Sripta manet!


Il-covid-19 donnha li ma taħfirha lil ħadd! Kemm ħajjiet ta’ nies ħasdet bla ħniena ta’ xejn! Waħda minnhom kienet dik ta’ ħuna Patri Lino Cardona SJ.

L-ewwel darba li l-Mulej laqqagħni ma’ Patri Lino kienet is-sena 2008. Niftakar li konna morna l-Art Imqaddsa flimkien mal-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Pawlu Cremona OP u żewġ gruppi li ma jispiċċaw qatt magħmula minn patrijiet, fosthom it-tlett Provinċjali tat-tlett Familji Franġiskani, sorijiet u biżibilju lajċi! X’esperjenza tassew kbira u sabiħa kienet dik! Aktar u aktar meta kellna l-grazzja li, letteralment, induqu dawk il-postijiet tant għeżież hekk marbuta mal-fidwa tagħna l-bnedmin.

Iż-żmien issokta għaddej u ma stenna lil ħadd. Kien seba’ snin wara din l-esperjenza, li ma ninsieha qatt, li kont irċevejt email mingħand Patri Lino. F’wieħed mill-kummenti li kien kitibli kien qalli dawn il-preċiżi kelmiet: Kompli ikteb! Scripta manet! Dan il-kumment żgur li ma baqax għaddej mar-riħ tafux! L-għaliex il-Mulej, b’mod jew b’ieħor, issokta jagħtini ħafna kuraġġ, saħħa u kull għajnuna possibbli, fosthom dik li jiftaħli salt bibien, biex dak li kien qalli Patri Lino jibqa’ għaddej. Għax tassew li, kif jgħidu l-Latini, scripta manet! Il-kitba tibqa’! U ma titħassar qatt!

Sintendi, kollox jiddependi x’essenza jkun fiha! Għax jekk tkun kitba tal-konvenjenza biex, sempliċiment, togħġob lil min għandha togħġob u ma tmurx f’ras il-għajn tal-ħaġa, x’valur jibqalgħha? Povra kitba! Issir biss kitba bla ruħ! U aħna nafu x’inhu dak li m’għandux ruħ? Xi jsir minnu? Katavru! Hekk il-kitba meta tkun serjament nieqsa minn kull traċċa tal-verità li tifdi! Għax b’dak li tgħid u tevita li tgħid, li ma jmurx turta lil xi ħadd, issir katavru hi stess! Biex ma nsemmix ukoll li tagħmel katavri magħha lil dawk kollha li titmagħhom u tisqiehom mill-velenu tagħha tal-gideb u l-wiċċ b’ieħor!

Imma anki int, għażiż Patri Lino, kont għalina kitba li ħalliet il-frott! Il-ġid kbir li l-Mulej għamel bik ma’ eluf ta’ studenti fil-Kulleġġ San Alwiġi u kemm ħeġġiġt studenti biex isegwu l-ħajja politika bil-għan li itejbu lil pajjiżna żgur li se jibqa’ miktub fil-qlub ta’ ħafna! Barra minhekk, ix-xogħol fejjiedi li wettaqt fid-Dar tal-Providenza bla dubju li se jibqa’ imnaqqax fl-istorja imprezzabbli ta’ din id-Dar li qed twettaq xogħol mitqlu deheb ma’ nies b’diżabilità f’pajjiżna!

Se nibqa’ niftakar fik għażiż Patri Lino! U, mis-sema, naf li se tibqa’ tfakkarni f’dak li kont tħeġġiġni hawn fuq l-art: Kompli ikteb! U ikteb it-tajjeb! Ħa jbiddilna! Għax … Scripta manet!

Patri Mario Attard OFM Cap