Il-Knisja fuq il-fruntiera


Intervista lil Mons. Mario Grech, is-Segretarju l-ġdid tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Intervista minn Antonio Spadaro sj u Simone Sereni li dehret fir-rivista La Civiltà Cattolica tat-3 ta’ Ottubru 2020

Mons. Mario Grech huwa s-Segretarju ġenerali l-ġdid tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Huwa Malti, twieled fl-1957, u kien maħtur Isqof ta’ Għawdex fl-2005 mill-Papa Benedittu XVI. Mill-2013 sal-2016 kien President tal-Konferenza Episkopali Maltija. Fit-2 ta’ Ottubru 2019 il-Papa Franġisku ħatru Prosegretarju ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, u għalhekk ħa sehem fis-Sinodu tal-Amażonja. L-esperjenza pastorali ta’ Mons. Grech hija wiesgħa. Il-kordjalità tiegħu u l-kapaċità li għandu li jisma’ sew il-mistoqsijiet li jsirulu ħajruna li nagħmlu miegħu konverżazzjoni libera.

Miċ-Civilà Cattolica – https://www.laciviltacattolica.it/articolo/la-chiesa-sulla-frontiera/

Bdejna mill-qagħda tal-Knisja fiż-żmien tal-pandemija – ekkleżjoloġija waqt il-lockdown – u l-isfidi ewlenin tal-lum, imbagħad tkellimna naturalment fuq riflessjonijiet dwar is-sagramenti, dwar l-evanġelizzazzjoni, dwar it-tifsira tal-fraternità umana, u anki dwar is-sinodalità, li Mons. Grech jaraha bħala xi ħaġa marbuta ħafna magħha. Parti mill-intervista hija ddedikata parikularment lill-familja, “il-Knisja żgħira tad-dar”: huwa għalhekk li din il-konverżazzjoni saret minn saċerdot flimkien ma’ lajk li hu miżżewweġ u missier.

Mons. Grech, dan iż-żmien ta’ pandemija li għadna għaddejjin minnu ġiegħel lid-dinja tieqaf. Id-djar saru postijiet fejn nipproteġu ruħna mill-infezzjoni, it-toroq tbattlu. Anki fil-Knisja hemm din l-arja tqila. Iċ-ċelebrazzjoni pubblika tal-liturġija ma kinitx possibbli. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek bħala isqof, bħala ragħaj?

Jekk nilqgħu dan kollu bħala opportunità, jaf ikun mument ta’ tiġdid. Il-pandemija wrietna li hemm ċerta injoranza reliġjuża, faqar spiritwali. Xi wħud insistew dwar il-libertà li jesprimu l-qima tagħhom, imma ftit intqal dwar il-libertà fil-mod kif nesprimu l-qima tagħna. Insejna r-rikkezza u l-varjetà ta’ esperjenzi li jgħinuna nikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu. Xi ħadd saħansitra qal li kien hemm interruzzjoni fil-ħajja tal-Knisja. Din hija ħaġa li ma titwemminx. F’sitwazzjoni fejn ma stajniex niċċelebraw is-sagramenti, ma ndunajniex li kien hemm modi oħrajn li bihom stajna nagħmlu esperjenza ta’ Alla.

Fil-Vanġelu skont San Ġwann, Ġesù jgħid lis-Samaritana: “Jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier u lanqas f’Ġerusalemm. […] Imma tiġi siegħa – anzi issa hi – meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità: għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh” (4:21-23). Il-fedeltà tad-dixxiplu lejn Ġesù ma tistax tkun kompromessa min-nuqqas temporanju tal-liturġija u tas-sagramenti. Huwa sinifikanti ħafna l-fatt li ħafna saċerdoti u lajċi daħlu fi kriżi proprju għaliex f’kolp sabu ruħhom f’sitwazzjoni li ma setgħux jiċċelebraw il-quddiesa mal-poplu.

Fiż-żmien tal-pandemija għolla rasu ċertu klerikaliżmu, anki permezz tas-social media. Assistejna għal ċertu grad ta’ esibizzjoniżmu u pjetiżmu, li iktar kien qisu maġija milli espressjoni ta’ fidi matura.

Allura x’inhi l-isfida tal-lum?

Meta t-Tempju ta’ Ġerusalemm, fejn kien imur jitlob Ġesù, inqered, il-Lhud u l-ġentili, meta raw li issa ma kellhomx it-Tempju, inġabru madwar il-mejda tad-dar u hemm offrew sagrifiċċji permezz ta’ xofftejhom u bit-talb ta’ tifħir. Meta ma setgħux jimxu iktar mat-tradizzjoni, kemm il-Lhud u kemm l-Insara ħadu f’idejhom il-ktieb tal-Liġi u tal-Profeti, u interpretawhom b’mod ġdid.[1] Din hija l-isfida anki tal-lum.

Yves Congar, meta kiteb dwar ir-riforma li l-Knisja għandha bżonn, jgħid li l-aġġornament tal-Konċilju għandu jwassal biex insibu stil ġdid ta’ kif inkunu, kif nitkellmu u kif nimpenjaw ruħna, stil li jwieġeb għall-ħtieġa ta’ servizz evanġeliku totali lid-dinja. Għall-kuntrarju, ħafna inizjattivi pastorali f’dan iż-żmien kienu ffukati fuq il-figura tal-presbiteru waħdu. Il-Knisja, f’dan is-sens, tidher wisq klerikali, u l-ministeru hu kkontrollat mill-qassisin. Anki l-lajċi spiss iħallu lilhom infushom jiġu kkundizzjonati minn mudell ta’ klerikaliżmu qawwi.

L-esperjenza li għexna ġġegħilna niftħu għajnejna fuq ir-realtajiet li qed ngħixu fil-knejjes tagħna. Jeħtieġ nirriflettu biex nistaqsu lilna nfusna dwar ir-rikkezza tal-ministeri lajkali fil-Knisja, biex nifhmu jekk u kif dawn esprimew ruħhom. X’tiswa l-professjoni tal-fidi, jekk imbagħad din l-istess fidi ma ssirx ħmira biex tibdel l-għaġna tal-ħajja?

Skont inti, liema huma dawk l-aspetti fil-ħajja tal-Knisja li ħarġu mid-dell f’dan iż-żmien?

Skoprejna ekkleżjoloġija ġdida, forsi wkoll teoloġija ġdida, u anki ministeru ġdid. Dan għalhekk juri li wasal iż-żmien li nagħmlu l-għażliet meħtieġa biex nibnu fuq dan il-mudell ġdid ta’ ministeru. Inkunu qed nagħmlu suwiċidju jekk, wara l-pandemija, nerġgħu mmorru lura għall-istess mudelli pastorali li kellna qabel. Aħna naħlu ħafna enerġija biex nippruvaw “nikkonvertu” lis-soċjetà sekulari tagħna, filwaqt li huwa iktar importanti li “nikkonvertu aħna stess” biex imbagħad inwettqu l-“konverżjoni pastorali” li spiss jitkellem dwarha l-Papa Franġisku.

Jiena narah bħala ħaġa kurjuża l-fatt li ħafna ilmentaw li ma setgħux jitqarbnu u li ma setgħux jiċċelebraw il-funerali fil-knisja, imma fl-istess ħin ma kenux daqshekk inkwetati kif se jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla u mal-proxxmu, fuq kif se jisimgħu u jiċċelebraw il-Kelma ta’ Alla, u fuq kif se jgħixu l-qadi lejn l-oħrajn.

Rigward il-Kelma, imbagħad, għandna nittamaw li din il-kriżi, li l-effetti tagħha se nħossuhom fit-tul, tista’ tkun mument ta’ opportunità għalina, bħala Knisja, biex nerġgħu npoġġu l-Vanġelu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna u tal-ministeru tagħna. Ħafna għadhom “illitterati fejn jidħol il-Vanġelu”.

F’dan ir-rigward, ftit ilu semmejt il-faqar spiritwali: x’natura għandu dan il-faqar, u fl-opinjoni tiegħek liema huma l-kawżi l-iktar evidenti?

Ma nistgħux niċħdu li l-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija, jew kif iħobbu jgħidu xi wħud, il-quċċata u l-għajn tal-istess ħajja tal-Knisja u tal-fidili;[2] u huwa daqshekk ieħor minnu li “ċ-ċelebrazzjoni liturġika […] hija għemil qaddis per eċċellenza, u l-ebda għemil ieħor m’għandu daqhekk qawwa u ġieħ”;[3] madankollu l-Ewkaristija mhijiex l-unika possibbiltà li n-Nisrani għandu biex ikollu l-esperjenza tal-misteru, u biex jiltaqa’ mal-Mulej Ġesù. Hija f’waqtha ħafna l-osservazzjoni li għamel Pawlu VI meta jikteb li fl-Ewkaristija “l-preżenza ta’ Kristu hija ‘reali’, imma dan ma jfissirx bħallikieku li l-oħrajn mhumiex ‘reali’.[4]

Għaldaqstant wieħed għandu jinkwieta meta, barra mill-kuntest Ewkaristiku jew ta’ qima, wieħed iħossu mitluf għaliex ma jafx modi oħrajn biex jidħol fil-misteru. Dan mhux biss juri li jeżisti ċertu illitteriżmu spiritwali, imma din hija wkoll prova ta’ kemm il-prattiċi pastorali tal-lum mhumiex adegwati. X’aktarx li fil-passat riċenti l-attività pastorali tagħna ppruvat tkun inizjazzjoni għas-sagramenti, u mhux – permezz tas-sagramenti – tkun inizjazzjoni għall-ħajja Nisranija.

Il-faqar spiritwali u n-nuqqas ta’ laqgħa vera mal-Vanġelu għandhom bosta implikazzjonijiet…

Dażgur. U allura wieħed ma jistax jiltaqa’ verament ma’ Ġesù mingħajr ma jimpenja ruħu biex jgħix il-Kelma tiegħu. Rigward is-servizz, jiena ħsibt hekk: imma dawk it-tobba u l-infermiera li rriskjaw ħajjithom biex jibqgħu qrib tal-morda, dawn ma bidlux is-swali tal-isptarijiet f’“katidrali” oħra? Is-servizz lill-oħrajn fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, li ħalliehom bla nifs minħabba l-esiġenzi tal-emerġenza tas-saħħa, dan kien anki għall-Insara l-mod fiżjoloġiku li bih jesprimu l-fidi tagħhom, ta’ Knisja preżenti fid-dinja tal-lum, u mhux iktar “Knisja tas-sagristija”, ʼil bogħod mit-toroq, jew li tikkuntenta ruħha li tieħu s-sagristija fit-toroq!

Allura, jista’ dan is-servizz ikun mod ta’ evanġelizzazzjoni?

Il-qsim tal-ħobż Ewkaristiku u l-Kelma ma jistgħux iseħħu mingħajr ma jsir il-qsim tal-ħobż ma’ min m’għandux. U din hija d-diakonia. Il-fqar huma teoloġikament il-wiċċ ta’ Kristu. Mingħajr il-fqar jintilef il-kuntatt mar-realtà. Allura, bħalma hu importanti li fil-parroċċa jkollok post għat-talb, huwa daqshekk importanti li jkollok il-kċina għall-fqar, fis-sens wiesa’ tal-kelma. Id-diakonia jew l-evanġelizzazzjoni tal-ħidma soċjali hija dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, tal-missjoni tagħha.

Bħalma l-Knisja hi missjunarja min-natura tagħha, hekk minn din in-natura missjunarja toħroġ l-imħabba għall-proxxmu, il-kompassjoni, li hi kapaċi tifhem, tgħin u tippromovi lill-oħrajn. L-aqwa mod kif wieħed jagħmel esperjenza tal-imħabba Nisranija huwa l-ministeru tal-qadi. Ħafna nies huma miġbudin lejn il-Knisja mhux għax xi darba ħadu sehem fil-lezzjonijiet tal-katekiżmu, imma għax ħadu sehem f’xi esperjenza sinifikanti ta’ servizz. U dan il-mod ta’ evanġelizzazzjoni huwa fundamentali fiż-żmien ta’ tibdil tal-lum, kif qal il-Papa fid-diskors tiegħu lill-Kurja fl-2019: “M’għadniex ngħixu iktar f’sistema Nisranija”.

Fil-fatt, il-fidi m’għadhiex tikkostitwixxi presuppożizzjoni ovvja ta’ għajxien komuni. In-nuqqas ta’ fidi, jew aħjar il-mewt ta’ Alla, hija forma oħra ta’ pandemija li toqtol lin-nies. Qed tiġini f’moħħi l-istqarrija paradossali li għamel Dostoevskij fil-kitba tiegħu Ittra lil Fonvizina: “Kieku xi ħadd jiġi jippruvali li Kristu jinsab barra l-verità, u fil-fatt jirriżulta li hija l-verità li tinsab barra minn Kristu, jiena nippreferi nibqa’ ma’ Kristu milli mal-verità”. Is-servizz juri l-verità ta’ Kristu nnifsu.

Il-qsim tal-ħobż fid-djar, matul il- “lockdown”, fl-aħħar xegħel dawl fuq il-ħajja Ewkaristika u ekkleżjali li tant familji jagħmlu esperjenza tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Nistgħu ngħidu li d-dar reġgħet saret Knisja, anki “knisja” fis-sens liturġiku?

Għalija din hija ċara ħafna. U min, matul dan iż-żmien li fih il-familja ma kellhiex iċ-ċans li tieħu sehem fl-Ewkaristija, u ma ħax l-okkażjoni biex jgħin il-familji jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, tilef okkażjoni tad-deheb. Min-naħa l-oħra, kien hemm diversi familji li f’dan iż-żmien ta’ restrizzjonijiet urew, fuq inizjattiva tagħhom, li kienu “kreattivi fl-imħabba”: ibda mill-mod kif il-ġenituri għenu liż-żgħar tagħhom biex jieħdu sehem fil-home-schooling, u anki mill-għajnuna li offrew lill-anzjani biex jegħlbu s-solitudni, u mill-mod kif għenu biex jinħolqu spazji għat-talb, u saħansitra kienu disponibbli lejn l-iktar persuni fqar. Jalla l-grazzja tal-Mulej timmultiplika dawn l-eżempji sbieħ, u tgħinna nerġgħu niskopru mill-ġdid is-sbuħija tal-vokazzjoni u tal-kariżmi moħbijin fil-familji kollha.

L-ewwel kont qed titkellem dwar “ekkleżjoloġija ġdida” li toħroġ mill-esperjenza imposta ta’ lockdown. X’inhu dak li tissuġġerixxi din l-iskoperta mill-ġdid tad-“dar”?

Li hawn jinsab il-futur tal-Knisja: li jeħtieġ nagħtu iktar importanza lill-Knisja tad-dar u nagħtuha iktar spazju. Knisja-familja magħmula minn numru ta’ familji-Knisja. Din hija l-premessa valida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li fostna nħossu tant il-bżonn tagħha. Jeħtieġ li ngħixu l-Knisja fi ħdan il-familji tagħna. U l-Knisja istituzzjoni u l-Knisja tad-dar mhumiex kontra xulxin. Il-Knisja bħala komunità kbira hija magħmula minn ħafna Knejjes li jiltaqgħu fid-djar. Jekk tfalli l-Knisja tad-dar, il-Knisja ma tistax teżisti. Jekk m’hemmx il-Knisja tad-dar, il-Knisja m’għandhiex futur! Il-Knisja tad-dar hija ċ-ċavetta li tiftħilna orizzonti ta’ tama!

Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli għandna deskrizzjoni fid-dettall tal-Knisja fil-familja, domus ecclesiæ: “U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja” (2:46). Fit-Testment il-Qadim, id-dar tal-familja kienet il-post fejn Alla kien juri lilu nnifsu u fejn kienet jiġi ċċelebrat l-Għid Lhudi, l-iktar ċelebrazzjoni solenni tal-fidi Lhudija. Fit-Testment il-Ġdid, l-Inkarnazzjoni seħħet f’dar, il-Magnificat u l-Benedictus tkantaw f’dar, l-ewwel Ewkaristija seħħet f’dar, l-istess bħalma ġara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin. Fl-ewwel żewġ sekli l-Knisja dejjem iltaqgħet fid-dar tal-familja.

Fl-edizzjoni riċenti tal-Vulgata, spiss tintuża l-espressjoni “il-Knisja ċkejkna tad-dar”, b’nota riduzzjonista, forsi mingħajr ebda intenzjoni… Taħseb li din in-narrattiva setgħet għenet biex tkompli ddgħajjef id-dimensjoni ekkleżjali tad-dar u tal-familja, ħaġa li tiftiehem faċilment minn kulħadd, u li llum tidher daqshekk ovvja?

Forsi għadna f’dan l-istat minħabba l-klerikaliżmu, li huwa waħda mill-perverżjonijiet tal-ħajja presbiterali u tal-Knisja, għad illi l-Konċilju Vatikan II kien reġa’ rkupra mill-ġdid l-idea tal-familja bħala “Knisja tad-dar”[5] u anki żviluppa t-tagħlim dwar is-saċerdozju komuni.[6] Dan l-aħħar qrajt, f’artiklu dwar il-familja, din l-affermazzjoni preċiża: it-teoloġija u l-valur tal-kura pastorali fil-familja bħala “Knisja tad-dar” ħadu xejra negattiva fir-raba’ seklu, meta kien hemm is-“sekularizzazzjoni” tal-presbiteri u tal-isqfijiet, u dan b’dannu għas-saċerdozju komuni bis-saħħa tal-magħmudija, li beda jitlef il-valur tiegħu. Iktar ma ġiet enfasizzata l-Knisja bħala “istituzzjoni”, iktar bdiet tonqos in-natura u l-kariżma tal-familja bħala Knisja tad-dar.

Mhijiex il-familja li tiddependi mill-Knisja, imma hija l-Knisja li għandha tiddependi mill-familja. La l-familja hi struttura bażika u permanenti tal-Knisja, lilha, domus ecclesiæ, għandha tintradd id-dimensjoni sagra u ta’ qima. Santu Wistin u San Ġwann Kriżostmu jgħallmu, anki fid-dawl tal-Ġudajiżmu, li l-familja għandha tkun l-ambjent fejn il-fidi tista’ tiġi ċċelebrata, immeditata u megħjuxa. Huwa dmir tal-komunità parrokkjali li tgħin lill-familja biex tista’ tkun skola ta’ katekeżi u spazju liturġiku fejn jista’ jsir il-qsim tal-ħobż fuq il-mejda tal-kċina.

Min huma l-ministri ta’ din il- “Knisja-familja”?

Skont San Pawlu VI, is-saċerdozju komuni jgħixuh b’mod tal-għaġeb il-miżżewġin mogħnija bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ.[7] Mela anki l-ġenituri, bis-saħħa tas-sagrament li rċevew, huma l- “ministri tal-qima”, li waqt il-liturġija tad-dar jaqsmu l-ħobż tal-Kelma, jitolbu biha, u hekk isseħħ it-trażmissjoni tal-fidi lit-tfal. Ix-xogħol tal-kateksti huwa importanti, imma ma jistax jieħu post il-ministeru tal-familja. L-istess liturġija tal-familja ddaħħal lill-membri tal-familja biex imbagħad jieħdu sehem iktar attiv u konxju fil-liturġija tal-komunità parrokkjali. Dan kollu jgħin biex issir it-tranżizzjoni mil-liturġija klerikali għal dik familjari.

Minbarra l-ispazju strettament tad-dar, inti taħseb li dak li hu speċifiku għal dan il- “ministeru” tal-familja, tal-miżżewġin u taż-żwieġ jista’ u għandu jkollu importanza profetika u missjunarja għall-Knisja u għad-dinja? U taħt liema forom, ngħidu aħna?

Minkejja li għal għexieren ta’ snin il-Knisja saħqet li l-familja hija suġġett tal-azzjoni pastorali, nibża’ li b’ħafna modi dan il-kliem sar parti mir-rettorika dwar il-kura pastorali tal-familja. Sal-lum ħafna għadhom mhumiex konvinti li l-familja għandha l-kariżma li tevanġelizza, u ma jemmnux li l-familja għandha “kreattività missjunarja”. Hemm ħafna x’niskopru u x’nintegraw. Personalment kelli esperjenza sabiħa ħafna tal-pastorali familjari fid-djoċesi tiegħi, bis-sehem tal-koppji u tal-familji. Xi wħud mill-koppji impenjaw ruħhom fit-tħejjija għaż-żwieġ, filwaqt li oħrajn akkumpanjaw lill-miżżewġin ġodda fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ tagħhom.

Il-koppji miżżewġa, mogħnija bl-esperjenza tal-familji tagħhom stess, mhux biss jistgħu jaqsmu x-xhieda tal-fidi inkarnata fil-ħajja kuljum tal-familja, imma jirnexxilhom anki jsibu lingwaġġ teoloġiku-kateketiku ġdid biex jipproklamaw il-Vanġelu tal-familja. Fuq l-eżempju tal-“Knisja li toħroġ”, il-“Knisja tad-dar” jeħtieġ torjenta ruħha biex toħroġ mid-dar; u għalhekk għandha tkun f’qagħda li tassumi r-responsabbiltà tagħha bħala suġġett soċjali u politiku. Kif saħaq il-Papa Franġisku, Alla “lill-familja fdalha mhux l-għożża ta’ intimità li għandha b’fini lilha nfisha, imma l-proġett emozzjonanti li ‘tiddomestika’ lid-dinja”.[8]

Il-familja “hi msejħa tħalli l-marka tagħha fuq is-soċjetà fejn tgħix, biex tiżviluppa għamliet oħra ta’ mħabba għammiela li huma bħat-titwil tal-imħabba li tweżinha”.[9] Sintesi ta’ dan kollu jinsab fid-Dokument finali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq il-familja, fejn il-Padri Sinodali kitbu hekk: “Għalhekk il-familja hija s-suġġett tal-azzjoni pastorali permezz tax-xandir tal-Vanġelu u l-wirt ta’ forom differenti ta’ xhieda: il-solidarjetà mal-fqar, il-ftuħ għal persuni differenti, il-ħarsien tal-ħolqien, is-solidarjetà morali u materjali lejn il-familji l-oħra l-iktar dawk fil-bżonn, l-impenn favur il-promozzjoni tal-ġid komuni wkoll permezz tat-tibdil ta’ strutturi soċjali inġusti, li jibdew mit-territorju fejn tgħix, billi tipprattika l-opri tal-ħniena kemm li jmissu l-ġisem kif ukoll spiritwali”.[10]

Ejjew issa nikkunsidraw orizzont iktar wiesa’. Il-virus ma jaf bl-ebda ostaklu. Jekk ħarġu egoiżmi individwali u nazzjonali, huwa minnu li llum huwa iktar ċar li fid-dinja qed ngħixu fraternità umana fundamentali.

Din il-pandemija għandha twassalna biex nifhmu mill-ġdid is-soċjetà li qed ngħixu fiha llum, u twassalna biex nagħrfu viżjoni ġdida tal-Knisja. Jgħidu li l-istorja hija l-ikbar għalliema, imma ħafna drabi ma jkollhiex studenti! Proprju minħabba l-egoiżmu u l-individwaliżmu tiegħu, il-bniedem għandu memorja selettiva. Mhux biss iħassar mill-memorja tiegħu t-tbatijiet li ħoloq huwa stess, imma huwa kapaċi wkoll li jinsa lill-proxxmu tiegħu. Ngħidu aħna, il-ħsieb tal-ekonomija u l-finanzi spiss ikun iktar importanti mill-ħsieb tal-ġid komuni. Fil-pajjiżi tagħna tal-Punent, minkejja li niftaħru li aħna demokratiċi, fil-prattika kollox huwa mmexxi minn min għandu l-poter politiku u ekonomiku. Minflok, għandna bżonn nerġgħu niskopru mill-ġdid il-fraternità. Filwaqt li nassumu r-responsabbiltà marbuta mas-Sinodu tal-Isqfijiet, jiena naħseb li s-sinodalità u l-fraternità huma żewġ kelmiet marbuta ma’ xulxin.

F’liema sens? Nistgħu nipproponu s-sinodalità anki lis-soċjetà ċivili?

Karatteristika essenzjali fil-proċess tas-Sinodu fil-Knisja hija d-djalogu fratern. Fid-diskors tiegħu fil-bidu tas-Sinodu fuq iż-Żgħażagħ, il-Papa Franġisku qal: “Is-Sinodu għandu jkun eżerċizzju ta’ djalogu l-ewwel nett bejn dawk li qegħdin jieħdu sehem fih”.[11] U l-ewwel frott ta’ dan id-djalogu huwa li kull wieħed ikun miftuħ għall-ġdid, ikun lest li jibdel l-opinjoni tiegħu, u jifraħ b’dak li jkun sema’ mingħand ħaddieħor.[12] Barra minn hekk, fil-bidu tal-Assemblea speċjali tas-Sinodu għar-reġjun tal-Pan-Amażonja, il-Papa għamel sejħa għall- “mistika tal-fraternità”,[13] u enfasizza l-importanza li jkun hemm atmosfera ta’ aħwa bejn il-Padri Sinodali: “iħarsu l-fraternità li suppost teżisti hawn ġew”.[14]

Din il-kultura ta’ “djalogu fratern” tista’ tgħin lil kull assemblea – sew jekk politika, ekonomika, xjentifika – biex tinbidel f’postijiet ta’ djalogu u mhux ta’ konfront. Fi żmien bħalma qed ngħixu llum, li fih qed naraw pretensjoni eċċessiva tas-sovranità tal-pajjiżi, u ritorn għad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-klassijiet soċjali, il-bniedem għandu jiżen din il-proposta “sinodali”, li tħaffef it-triq biex nersqu iktar lejn xulxin u biex ikollna viżjoni ta’ koperazzjoni. Kif jisħaq Christoph Theobald, dan “id-djalogu fratern” jista’ jiftaħ triq quddiemna biex negħlbu din il-“ġlieda bejn l-interessi kompetittivi”: “Huwa biss is-sentiment reali li nħossuna verament ‘aħwa’ li jista’ jagħmilha possibbli li negħlbu din il-ġlieda soċjali u jiftaħ triq għal ftehim u għal għaqda, għad illi tista’ tkun dgħajfa u temporanja. Hawnhekk l-awtorità tinbidel f’‘awtorità tal-fraternità’; bidla li tippresupponi li hemm awtorità fraterna, li jkollha l-ħila li tqanqal, bħallikieku b’mod li jittieħed, is-sentiment evanġeliku ta’ fraternità – jew ‘spirtu ta’ aħwa’, skont l-Art. 1 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem – fejn tista’ tinbela’ mill-maltempati tal-istorja”.[15]

F’dan il-kuntest soċjali għadhom jinstemgħu b’qawwa kbira l-kelmiet għaqlin li kien qal il-Papa, meta qal li l-Knisja sinodali hija bħal stendard merfugħ fost il-ġnus, f’dinja li mqar jekk titkellem ħafna fuq il-parteċipazzjoni, is-solidarjetà u trasparenza fl-amministrazzjoni tal-ħwejjeġ pubbliċi, minflok ta’ spiss titlaq id-destin ta’ ġnus sħaħ fl-idejn magħluqa ta’ gruppi ristretti ta’ poter. Bħala Knisja li “timxi flimkien” mal-bnedmin, u li tieħu sehem fit-taħbit tal-istorja, ejjew ngħożżu l-ħolma li l-għarfien mill-ġdid tad-dinjità invjolabbli tal-popli u tal-funzjoni tal-qadi tal-awtorità jistgħu jgħinu wkoll lis-soċjetà ċivili biex tinbena fil-ġustizzja u fil-fraternità, u tnissel dinja isbaħ u iżjed denja tal-bniedem għall-ġenerazzjonijiet li għad jiġu warajna.[16]


[1] Ara T. Halik, “Questo è il momento per prendere il largo”, fil-ġurnal Avvenire, 5 ta’ April 2020, 28.

[2] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium (SC), n. 10, 4 ta’ Diċembru 1963.

[3] SC 7.

[4] Pawlu VI, Ittra Enċiklika Mysterium fidei, n. 40, 3 ta’ Settembru 1965.

[5] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Lumen gentium (LG), n. 11; Digriet Apostolicam actuositatem (AA), n. 11.

[6] Ara LG 10.

[7] Ara Pawlu VI, Udjenza ġenerali, 11 ta’ Awwissu 1976.

[8] Franġisku, Udjenza ġenerali, 16 ta’ Settembru 2015.

[9] Id, Eżortazzjoni Appostolika postsinodali Amoris lætitia, n. 181, 19 ta’ Marzu 2016.

[10] Relazzjoni finali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 24 ta’ Ottubru 2015.

[11] Franġisku, Diskors fil-bidu tas-Sinodu dedikat liż-żgħażagħ, 3 ta’ Ottubru 2018.

[12] Ara ibid.

[13] Id., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, n. 92, 24 ta’ Novembru 2013.

[14] Id., Tislima fil-ftuħ tal-ħidma tal-Assemblea speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għar-reġjun tal-Pan-Amażonja, 7 ta’ Ottubru 2019.

[15] C. Theobald, Dialogo e autorità tra società e Chiesa, indirizz tal-ftuħ fl-okkażjoni ta’ “Dies academicus” tal-Fakultà tat-Teoloġija ta’ Triveneto, 22 ta’ Novembru 2018.

[16] Ara Franġisku, Diskors fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes