Riflessjoni fuq paragrafi mill-katekeżi tal-Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2020 fil-biblijoteka tal-Palazz Appostoliku.
Riflessjoni 1
“Mill-ewwel mestier tiegħu David tgħallem ħafna. Hekk, meta l-profeta Natan urieh bid-dnub gravi ħafna li kien għamel (ara 2 Sam 12:1-15), David dritt fehem li kien ġab ruħu ta’ ragħaj ħażin, li kien seraq mingħand bniedem ieħor l-unika nagħġa li dan kien iħobb, li ma kienx għadu qaddej umli, imma marad bil-poter, kaċċatur viljakk li joqtol u jisraq.” – Il-Papa Franġisku
Minn daqsxejn ta’ ragħaj, David jitla’ fuq it-tron ta’ re. Jirnexxi, jirbaħ, ikun maħbub mill-poplu. Imma l-istorja hi mtebba’. Ilkoll nafu x’kien “id-dnub gravi ħafna” ta’ David? Ħa l-mara ta’ ħaddieħor u qatel lil żewġha! Safrattant irnexxielu jirrikonċilja ruħu ma’ Alla.
Dak li għamel David kien dnub gravi ħafna; anzi kien dnub gravi fuq ieħor. David, il-mexxej qalbieni li, kif qalu n-nies tiegħu rebaħ fuq armati kbar, tilef kontra t-tentazzjoni meta kif qam waranofsinhar, mill-bejt tal-palazz ra mara fid-dar tagħha, Betsabea, li baqa’ jħares lejha, għoġbitu u tħajjar għaliha. Kienet mara miżżewġa, lejali lejn żewġha li kien jismu Urija, suldat fl-armata ta’ David. Biex jeħles minn Urija u joħodlu l-mara, David ordna li lil dan is-suldat iqiegħduh fuq quddiem fl-eħrex tal-glied biex jintlaqat mill-armi tal-għedewwa u jmut. Betsabea bkiet meta miet żewġha u kellha tiżżewweġ lil-David. Kienet ġrajja li m’għoġbitx lill-Mulej. Imma għal David, il-ħajja kompliet qisu xejn mhu xejn.
Alla, permezz tal-profeta Natan bl-istorja tan-nagħġa urih il-kruha taż-żewġ dnubiet li għamel. Il-passjoni lill-bniedem tagħmih. David ma kienx raġel ta’ hekk, imma ma felaħx għat-tentazzjoni. Dan jista’ jiġri lil kull wieħed u waħda minna.
Alla ħa l-inizjattiva, u David induna kemm kien żbalja. Talab maħfra lil Alla u aċċetta l-kastig li d-dnub ġab fuqu. Mietet it-tarbija li twielded mill-adulterju tiegħu ma’ Betsabea. Kemm hi ħaġa kiefra li minħabba l-kapriċċi tal-kbar, ibatu t-tfal innoċenti, tfal vulnerabbli. Imma din l-istorja turina li fid-dgħufija u fl-iżbalji tagħna, dejjem hemm Alla li jistedinna lura lejh u joqgħod jistenniena sakemm jaħfrilna. Min-naħa tagħna, aħjar nagħmlu l-ewwel pass aħna jekk il-‘profeta’ ma niltaqgħux miegħu fi triqtna.
Minn Joe Galea