Il-Covid qed tpoġġi ‘eluf’ f’riskju ta’ periklu u abbużi.

Print Friendly, PDF & Email

Minħabba l-impatt ekonomiku li qed tħalli l-Covid 19, eluf ta’ żgħażagħ jinsabu f’riskju dejjem akbar ta’ periklu u abbuż. Dan stqarritu l-għaqda De Paul li tagħmel karità ma’ dawk li ma għandhomx saqaf fuq rashom, fosthom maż-żgħażagħ.

F’rapport ġdid li għadu kemm ħareġ bl-isem Danger Zones and Stepping Stones: Phase Three, il-grupp ta’ karità qed iwissi li mingħajr dar, iż-żgħażagħ spiss jispiċċaw vittmi ta’ abbuż fiżiku, sesswali u emozzjonali. Sir Trevor McDonald, president ta’ De Paul, qal fi stqarrija parlamentari għal sħabhom u l-Membri Parlamentari waqt li kien qed iniedi r-rapport: “Erba’ snin ilu ssejjaħ l-ewwel dibattitu fuq il-problema ta’ persuni bla dar fost iż-żgħażagħ. Id-dibattitu għadu għaddej, kif kien meta fl-2016 nedejna l-ewwel rapport dwar iz-Zoni ta’ Periklu. Iż-żgħażagħ għadhom bla dar mingħajr postijiet fejn imorru. Issa nafu aktar mir-riċerka tal-konsegwenzi li dawn jinsabu fihom: abbuż fiżiku, abbuż sesswali, abbuż mentali.”

Sir Trevor kompla jgħid li “l-biċċa l-kbira ta’ nies li jispiċċaw għall-ewwel bla saqaf fuq rashom hi bejn l-etajiet ta’ bejn is-16 u l-24 sena. Għalhekk huwa mportanti li nindirizzaw il-problema mis-sors tagħha, minn fejn qed tibda. Hemm ħafna u ħafna żgħażagħ li huma ddisprati għall-bżonn ta’ din l-għajnuna. Dan mhux biss proġett ta’ riċerka, ‘mma hija xi ħaġa li tagħti idea ta’ x’jista’ jsir f’termini prattiċi biex tgħin lin-nies jiksbu ħajja aħjar.”

L-Għaqda De Paul qed tappella biex il-gvern jagħmel aktar biex jipprevjeni n-nuqqas ta’ djar għaż-żgħażagħ u biex il-Prim Ministru Boris Johnson jaġixxi fuq l-impenn tiegħu li jniedi reviżjoni dwar il-kawżi għalfejn nies jispiċċaw bla dar, b’enfasi speċifika fuq iż-żgħażagħ. Din l-għaqda ta’ karità qed tappella wkoll lill-Ministeru tad-Djar tal-Komunitajiet kif ukoll lill-Gvern Lokali biex jiffinanzjaw programm nazzjonali għall-prevenzjoni tal-persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom u li għadhom żgħażagħ.

Il-kap eżekuttiv tal-għaqda De Paul, Mike Thiedke wissa li “għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ fir-Renju Unit qed isibu ruħhom bla xogħol minħabba l-impatt ekonomiku li qed tħalli l-Covid-19, u s-sinjali huma li żgħażagħ mingħajr saqaf fuq rashom qed jiżdiedu wkoll. Hekk kif il-ġranet qed jiqsaru u t-temp qed jiksaħ, iż-żgħażagħ minħabba sitwazzjoni li jinsabu fiha qed jispiċċaw jiġu mġiegħla jorqdu f’postijiet perikolużi. Jekk ma noqgħodux attenti, l-pandemija attwali tista’ tpoġġi eluf ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ periklu u abbuż.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.thetablet.co.uk/news/13542/covid-placing-thousands-at-risk-of-harm

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading