23 ta’ Diċembru. SAN ĠWANN DE KETY, SAĊERDOT.
Tifkira
San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, djoċesi ta’ Krakow, fl-1390; ġie ordnat saċerdot u għadda ħafna snin jgħallem fl-università ta’ Krakow; sar kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi. Kien bniedem ta’ fidi safja, u għallimha bir-reqqa. Kien imżejjen bil-virtujiet, l-aktar bit-tjieba u bl-imħabba lejn il-foqra, hekk li sar eżempju ta’ sħabu u tad-dixxipli tiegħu. Miet fl-1473.
Fl-Uffiċċju tal-Qari
LEZZJONI II
Qari mill-Ittra tal-Papa Klement Tlettax
(2 febr. 1767. Bullarii romani continuatio, IV, pars II, Pratis, 1843)
Alla waħdu kien f’qalbu, Alla waħdu fuq fommu
San Ġwann Kanzju xorob l-għerf mill-għajn l-iżjed safja u għallmu fl-università ta’ Krakovja fi żmien meta f’artijiet oħra mhux wisq ’il bogħod kienu qegħdin jixxerrdu ħafna ereżiji u joktru x-xiżmi. Ħadd minn dawk li jafu l-istorja ma jiddubita li hu jistħoqqlu tassew jissemma bħala wieħed mill-ftit magħżulin li għamlu ħidma siewja ħafna fi żmien bħal dak; kien wieħed mill-kbar, magħrufin għal għerfhom u qdusithom sew fil-ħajja u sew fit-tagħlim tagħhom, li iddefendew il-fidi vera kontra l-għedewwa li ħabtu għaliha; huwa ħabrek minn fuq il-pulptu bil-priedki tiegħu biex jgħallem lill-poplu jgħix ħajja aktar qaddisa, u kien iwettaq kliemu bl-eżempji tiegħu nnifsu ta’ umiltà, safa, ħniena, tgħakkis u virtujiet oħra li wieħed jistennna minn saċerdot ta’ ħajja bla tebgħa u ħaddiem l-iżjed ħabriek.
B’hekk mhux biss kabbar il-ġieħ tal-professuri ta’ dik l-università bi glorja speċjali, iżda wkoll ħalla eżempju mill-isbaħ u ta’ ġid kbir lil dawk kollha li għandhom l-istess uffiċċju, ħa jfittxu bla heda li jaqdu dmirhom bħala dutturi perfetti, u bil-ħrara kollha jħabirku kemm jifilħu biex jgħallmu l-għerf tal-Qaddisin u kull għerf ieħor għat-tifħir u l-glorja ta’ Alla waħdu.
Barra mis-sentiment reliġjuż fis-servizz imqaddes, kien imżejjen ukoll bl-umiltà li biha kien iqis lilu nnifsu bħala ħaġa ta’ xejn u minkejja li kien jgħaddi lil sħabu kollha fl-għerf, qatt ma fittex lilu nnifsu qabel l-oħrajn, anzi kien jixtieq li kulħadd iżebilħu u jmaqdru; tant inħall minnu nnifsu li, sew jekk jgħiru għalih u sew jekk jarmuh, xorta waħda kien iżomm ruħu kalm.
Flimkien mal-umiltà kellu wkoll is-sempliċità tat-tfal, virtù li ftit tiltaqa’ magħha. F’kull ma jagħmel jew jgħid ma kienx iqarraq jew juri ħaġa b’oħra: kien tassew bniedem ta’ qalbu f’fommu. Meta kien jibża’ li, minkejja l-verità tad-diskorsi tiegħu, xi ħadd forsi seta’ ħass ruħu mriegħex bi kliemu, ma kienx jersaq lejn l-altar qabel ma jitlob maħfra għalih nnifsu u iżjed għall-iżball ta’ ħaddieħor. Matul il-ġurnata, wara li jaqdi dmirijietu, kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u joqgħod jaħseb u jitlob fit-tul quddiem Kristu moħbi fl-Ewkaristija. Tassew Alla waħdu kien f’qalbu, Alla waħdu f’fommu.
RESPONSORJU | Iż 58:7-8 |
1. Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf: * Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.
2. Libbes lil min hu għarwien, u n-nies ta’ darek tinsihomx. * Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek.
Talba
Agħtina, o Alla li tista’ kollox li fuq l-eżempju tas-saċerdot San Ġwann De Kety, nimxu ‘l quddiem fl-għerf tal-qaddisin, u nuru ħniena ma’ kulħadd biex niksbu l-maħfra tiegħek . B’ Ibnek.
Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.
L-Għasar
Ant. Tassew, ngħidilkom, kemm għamiltu ma’ wieħed min dawn iż-żgħar tiegħi għamiltuh miegħi. Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.