31 ta’ Diċembru. SAN SILVESTRU I, PAPA
Tifkira
San Silvestru kien iben ta’ wieħed Ruman jismu Rufinu. Il-Papa San Marċellinu ordnah qassis f’dak iż-żmien ta’ paċi qabel bdiet il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu. Imbagħad fil-persekuzzjoni, il-Qaddis wera qlubija l-iktar kbira. Fi żmienu ra jseħħ ukoll it-trijonf ta’ Kostantinu l-Kbir fis-sena 312. San Silvestru sar Papa fis-sena 314 u mexxa l-Knisja fiż-żmien li fih Kostantinu bena xi bażilki f’Ruma u l-eretiċi Donatisti u Arjani kienu qegħdin jagħmlu ħsara kbira lill-fidili. Approva l-Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea fis-sena 325, li kkundanna l-ereżija ta’ Arju li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, u fformula l-Kredu ta’ Niċea. Miet fis-sena 335 u difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla f’Via Salaria.
Fl-Uffiċċju tal-Qari
LEZZJONI II
Qari mill-Istorja Ekkleżjastika ta’ Ewsebju, isqof ta’ Ċesarija
(Hist. Eccl. Lib. X:l-3)
Il-paċi taħt Kostantinu
Glorja lil Alla li jista’ kollox, is-Sultan tal-ħolqien kollu, għal kull ma għamel magħna; inroddu wkoll ħajr lil Ġesù Kristu, is-Salvatur u Feddej tagħna, u permezz tiegħu nitolbu li jkollna paċi sħiħa għal dejjem li tibqa sal-aħħar ħielsa minn kull ma jista’ jdejjaqna u jħabbatna minn ġewwa jew minn barra.
Kien żernaq sa fl-aħħar jum sabiħ u ta’ dija kbira, bla ebda sħaba ta’ l-imgħoddi; id-dawl tiegħu mis-sema beda jiddi fuq il-Knejjes ta’ Kristu mxerrda mad-dinja kollha. Alla mliena bil-ġid, u saħansitra dawk li ma kienux tal-istess reliġjon tagħna, jekk ma setgħux igawdu dan il-ġid kollu magħna, setgħu għallinqas jieħdu żgur sehem mill-milja ta’ tant ġid li qisu far minn ġewwa fina.
Iżda l-iktar aħna, li konna qegħidna t-tama kollha tagħna fi Kristu, aħna ġarrabna ferħ li ma jitwemminx, u l-hena tas-sema kien jiddi fuq wiċċ kulħadd, meta l-postijiet imqaddsa kollha tagħna, imġarrfa ftit żmien qabel minn gvernaturi hżiena, rajniehom jerġgħu jieqfu qishom wara żmien twil ta’ ħerba qerrieda; rajna t-tempji tagħna jerġgħu jitilgħu mill-art u jilħqu għoli bla qjies, ilellxu b’tiżjin u ġmiel wisq akbar minn dak li kellhom qabel ma saru ħerba.
Il-wirja li tlabna u xtaqna kienet issa seħħet quddiemna, jiġifieri l-festi li saru fl-ibliet għad-dedikazzjoni u l-konsagrazzjoni tad-djar tat-talb li nbnew dan l-aħħar.
Għal dawn il-festi nġabru ħafna isqfijiet u ġew bosta pellegrini barranin minn postijiet imbiegħda; u b’hekk popli sħaħ setgħu jagħtu xhieda ta’ mħabba u ħbiberija lil xulxin, bħala membri tal-ġisem ta’ Kristu magħqudin ħaġa waħda.
Hekk seħħ il-kliem tal-profeta li b’tixbihat misterjużi ħabbar il-ġejjieni meta qal li l-għadam beda riesaq waħda lejn l-oħra u għaksa lejn għaksa, u ħwejjeġ oħra li l-istess profeta kien tassew ħabbarhom bil-kliem mistur tiegħu.
Waħda kienet il-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla tiġri fil-membri kollha; kulħadd kien ruħ waħda; ilkoll bl-istess ħeġġa ta’ fidi; wieħed kien l-innu li nstema’ minn fomm kulħadd ifaħħar lil Alla.
Il-kapijiet tagħna mexxew il-funzjonijiet bl-ikbar reqqa; il-qassisin ikkonsagrati ċċelebraw ir-riti qaddisa u għolja tal-Knisja; min ikanta s-salmi jew jisma’ kliem ieħor imnebbaħ minn Alla; u min jaqdi servizzi oħra qaddisa u misterjużi. U fiha jitħabbrulna s-simboli mistiċi tal-passjoni tas-Salvatur.
Fl-aħħarnett il-kotra kollha, irġiel u nisa, kbar u żghar, b’talb u radd il-ħajr mill-qalb u b’ferħ liema bħalu, kulħadd għamel ħiltu kollha biex ifaħħar lil Alla, li minnu jiġina kull ġid.
RESPONSORJU | Kol 3:15; Gal 3:28; Salm 149:1 |
1. Is-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħin biex issiru ġisem wieħed; u ta’ dan roddu ħajr lil Alla. * Għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.
2. Għannu lill-Mulej għanja ġdida; fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu. * Għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.
INNU. Lilek o Alla nfaħħru.
Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom.
Talba
Mulej agħti l-għajnuna lill-poplu tiegħek bil-qawwa tat-talb tal-Papa San Silvestru biex, wara ħajja taħtit-tmexxija tiegħek, naslu fl-ena tal-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek.