“Ma ħaqqnix li int tismagħni; imma kun ħanin, u lili f’nar ta’ dejjem qatt titfagħni”

Il-Ħamis, 26 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju jqabbel żewġ mumenti drammatiċi ħafna: il-qerda ta’ Ġerusalemm li Ġesù jħabbar u li seħħet fis-sena 70 taħt l-imperatur Titu. Fil-fatt, fl-ark trijonfali ta’ Titu qrib il-Kolossew ġewwa Ruma, hemm imfakkra propju l-qerda ta’ Ġerusalemm u hemm din l-iskultura impressjonanti ta’ żewġ suldati jġorru l-menorah ta’ fidda mastizz li kien hemm fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Ġesù jħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm imma wkoll iħabbar tmiem id-dinja. Dawn huma deskrizzjonijiet drammatiċi li jagħti Ġesù.

Illum xtaqt naqsam magħkom xi ħaġa li aħna, f’din l-aħħar ġimgħa tas-sena, nitolbu fil-liturġija tas-sigħat tal-Knisja. Huwa innu antik li x’aktarx ġie miktub fis-seklu 13, jiġifieri 700 sena ilu; ma nafux jekk huwiex innu Franġiskan minn Celano jew inkella Dumnikan. Imma huwa innu li ntuża fil-liturġija fil-quddiesa tal-mejtin għal 700 sena. Daż-żmien nistgħu nużawh fil-liturġija bħala innu għat-talb tas-salmi u l-liturġija tas-sigħat. Huwa id-Dies Irae. Min jaf il-quddiesa ta’ requiem ta’ Mozart jew inkella ta’ Verdi jaf li wara l-Kyrie, wara l-Mulej ħniena, imbagħad tibda din l-introduzzjoni għall-Evanġelju, għalhekk is-sekwenza li hija d-Dies Irae.

Jum ta’ biża’, jum ta’ qilla,
li fi rmied jibdel id-dinja;
jixhduh David u s-Sibilla.

Kif ikun kulħadd imriegħed
xħin għall-ħaqq jiġi l-Imħallef
bl-ikbar reqqa bħalma wiegħed.

Ħoss it-tromba jidwi u miegħu
lill-bnedmin mill-oqbra kollha,
isejħilhom għal-ħaqq tiegħu.

M’għaġġba l-mewt, bħala n-natura
xħin, biex twiegeb lill-Imħallef
tqum mill-mewt kull kreatura.

F’dak il-ħin jinġieb ktieb wieħed
li fih kollox huwa mniżżel,
biex minn fuqu kull ħaqq jittieħed.

Kif il-ħaqq l-Imħallef jagħti,
Kulma nħeba jibda jidher;
ħadd ma jeħles, jekk hu ħati.

X’ngħid, imsejken kif narani?
Lil min ngħid jidħol għalija,
jekk qaddis ukoll beżagħni?

Re setgħan fil-glorja tiegħek,
li ssalvani bla jistħoqqli,
għajn ta’ ħniena, żommni miegħek.

Ftakar f’dan, Ġesù tal-ħniena,
li għalija int ġejt fid-dinja,
biex mitluf ma nkun qatt jiena.

Int fittixtni, infnejt għalija,
biex tifdini mitt imsallab.
dana kollu ħa jseħħ fija!

Ta’ ħaqq kbir, Imħallef, driegħek!
Tini l-maħfra ta’ dnubieti,
qabel jasal il-ħaqq tiegħek.

Bħala ħati nibża’ jiena,
tħammar wiċċi l-ħtija tiegħi:
lilek nitlob, Alla ħniena!

Inti ħfirt lill-Madalena,
mal-ħalliel urejt il-ħniena,
lili tajtni t-tama u l-hena.

Ma ħaqqnix li int tismagħni:
imma kun ħanin, u lili
f’nar ta’ dejjem qatt titfagħni.

Minn mal-ħżiena Inti tbegħedni,
mat-tajbin, fil-lemin tiegħek,
f’dak il-jum, nitolbok, tqegħedni.

Milqutin bis-saħħa tiegħek,
jinżlu l-ħżiena f’nar tal-biża’;
mat-tajbin sejjaħli miegħek.

Lilek nitlob tieqaf miegħi,
b’qalbi niedma, b’qima kbira;
int ħarisni fit-tmiem tiegħi.

F’dak il-jum id-dmugħ jinġema’
meta jqum mit-trab il-ħati
biex il-ħaqq għalih jinstema’.

Tliet Persuni setgħanin
aħna nqimu, imm’Alla wieħed:
Int wassalna mal-henjin, ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 18, 1-2.21-23; 19, 1-3.9a
Salm: 99 (100), 2.3.4.5
Evanġelju: Lq 21, 20-28

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply