq Ġesù xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: “Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh”. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.

Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: “Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid”. Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d