Lezzjoni II: San Tumas Becket

Print Friendly, PDF & Email

29 ta’ Diċembru. SAN TUMAS BECKET, ISQOF U MARTRI

Tifkira

San Tumas Becket twieled f’Londra fl-1118; studja f’Pariġi, sar djaknu tal-Knisja ta’ Canterbury u kanċillier tar-Re Enriku II. Fl-1162 inħatar isqof. Iddefenda d-drittijiet tal-Knisja kontra r-Re, li għalhekk eżiljah fi Franza, fejn dam sitt snin. Meta reġa’ lura f’pajjiżu ħabbat wiċċu ma’ ħafna inkwiet ieħor; fl-1170 erba’ kavallieri tar-Re ħabtu għalih u neħħewlu ħajtu.

Fl-Uffiċċju tal-Qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri tal-isqof San Tumas Becket

(Epist. 74)

Ma jieħux il-premju min ma jkunx tqabad kif imiss

Lilna jsejħulna bl-isem ta’ isqfijiet u rgħajja. Jekk infittxu li nkunu tassew hekk, jekk irridu nkunu nafu xi jfisser dan l-isem, jenħtieġ li bil-ħerqa u bla heda nħarsu u nimxu fuq il-passi ta’ dak li Alla għamlu r-Ragħaj ta’ dejjem, offra ruħu lill-Missier għalina fuq l-altar tas-salib, u mill-għoli tas-sema ma jieqafx iħares lejn kull ma nagħmlu u għaliex nagħmluh, biex imbagħad irodd lil kulħadd skond ma wieħed ikun ħaqqu għal għemilu.

Aħna lqajna li nkunu vigarji tiegħu fuq l-art, ksibna l-glorja ta’ dan l-isem u l-ġieħ ta’ din id-dinjità, u f’din il-ħajja għandna f’idejna l-frott tal-ħidmiet spiritwali; għax sirna suċcessuri tal-Appostli u tal-bnedmin appostoliċi fuq il-Knejjes, biex bil-ministeru tagħna tinqered is-saltna tad-dnub u tal-mewt, u l-bini ta’ Kristu, marbut bis-saħħa tal-fidi u l-qawwa tal-virtujiet, jitla’ f’tempju qaddis għall-Mulej.

Isqfijiet hemm ħafna. Fil-konsagrazzjoni tagħna, aħna lkoll wegħidna li nieħdu ħsieb l-uffiċċju tagħna ta’ mgħallmin u rgħajja bi ħrara dejjem akbar. Bil-kliem kuljum nistqarru li rridu nagħmlu dan, iżda mhux li konna bl-għemil ukoll nagħtu xhieda tal-fedeltà mal-wegħda tagħna! Għax il-ħsad kbir, u mhux biżżejjed li jkun hemm ħaddiem wieħed, jew ftit ħaddiema, biex il-frott jinġabar u jitqiegħed fil-maħżen tal-Mulej.

Imma min jiċħad li r-ras tal-Knejjes kollha u l-għajn tat-tagħlim kattoliku hija l-Knisja ta’ Ruma? Min ma jafx li l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet ingħataw lil Pietru? Forsi l-bini kollu tal-Knisja mhux fuq il-fidi u t-tagħlim ta’ Pietru jieqaf, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fl-għarfa tal-Iben ta Alla, insiru raġel magħmul fl-aħjar ta’ żmienu, u hekk isseħħ il-milja ta Kristu?

Jenħtieġ, iva , li jkun hemm ħafna li jħawwlu, u ħafna li jsaqqu, għax il-kelma trid tixxerred fost il-popli li qegħdin jikbru dejjem; l-istess poplu ta’ Iżrael fl-imgħoddi, li altar wieħed kien biżżejjed għalih, kien jeħtieġ bilfors ħafna għalliema, mhux biss minħabba l-ħafna l-ġnus ta’ madwaru li ċ-ċedri kollha tal-Libanu ma kinux biżżejjed biex jaħarquhom, iżda wkoll minħabba s-sagrifiċċji tiegħu, li l-bhejjem kollha tal-Libanu, anzi tal-Lhudija kollha, ma kinux biżżejjed għalihom.

Iżda hu min hu dak li jsaqqi jew iħawwel, Alla ma jkabbarlux jekk ma jkunx ħawwel fil-fidi ta’ Pietru u qagħad ghat-taghlim tiegħu.

U tassew, il-kwistjonijiet il-kbar tal-poplu jitressqu quddiemu, biex l-Isqof ta’ Ruma jistħarriġhom, u l-uffiċjali ta’ ommna l-Knisja, li qegħdin taħtu, iħaddmu s-setgħa fdata lilhom bħala nies imsejjħin biex jaqsmu miegħu fil-ħsieb tal-merħla.

Ftakru, mela, kif salvaw missirijietna, kif u fost liema taħbit il-Knisja kibret u xterdet, minn liema tempesti ħelset id-dgħajsa ta’ Pietru li l-mexxej tagħha hu Kristu; ftakru kif waslu għall-premju dawk li l-fidi tagħhom saret wisq iżjed tiddi bis-saħħa tat-taħbit li għaddew minnu.

Dejjem hekk imxiet il-ġemgħa kollha tal-qaddisin, biex nibqgħu dejjem naraw kemm hu tassew li ma jiħux il-premju min ma jkunx tqabad kif imiss.

RESPONSORJU

1. Il-Mulej qegħidlek fuq rasek il-kuruna tal-ġustizzja: * Alla, il-Qaddis ta’ Iżrael, libbsek bil-glorja tiegħu, u hu jgħammar fik.

2. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, u ħadt il-kuruna tal-ġustizzja merfugħa għalik. * Alla, il-Qaddis ta’ Iżrael, libbsek bil-glorja tiegħu, u hu jgħammar fik.

INNU . Lilek o Alla, infaħħru.

Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem.

Talba

O Alla, inti tajt il-grazzja lill-martri San Tumas biex bi qlubija kbira jxerred demmu għall-ġustizzja; bit-talb tiegħu agħtina li f’din id-dinja niċħdu ħajjitna għal Kristu ħalli insibuha fis-sema. B’Ibnek.

L-Għasar

Ant. Il-qaddisin jgħammru fis-saltna tas-smewwiet : hemm jistrieħu għal dejjem.

%d bloggers like this: