Madwar San Ġużepp nhar il-festa tiegħu


Minn San Ġorġ Preca

L-aktar għeżież, aħna hawn miġburin flimkien il-lum, f’dan il-jum ta’ tifkira tal-glorjuż San Ġużepp, l-għarus kastissmu ta’ Marija Verġni, missier putattiv ta’ Kristu Ġesu’ l-Imgħallem u Salvatur divin tagħna, u Patrun tal-Knisja Kattolika tagħna, u miġburin fi spirtu ta’ qima kbira biex nattendu għall-kbira xorti li ma titfissirx, għall-ħajja mill-aktar eżemplari, u għall-ferħat u għad-duluri ta’ dan il-persunaġġ singulari, li aħna, la darba aħna aħwa ta’ Ġesù Kristu, nagħrfuh bħala missier tagħna.

Ħadd ma jista’ jsib kelma biex juri min hu San Ġużepp, iżda fl-isforzi ta’ moħnna, b’xi mod nistgħu nikkonkludu li akbar minnu fost il-kreaturi li ħalaq Alla, ħadd ma jista’ jinstab. Aħna nafu u nemmnu li Kristu Ġesù huwa kbir u ma jistax ikun akbar milli hu.

Huwa Alla veru magħmul bniedem. Huwa bniedem ippredestinat Iben t’Alla. Aħna lkoll nistqarru din il-verità. Hekk ukoll aħna nafu u nemmnu li Marija Santissma, dejjem verġni, hija hekk kbira li aktar kbira milli hi ma tistax tkun, meta hi l-Omm vera u naturali tal-Iben t’Alla.

Ġesù’ u Marija huma kbar b’mod li ħadd ma jista’ jfisser u l-Anġli jkollhom jistgħaġbu fis-skiet ghall-kobor ta’ dawn iż-żewġ personaġġi.

Issa San Ġużep min hu? Dan hu l-Kap tal-Familja Qaddisa. Dan hu dak li lejh huma suġġetti Ġesù u Marija. Huwa s-superjur tagħhom. Hekk għarfu Alla l-Missier għax għandu bagħat l-Anġlu tiegħu biex jordnalu li flimkien ma’ Marija u binha Ġesù joħorġu mill-Ġudeja u jmorru fl-Eġittu, u mill-ġdid, bl-ordni ta’ l-anġlu, jerġgħu lura fil-Ġudeja.

Nista’ jien ma nilmaħx umilta’ bla qies fil-qalb ta’ Ġużeppi x’ħin Alla għażlu b’Kap taż-żewġ għaxqiet imprezzabbli ta’ qalbu? Ikun mela għalina San Ġużepp oġġett ta’ kunfidenza, tifħir, imħabba, qima u imitazzjoni. Amen.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.