Qari tal-Quddies tat-Tnejn tar-IV ġimgħa tal-Avvent. (FP)

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

20 ta’ Diċembru

QARI I
Araw, ix-xebba titqal u tiled iben.
Iż 7, 10-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (ara 7ċ u 10b): Araw, ġej il-Mulej, is-Sultan tal-glorja!

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?
Min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu idejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
O Muftieħ ta’ David,
li tiftaħ bibien is-Saltna ta’ dejjem,
ejja ħa toħroġ lill-bniedem
mill-jasar u d-dlam tal-ħabs.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben.
Lq 1, 26-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”. U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading