Il-Milied – tfulija spiritwali

Print Friendly, PDF & Email

Il-Milied huwa l-festa mistennija ta’ kulħadd. Mingħajr ma rridu l-festa ta’ Ġesù tarbija ġġibilna ferħ kbir.

Il-Milied qisu poeżija. Niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù tarbija permezz ta’ ikliet, carols, tiżjin b’Bambini ta’ kull daqs, presepji u mitt elf ħaġa oħra. Suppost li kollox ifakkarna fit-twelid ta’ Ġesù.

It-twelid ta’ tarbija huwa okkażjoni ta’ ferħ. Kif il-mewt iġġib in-niket fil-familja hekk twelid iġib ħafna paċi u ferħ. In-natura donnha titpaxxa xħin tara ħlejqa ġdida u b’hekk tassigura li l-ġens tal-bnedmin ser ikompli jitkattar.

Iżda fis-soċjetà post-moderna u konsumista, is-sens tat-twelid ta’ Ġesù jista’ jintilef. Għal ħafna l-Milied sar jum ta’ divertiment, ħarġiet, ikliet. Insomma kollox, barra l-ferħ f’Ġesù tarbija. B’dan il-mod il-Milied sar biċċa negozju kbira.

U b’hekk il-Milied flok il-ferħ jista’ jġib il-frustrazzjoni. Għalhekk ikun sewwa jekk  nikxfu s-sens ta’ misteru f’Ġesù tarbija. L-għar ta’ Betlem  jagħtina diversi tagħlimiet fosthom it-tfulija spiritwali.

Dan hu żmien li fih nammiraw lil Kristu bħala tifel. Veru li Kristu ma baqax tfal iżda kiber u miet għalina. Iżda l-fatt li Ġesù kien tarbija jurina li kien bniedem tassew. Meta nġibu quddiem għajnejna lil Ġesù bħala tarbija nkunu qegħdin nistqarru li għalkemm huwa “Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul”, sar bniedem.

L-Iben ta’ Alla ma stmellx it-tfulija. Din hija stadju li kulħadd irid jgħaddi minnha. Jekk noqogħdu nistudjaw ftit nosservaw il-kwalitajiet tajba u negattivi tat-tfal. Fit-tfulija, il-bniedem ikollu ċerta sempliċità; ma jiħux għalih fit-tul u bosta kwalitajiet oħra. Madankollu fit-tfulija hemm ċerti kwalitajiet ta’ immaturità li l-bniedem irid jegħlibhom sakemm jilħaq il-maturità.

Jekk noqogħdu nistudjaw ftit, naraw kemm fit-tfulija hemm atteġġjamenti nobbli li meta l-bniedem jikber jintilfu. Dawn il-kwalitajiet pożittivi nistgħu nkomplu niżviluppawhom meta nikbru u nagħtuhom bixra spiritwali. Dawn l-atteġġjamenti tat-tfulija li semmejna fuq, meta nikbru nitilfuhom u mhux faċli li nerġgħu niksbuhom.

Dan jitlob minna sforz spiritwali. Kien Kristu stess li qalilna li jekk ma nsirux bħat-tfal iż-żgħar ma nistgħux nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Filwaqt li fl-istorja tal-Knisja naraw bosta qaddisin li għamlu bosta ħwejjeġ kbar u li baqgħu jissemmew, madankollu hemm għadd ta’ qaddisin li ma għamlu xejn speċjali għajr li quddiem Alla kienu qishom tfal żgħar; jiġifieri għexu s-sempliċità fil-ħajja ta’ kuljum, għamlu dmirhom b’ċerta mħabba u kienu mimlija  b’żelu għas-saltna ta’ Alla. Fost dawn il-qaddisin insibu lil Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, li l-spiritwalità tagħha ngħatat l-isem tat-‘Tfulija Spiritwali’ u dik ta’ San Domenico Savio, li għalkemm ma għamel xejn speċjali, il-Papa Piju XII sejjaħlu: “Iċ-ċkejken qaddis kbir”.

F’din is-sensiela ser inkompli niżvolġi dawn ir-riflessjonijiet biex kemm jista’ jkun meta nitfgħu ħarsitna fuq it-tarbija ta’ Betlem, dawn il-ħsibijiet jgħaddu minn moħħna. B’hekk Ġesù jsir aktar iċ-ċentru tal-Milied.

Il-Milied — It-Tfulija Spiritwali. (2).

Kristu kien tifel tassew.

Kif għedna fir-riflessjoni ta’ qabel, Sidna Ġesù Kristu ma stmellx it-tfulija iżda twieled fil-għar ta’ Betlem minn Marija Verġni.

Fil-għar ta’ Betlem ma narawx il-kobor ta’ Alla li xħin tersaq lejh tibża’ minnu bħalma ġara fit-Testment il-Qadim. L-Iben ta’ Alla tant iċċekken li sar tarbija. Hekk ħabbru l-anġli lir-ragħajja: “Issibu tarbija mfisqija, mimduda f’maxtura” (Lq 2, 12). U hekk sabu; ma kien hemm xejn tal-għaġeb. Sabu tifel imgeżwer fil-ħrieqi, bħat-tfal l-oħra kollha u li kien imqiegħed f’maxtura u mhux f’benniena. Huwa tarbija bħal oħrajn li għandu bżonn il-kura ta’ l-omm.

Alla kellemna permezz ta’ tarbija. Hekk ħabbar il-profeta Isaija meta qal: “Għax tweldilna tifel, ingħatalna iben, u jkollu fuq spallejh is-setgħa, u jissemma ismu: Kunsullier tal-għaġeb, Alla qawwi, Missier tal-għaġeb, Alla qawwi” (Is 9, 5). Kristu daħal fid-dinja mlibbes l-umiltà. San Pawl fl-Ittra lill-Filippin jgħidilna: “hu li kellu natura divina ma qishiex bħala ħaġa maħtufa li jkun daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa s-sura ta’ lsir u sar jixbah lill-bnedmin; minn barra deher bħala bniedem” (Filippin 2, 5-7).

Għalkemm il-bniedem għandu d-dinjità tiegħu u huwa kbir, madankollu huwa żgħir meta jitqabbel ma’ Alla. Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li l-bniedem isib il-kobor tiegħu f’Alla. Issa biex aħna nifhmu lil Alla, Ġesù sar tarbija. Tant iċċekken li l-istess maestà ta’ Alla qagħdet f’maxtura ta’ l-annimali.  Il-Papa Benedittu XVI jgħidilna: “Alla ċċekken sabiex aħna nkunu nistgħu nifhmuh, nilqgħuh, u nħobbuh” (Priedka f’lejlet il-Milied f’San Pietru 2006).

It-trabi u t-tfal iż-żgħar jinħabbu minn kulħadd. Issa Ġesù sar tarbija biex aħna nħobbuh. Jekk it-tarbija ta’ Betlem ma tisraqilniex qalbna u nħalluh jidhol fina, allura qalbna tkun tbiegħdet minn Alla.

Ġesù tarbija jgħallimna li t-triq ta’ l-umiltà hija indispensabbli biex inħobbu lil Alla.  Alla kellimna billi bagħat lil Ibnu bħala bniedem.  Din kienet it-triq li għażel Alla u għalhekk l-umiltà hija indispensabbli jekk irridu nogħġbu u nħobbu lil Alla.

L-umiltà ma tfissirx li mmorru kontra r-raġuni, iżda li nilbsu sentimenti li jixbhu lid-dinja tat-tfulija b’mod pożittiv. Għaliex? Fit-tfulija hemm elementi negattivi li meta nikbru bl-edukazzjoni u l-maturità rridu negħlbuhom.

Jekk inkunu suppervi żgur li ma aħniex ser nersqu lejn Alla. Ir-ragħajja ta’ Betlem kienu umli u laqgħu t-tħabbira ta’ l-anġlu u marru jħaffu lejn il-għar ta’ Betlem u sabu lil Ġesù mimdud f’maxtura.

L-istess jiġri lilna. Jekk inġibu ruħna bħar-ragħajja, żgur li ser insibu lil Ġesù f’ħajjitna u nagħmlu esperjenza tiegħu. Mill-banda l-oħra, jekk, inkunu mimlija bil-kburija ser jiġrilna bħal Erodi u flok ma nsibu lil Ġesù nistgħu nkunu ta’ tfixkil għal dawk li jkunu qegħdin jgħixu ħajja tajba. B’kuntrast ma’ Erodi naraw lill-Maġi li jagħtuna tagħlima kbira ta’ umiltà

Il-Milied – Tfulija Spiritwali (3)

Forsi ħafna meta jisimgħu lil Kristu jgħidilna li rridu nsiru bħat-tfal iż-żgħar ma jagħtux kas jew ma jifhmuhx.

Sidna Ġesù Kristu jgħidilna: “}alluhom jiġu għandi; la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hi s-saltna ta’ Alla. Ngħidilkom is-sewwa, min ma jilqax is-saltna ta’ Alla bħal tifel, ma jidħolx fiha” (Mk 10, 14-15). L-Evanġelju huwa ċar fuq dan il-punt. Jekk ma nsirux bħat-tfal ma nistgħux nilqgħu s-saltna tas-smewwiet.

Iżda ta’ min jinnota li l-lingwa Ingliża għandha żewġ kelmiet: Childish u Childlike. Nispjegawhom ftit u mbagħad naraw liema waħda minnhom hija evanġelika.

Childish … Din tfisser pjuttost il-kwalitajiet negattivi tat-tfulija. Meta l-bniedem ikun għadu tfal ikollu ħafna kwalitajiet li meta jikber irid jegħlibhom. Dawn  bħal ma ngħidu aħna, in-nuqqas ta’ ħsieb, ta’ responsabbiltà u li wieħed jara sa mnieħru, jagħmel li jfettillu b’tali mod li jista’ jġib ħsara. Jekk inħarsu madwarna naraw li avolja t-tfal huma żgħar, jekk ma jkunux ikkontrollati ġie li waslu biex għamlu anki ħsara u kienu inkonvenjent għal ħaddieħor. Nispjegaw naqra oħra. Din il-kelma childish pjuttost tindika dawn il-kwalitajiet li jibqgħu fl-età adulta.

|gur li Kristu ma kienx qiegħed jinkuraġixxi ħwejjeġ bħal dawn.  Jekk nifhmu l-Evanġelju b’dan il-mod inkunu qegħdin nikkuntradixxuh. Alla ma jridx minna ħwejjeġ irraġjenovoli. Il-Knisja dejjem faħħret il-moderazzjoni, il-għaqal u l-prudenza bħala virtujiet li rridu nikbru fihom fil-ħajja nisranija.

Childlike … Din il-kelma tfisser  li nkunu nixbhu lit-tfal, fi ħwejjeġ pożittivi. Jekk nosservaw ftit it-tfal naraw li meta jiġġieldu jaħfru malajr, tant li l-ġenituri tagħhom ikunu għadhom bit-tikketta lejn xulxin filwaqt li huma jkunu saru ħbieb mill-ġdid. It-tfal jiġġieldu u jaħfru, lesti li jilqgħu t-tagħlim tant li min ma tgħallimx meta kien għadu żgħir kważi huwa impossibbli li jitgħallem. Huma jifirħu bix-xejn u ħafna drabi jkunu l-ġenituri tagħhom li jħollmuhom bi ħwejjeġ li jqumu l-flus. Jieħdu gost jilagħbu. Jaraw kollox b’mod sempliċi u jaraw il-futur kollu sabiħ. |gur li Kristu kien qiegħed jirreferi għal dawn l-atteġġjamenti meta qal dik is-sentenza li kkwotajna.

Fil-ħajja niltaqgħu ma’ bosta persuni li jsibuha diffiċli li jilqgħu l-fidi. Isibu elf raġunament kontra l-Evanġelju u t-tagħlim tal-Knisja. Lil dawn Kristu qiegħed isejħilhom biex ineħħu dawk l-iżbalji li għandhom u jaċċettaw minn qalbhom it-tagħlim tiegħu.

Il-kwalitajiet li rreferejna għalihom bħala childlike huma indispensabbli fil-ħajja spiritwali. Insiru persuni li nitkellmu ma’ Alla kif it-tfal jitkellmu mal-ġenituri tagħhom; ma nżommux f’qalbna u bla bżonn ma nidħlux f’konfronti mal-proxxmu li jġibu biss għawġ; inkunu lesti li nilqgħu t-tagħlim tal-Knisja mingħajr ma noqogħdu ntellgħu u nniżżlu. Fil-ktieb li jismu Storja ta’ Ruħ, li huwa l-awtobijografija ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, naqraw li darba soru seħbitha qalitha li aktar ma toqrob lejn Alla aktar ser issir sempliċi billi Alla huwa s-sempliċità fih nnifisu.

Il-Milied – Tfulija Spiritwali (4)

Qdusija permezz ta’ ħwejjeġ żgħar

Biex isir qaddis ma hemmx bżonn li tagħmel ħwejjeġ kbar. Li tagħmel dmirek sew ta’ kuljum għal Ġesù u l-proxxmu b’intenzjoni retta huwa l-bidu tal-mixja lejn il-qdusija.

Forsi meta naqraw ħajjiet ta’ nies kbar bħal San Ġwann Bosco, San Ġorġ Preca San Ġwanni Pawlu II forsi nistgħu naslu għall-konklużjoni li biex issir qaddis trid tagħmel ħwejjeġ kbar. Veru li Alla ried minn dawn in-nies li jiddu bħal kwiekeb għas-saltna ta’ Alla. Iżda r-rieda tiegħu ma hijiex għal kulħadd xorta waħda.

Alla jrid ħwejjeġ speċjali minn ftit kif naraw fl-istorja tal-Knisja. Iżda dan ma jfissirx li huwa ma jridx li kulħadd jitqaddes permezz tal-ħajja ta’ kuljum, tkun xi tkun il-vokazzjoni tiegħu.

Li tgħix is-sejħa tiegħek bi mħabba u b’qadi għall-oħrajn hija ħaġa mill-aktar kbira. Forsi wieħed jgħaddilu minn moħħu: Imma jien x’qiegħed nagħmel speċjali? It-tweġiba narawha f’Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Għexet ħajja normali ta’ soru tal-klawsura Karmelitana. Iżda għexet ħajja spiritwali mħeġġa lejn Alla u għexet iċ-ċirkustanzi tal-ħajja ordinarja ta’ kuljum bi mħabba kbira.

Daħlet hekk fil-fond tal-misteru ta’ Alla li għall-kitbiet u l-qdusija tagħha l-Knisja ddikjaratha Duttura tal-Knisja. Dan kollu jgħallimna li jekk nagħmlu l-ħwejjeġ iż-żgħar bi mħabba naslu wkoll biex insiru qaddisin.

Anzi l-ħwejjeġ żgħar fihom vantaġġ kbir. Jekk nagħmlu ħwejjeġ kbar, faċli li naqbdu t-triq tas-suppervja. Iżda permezz tal-ħwejjeġ iż-żgħar nibqgħu umli. L-umiltà tagħmel ħafna ġid lir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Meta nkunu umli ser nikbru fil-fiduċja tagħna lejh.

Meta nkunu qegħdin ngħidu li permezz tal-ħwejjeġ żgħar naslu fis-saltna ta’ Alla, żgur li ma għandniex nifhmu li din hija xi triq faċli. Li wieħed jagħmel l-istess ħwejjeġ ta’ kuljum bi mħabba u enerġija  jitolbu sagrifiċċju u tbatija.

Ir-rutina ddejjaq lill-bniedem u tkiddu ħafna. U għalhekk nippruvaw u nagħmlu tajjeb li nippruvaw invarjaw. Iżda ma rridux naħsbu li permezz tar-rutina fil-ħajja ta’ dmirna ma nkunux nagħmlu ġid għalkemm forsi ftit li xejn ittina sodisfazzjon. Nirriflettu ftit. }addiem ġo fabbrika qiegħed jagħmel l-istess ħaġa fuq makna. Dejjem jagħmel l-istess u hekk billi japplika lilu nnifsu fuq ħaġa waħda b’mod ripetut jirnexxilu jikseb riżultati tajbin ta’ produzzjoni.

Hekk l-istess jiġri lilna. Jekk nippruvaw nagħmlu dmirna sewwa u b’mod imħeġġeġ avolja ma nkunux niksbu ħafna sodisfazzjon, niksbu riżultati kbar. Għalhekk tinbet il-ħtieġa li nagħrfu kemm hija importanti li nedukaw lilna nfusna biex ma naqtgħux qalbna mir-rutina u nżommu f’moħħna li din ma ġġibniex anqas effiċjenti.

Xi drabi l-bniedem jiddejjaq mir-rutina billi ħadd ma jkun jista’ josserva l-ħwejjeġ li jkun qiegħed jagħmel. }afna bnedem  għandhom it-tendenza li jħobbu jidhru u dak it-tajjeb li jagħmlu jperrċuh ma’ kullimkien. Iżda għandna niftakru li Alla dejjem jara t-tajjeb li nagħmlu. U nistaqsi: x’għandna bżonn ta’ aktar meta Alla qiegħed jara u jismagħna?

Għalhekk meta tiġi quddiem għajnejna l-idea li ma aħna nagħmlu xejn speċjali, inżommu quddiem għajnejna t-tagħlim ta’ Kristu li jgħidilna li rridu nsiru bħat-tfal iż-żgħar. Dawn jikkuntentaw bi ħwejjeġ żgħar. U nistgħu nsiru hekk aħna wkoll fil-ħajja spiritwali.

Il-Milied – Tfulija Spiritwali (5).

Il-Flessibbiltà

Fit-tfulija, l-adolexxenza u l-bidu taż-żgħożija, il-bniedem jifforma ruħu u minn dan iż-żmien jidher kif ser ikun meta ser ikun adult.

Il-psikoloġi sabu li l-bniedem jieħu l-karattru tiegħu fl-ewwel ħames snin ta’ ħajtu. Iżda meta jkun għadu żgħir dejjem jista’ jikkoreġi ruħu u jitgħallem. In-natura turina b’mod ta’ tixbiha din ir-realtà. Jekk ikollok xitla żgħira, tista’ tirfidha u b’hekk tikber soda u dritta. Iżda dan ma tistax tagħmlu meta s-siġra tikber u allura tibqa’ kif tkun.

L-esperjenza turina li l-bniedem jitgħallem l-aktar fit-tfulija. Anzi l-esperjenza turina li jekk ma jkunx tgħallem f’dan iż-żmien, mhux dejjem jirnexxilu jitgħallem wara. L-ewwel irid ikollok pedament sod f’dan iż-żmien. Fit-tfulija l-bniedem ikun qisu karta xuġa. Jixrob dak li li jgħidulu l-għalliema tiegħu.

Għalhekk għandna nitgħallmu mit-tfal il-flessibbiltà u r-rieda tajba li nitgħallmu. Meta nikbru faċli li nkunu inflessibbli. Jiġifieri nkunu drajna naġixxu fuq stil ta’ ħajja u naħsbu li dak huwa l-uniku wieħed.

Iżda jekk irridu nwettqu r-rieda ta’ Alla, jeħtieġ li nkunu flessibbli. Irridu nħallu lil Alla jaħdem fina u ngħaddu mit-toroq li jgħaddina huwa. Nagħmlu biss dak li jrid huwa u x-xewqa tagħna tkun li tiġi mitmuma r-rieda ta’ Alla kif ngħidu fil-Missierna: “Ikun li trid int, fis-sema, hekkda fl-art”.

L-Iskrittura ġġibilna quddiem għajnejna x-xbieha tal-fuħħari. Dan jagħmel it-tafal tiegħu u jġibu kif irid huwa. Naqraw mill-profeta Ġeremija: “Kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej: Qum u inżel għand il-fuħħari, u hemm insemmgħek kliemi. U nżilt għand il-fuħħari u sibtu jaħdem fur ir-rota. U meta l-biċċa li kien ikun jaħdem ma kenitx tiġi tajba, il-fuħħari bit-tafal f’idu kien jerġa’ jagħmel biċċa oħra, kif kien jogħġob lill-fuħħari li jagħmel

U ġiet lejja kelmet il-Mulej hekk: Jaqaw ma nistax nagħmilkom bħal dal-fuħħari, ja dar Israel? Jgħid il-Mulej. Iva, bħat-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, ja dar Israel” (Ġer 18, 1-6).

It-tixbiha ma tapplikax biss għall-poplu ta’ Israel li Alla ried minnhom li jkunu l-poplu tiegħu fil-veru sens tal-kelma, iżda anki għalina. Alla huwa dak li l-fuħħari u aħna t-tafal. Kif il-fuħħari jagħmel dak li jogħġbu bit-tafal, hekk Alla jagħmel li jrid bina.

Iżda filwaqt li t-tafal huwa xi ħaġa bla ħajja u joqgħod għall-mod kif jagħmlu l-fuħħari, aħna nistgħu nirreżistu lill-pjan ta’ Alla. Huwa qatt ma jisfurzana iżda jagħmel is-sejħa tiegħu u lilna jħallina ħielsa jekk naċċettawh jew le. Santu Wistin jgħidilna: “Dak li ħalqek mingħajrek, ma jsalvakx mingħajrek”.

Għalhekk meta nħarsu lejn Ġesù tarbija, ejjew niftakru fit-tfulija spiritwali. U proprju kif għedna, waħda mill-kwalitajiet tat-tfal fis-sens pożittiv hija l-flessibbiltà. Il-flessibbiltà tgħinna nikbru fit-tfulija spiritwali. Ma hijiex childisk iżda childlike. Nimitaw il-kwalitajiet sbieħ tat-tfal u ngħixuhom fil-ħajja spiritwali. Wieħed jista’ jaħseb li forsi din hija spiritwalità banali iżda jekk nirriflettu naraw li hija spiritwalità mill-aktar profonda. Permezz ta’ din it-triq, jiġifieri t-triq iż-żgħira, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù saret qaddisa mill-kbar.

Meta nkunu flessibbli nġibu l-paċi kull fejn inkunu. Mingħajr flessibbiltà nimxu bil-ponta tas-sejf mingħajr ma  nintebħukemm sejrin inġibu inkwiet fejn inkunu. Mill-banda l-oħra jekk inkunu flessibbli, nitgħallmu nħobbu u nagħdru lil xulxin. Il-flessibbiltà tgħinna wkoll nikbru fit-triq ta’ l-umiltà.

Il-Milied — Tfulija Spiritwali  (6)

Il-fiduċja f’Alla

It-tfal għandhom fiduċja totali fil-ġenituri tagħhom. Jafdawhom b’għajnejhom magħluqa u jiddependu minnhom.

Jekk aħna rridu ngħixu t-tfulija spiritwali, l-istess rridu nagħmlu lil Alla. Niddependu minnu totalment.  Infittxuh l-ħin kollu,  mhux biss waqt id-diffikultajiet,  imma wkoll meta l-affarijiet tagħna jkunu sejrin tajjeb.

Min jirrikorri għand Alla għax jinsab f’xi diffikultà materjali jagħmel sewwa iżda jekk meta l-affarijiet jitranġaw jinsieh, ikun qiegħed iġib ruħu b’mod immatur. Lil Alla rridu nfittxuh il-ħin kollu.

Irridu ngħumu fil-preżenza ta’ Alla. Nosservaw ftit il-ħuta. L-ambjent tagħha huwa l-ilma. Jekk toħroġ minnu tmut. Din it-tixbiha turina kif għandna ngħixu l-preżenza ta’ Alla. Niftakru fih ta’ spiss matul il-jum u nħossu li huwa qiegħed jitfa’ fuqna ħarsa ta’ mħabba.

Il-fiduċja tagħna għandna npoġġuha biss f’Alla. Min jaf kemm-il  darba ġejna ttentati biex inpoġġu l-fiduċja tagħna f’persuni jew oġġetti materjali. Din kienet it-tentazzjoni kontinwa li ġarrab il-poplu ta’ Alla fid-deżert. Kemm-il darba għamel alleanzi militari ma’ popli ġirien iżda Alla ma kienx iridhom għax b’hekk kienu jnaqqsu l-fiduċja fih. Meta Ġeremija ppriedka l-qerda ta’ Ġerusalemm, il-kbarat bil-kemm riedu jemmnu meta ġabu quddiem għajnejhom kemm kienu  qawwijin is-swar tal-belt.

Kif it-tfal għandhom fiduċja bla limiti fil-ġenituri, hekk ukoll irridu nagħmlu aħna. Din il-fiduċja għandha tikber meta Alla jibgħatilna xi salib. Kultant tiltaqa’ ma’ nies li għax ikunu għaddew minn xi salib jitilfu l-fiduċja tagħhom f’Alla. Dawn in-nies jistgħu jfiqu spiritwalment jekk ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla u jiftakru li Alla qatt ma jippermetti xi ħaġa kieku minnha ma kienx ser joħroġ ġid akbar.

|gur li min ipoġġi l-fiduċja tiegħu f’Alla, ser isib l-għajnuna. Iżda mhux bilfors li Alla ser jagħtih dak li jitolbu. Kif il-ġenituri ma jagħtux dejjem dak li jitolbu wliedhom, hekk ukoll Alla m’hux ser jagħtina ħwejjeġ li ma jkunux għall-ġid tagħna.

Għandna jkollna fiduċja għamja f’Alla. Dan ifisser li ma noqogħdux nindaħlu fis-sigrieti ta’ Alla u noqogħdu nistaqsu? Dik il-ħaġa għax ġrat hekk u mhux b’mod ieħor. L-awtur ta’ l-Imitazzjoni ta’ Kristu jwissina: “Ibni, ma għandikx għalfejn toqgħod tistħarreġ fuq it-triqat moħbija ta’ Alla; m’għandekx għalfejn tkun taf għala wieħed donnu minsi minn Alla u ieħor ġie mgħolli fi grazzja hekk kbira; għala dan ġewh tant slaleb, u l-ieħor ġie msejjaħ għal-ħwejjeġ kbar. Il-mod tal-bniedem m’hux kapaċi jifhem dawn il-ħwejjeġ; hu kollu żejjed li wieħed iħabbel moħħu u jinkwieta biex jikxef il-fehma moħbija ta’ Alla” (Imitazzjoni ta’ Kristu, It-tielet Ktieb, Kap 58).

Minkejja li l-umanità ġarrbet esperjenzi negattivi bħall-gwerer qerrieda, madankollu Alla verament jixbah lill-ġenituri tajbin li lil uliedhom iridulhom il-veru ġid. Il-profeta Isaija b’mod mill-aktar qawwi jgħidilna: “Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, li ma tħennx għal bin ġufha? Jekk dawn jinsew, Jien ma ninsiekx. Ara, fuq keff idejja ħażżiżtek, is-swar tiegħek dejjem quddiemi” (Iż 49, 15).

Kliem qawwi li għandu jistimula t-tfulija spiritwali fina. Meta nafdaw f’Alla nkunu nittamaw fis-sod; meta ngħixu l-preżenza ta’ Alla nkunu realistiċi għax Alla jeżisti verament u aħna bħala ħlejjaq tiegħu nsibu l-milja tagħna meta nagħmlu dak li jridna huwa.

It-tfulija spiritwali (7)

Il-Fidi hija sempliċi

Il-fidi hija xi ħaġa sempliċi ħafna. Fuq kollox hija l-istedina ta’ Alla biex isalvana mid-dnub u l-mewt.

Iżda wieħed jista’ jirraġuna u jgħid. “Kemm jiġu ppubblikati kotba dwar il-fidi! Kemm jinkitbu artiklu fuq rivisti u gazzetti. Awturi ma jaqblux ma’ awturi oħra u anki jinqalgħu polemiċi.” Dan jista’ jwassal biex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-fidi hija astratta, komplikata u xi ħaġa li tweġġa’ r-ras.

Imma min jirraġuna hekk ikun wasal għall-konklużjoni żbaljata. Il-fidi nisranija hija sempliċi. Meta naraw l-Istqarrija tal-fidi tagħna jiġifieri l-Kredu, l-għaxar kmandamenti u l-liġi ta’ l-imħabba li ġabilna Ġesù flimkien ma’ talb bażiku bħall-Missierna, Sliema, u Glorja, naraw li l-fidi hija xi ħaġa ħafifa u jista’ jitgħallimha u jgħixha kulħadd.

Dan li semmejna jistgħu jitgħallmuh it-tfal kif ukoll il-kbar. Biex nemmnu jrid ikollna attitudni li tixbah lil tat-tfal. Min ma jridx jemmen isib kull diffikultà u jibda joħloq il-problemi u skużi huwa stess biex ma jemminx. Dan kollu huwa rifless tas-supperjva, li biha l-bniedem jitkabbar.


Iżda jekk wieħed ikun umli ma jsibx diffikultà  li jemmen. Jirraġuna b’dan il-mod: “nemmen dak kollu li tipproponilna l-Knisja Mqaddsa”. Jista’ jkun li xi punti tal-fidi ma nifhmuhomx. Dan jista’ jkun il-għaliex ikunu misteri tal-fidi  u għaliex ma jkunux ċari quddiem għajnejna. Nieħdu probema tal-ġeometrija. Ma nafux kif insolvuha. Iżda dan ma jfissirx li ma jistax ikun hemm xi ħadd ieħor li jsolviha.

Fl-istorja tal-Knisja nsibu diversi persuni li ppruvaw juru li l-fidi u r-raġuni ma jmorrux kontra xulxin. Persunaġġi kbar fil-Knisja bħal Santu Wistin u San Tumas ta’ Akwinu kienu nies li ħabblu moħħhom ħafna fuq il-fidi, iżda fuq kollox kellhom attitudni qishom ta’ tfal lejn il-misteri ta’ Alla. Veru li studjaw iżda ħabbew lil Alla fuq kollox u qiesu li x-xogħol tagħhom huwa xejn ħdejn il-misteri eterni.

Qegħdin fi żmien ta’ relattiviżmu qawwi. Dan ifisser li wieħed iqis l-opinjoni tiegħu li hija tajba mingħajr ma jqis xejn aktar. Fil-prattika dan ifisser li bil-mod il-mod wieħed jitbiegħed mit-tagħlim tal-Knisja li jibda jdejqu. Anki hawn, insibu attitudni ta’ suppervja forsi mingħajr ma wieħed ikun jaf.

Quddiem din is-sitwazzjoni jeħtieġ li nistudjaw id-dipendenza tat-tfal mill-ġenituri tagħhom. Jafdawhom u jemmnu kull ma jgħidulhom. Anki aħna tajjeb li nikkultivaw  spirtu ta’ fidi u dipendenza fuq Ommna l-Knisja Mqaddsa. Kienet hija li tatna twelid spiritwali permezz tal-Magħmudija u li kompliet tgħajjixna permezz tal-kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija.

Din l-attitudni titlob minna mixja spiritwali ta’ konverżjoni kontinwa. F’dinja fejn kulħadd jippretendi li għandu raġun, li wieħed ibaxxi rasu lejn it-tagħlim tal-Knisja forsi ser isibha diffiċli. Iżda ma ninsewx li meta nemmnu dak kollu li tgħallimna l-Knisja nkunu fit-triq it-tajba.

Fuq kollox il-Knisja titkellem f’isem Alla. U Alla jrid li nkunu dipendenti minnu u anki mill-Knisja. Li nkunu dipendenti ma jfissirx li nkunu immaturi iżda nkunu fit-tfulija spiritwali li hija għażiża wisq f’għajnejn  Alla.

It-Tfulija Spiritwali (8)

Ma nżommux f’qalbna.

Jekk irridu nikbru fit-tfulija spiritwali ma rridux inżommu f’qalbna għal ebda persuna lanqas jekk din tkun għamlitilna ħafna ħsara.

Meta persuna tkun għamlitilna xi ħaġa li lilna ma tkunx togħġobna, in-natura tagħna timtela b’rabja. F’każi bħal dawn, jekk il-persuna konċernata ma tagħmilx l-impenn tagħha biex taħfer, din ir-rabja tiġi sorppressa fis-sub-konxju tal-bniedem. Fi kliem ħafif tindifen fil-moħħ u l-qalb tal-bniedem.

Forsi huwa jkun nesa imma din ir-rabja midfuna fil-moħħ u l-qalb tiegħu tkompli tagħmillu ħsara. Mingħajr ma jkun jaf, ma jsibx il-paċi tal-qalb u qalbu ma jkollhiex mistrieħ. Meta jiġu mumenti li jiftakar f’dak li għadda, dawn l-emozzjonijiet negattivi jkomplu jagħmlulu aktar ħsara.

Hawnhekk dawn il-persuni jkollhom jgħaddu minn proċess ta’ konverżjoni interjuri. Jiftakru li jekk iridu jikbru spiritwalment għandhom jaħfru. Il-maħfra ma tmurx kontra n-natura tal-bniedem iżda teħilsu minn sentimenti ta’ rabja li lanqas lilu ma jagħmlulu tajjeb.

Meta nsibuha bi tqila biex naħfru ejjew inħarsu lejn Ġesù tarbija fil-għar ta’ Betlem. Naraw fis-sempliċità kollha tarbija mimduda f’maxtura. Jekk inkomplu nirriflettu naraw li din it-tarbija hija l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina.

Il-ħarsa lejn Ġesu tarbija tagħmlilna kuraġġ filwaqt li jfakkarna fit-tfal kollha. Jekk ninutaw ftit it-tfal jiġġieldu ħafna iżda wara jinsew. Forsi l-ġenituri tagħhom ikunu għadhom jargumentaw fuqhom filwaqt li huma jkunu jilagħbu ma’ xulxin.

Għalhekk il-bażi tat-tfulija spiritwali hija li l-bniedem jaħfer lil min għamillu xi deni. Ninnutaw ftit. Li t-tfal ma jżommux f’qalbhom hija xi ħaġa naturali iżda mhux hekk fil-kbar. Għalhekk meta bniedem jaħfer filwaqt li jkun jiġbed fuqu l-barkiet ta’ Alla, ikun jikber ukoll umanament. L-ispirtu tiegħu juri vitalità, u jkun jikber spiritwalment.

Il-bniedem li jaħfer ikollu f’qalbu l-paċi li saltnet fl-ewwel Milied. L-anġli kantaw: “Paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2,14). Min jaħfer ikun sab il-paċi u jgawdi ċertu hena li ma jsibhom imkien.

Il-bniedem adult kultant taqbdu nostalġija għat-tfulija tiegħu. Jiftakar dak iż-żmien li fih kien kollox jara sabiħ. Din ma hjiex għajr it-tfulija naturali. Iżda niftakru li hemm ukoll it-tfulija spiritwali. Din tista’ tingħax anki minn dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien.

U għandna niftakru li mingħajr il-maħfra tal-għedewwa ma nistgħux nidħlu fit-tfulija spiritwali. Veru li biex taħfer ikollok tagħmel sagrifiċċju, iżda meta wieħed jiftakar fil-premju li Alla jagħti lil dawk kollha li jaħfru jagħmel kuraġġ. Niftakru li mingħajr sagrifiċċju ma hemmx premju.

Hieni huwa dak il-bniedem li jaħfer. Ma jkunx inqabad fir-ċirku vizzjuż tat-tpattija u tal-mibegħda. Fih issaltan il-paċi li ġabilna Ġesù.

It-Tfulija Spiritwali u t-tbatija

Min jgħix it-tfulija spiritwali ma jfissirx li ser ikun meħlus mit-tbatija. Sidna Ġesù Kristu u l-qaddisin għaddew minn din it-triq ukoll. Għalhekk ma għandniex nixtiequ xorta oħra.

Forsi nimmaġinaw li t-tfulija umana hija xi ħaġa ħafifa u li t-tfal qishom qegħdin jgħixu f’xi estasi ta’ ferħ. Il-psikoloġija moderna wrietna li t-tfal jgħaddu wkoll minn tbatijiet li ma jkunux jistgħu jesprimuhom. Dawn  jinfexxu fil-biki jew imġiba mqarba. Il-psikoloġi jgħidulna li l-kunflitti li l-bniedem iġarrab fit-tfulija jaffetwawlu l-personalità tiegħu.

Dan li għedna fuq it-tfulija umana nistgħu napplikawh għall-ħajja spiritwali. It-tfulija spiritwali ma hijiex xi garanzija li wieħed jgħix ħajja hienja u ma jġarrab l-ebda tbatija. Biex nifhmu dan li qegħdin ngħidu biżżejjed inħarsu lejn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Hija għexet it-tfulija spiritwali fil-milja kollha tagħha, iżda xorta waħda kellha ġġarrab il-lejl mudlam: jiġifieri għaddiet minn żmien li fih kienet tħoss nixfa spiritwali; jiġifieri ma kinitx iġarrab konsolazzjonijiet spiritwali, l-istess bħal Santa Tereża ta’ Avila.

Min jgħix it-tfulija spiritwali jħares lejn it-tbatija bi spirtu ta’ fidi. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “Xejn ma joħroġ mis-Santwarju etern ta’ Alla, jekk mhux b’ordni jew permess”. Għalhekk ikun jikber fit-triq tat-tfulija spiritwali min jaċċetta bir-rassenjazzjoni dak kollu li jgħaddi minnu. Dawn iservuh ta’ mediċina spiritwali biex jeqred minnu s-supperjva u  jħoss li għandu bżonn l-għajnuna ta’ Alla.

U meta wieħed jirrassenja ruħu mal-pjan ta’ Alla jsib il-vera paċi. Ma hijiex paċi artifiċjali iżda dik il-paċi li ħabbru l-anġli nhar l-ewwel Milied: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (lq 2, 14).

Forsi wieħed jistaqsi jekk matul il-Milied huwiex f’postu li nitkellmu dwar it-tbatija.  U ser inġib dawn ir-raġunijiet: i) San Ġużepp u l-Verġni Marija ma sabux fejn joqogħdu u għalhekk kellhom imorru ġo għar, fatt li ġabilhom tbatija; ii) Kristu twieled ġewwa għar u tqiegħed f’maxtura u hekk beda jbati l-faqar sa minn twelidu; iii) ta’ età żgħira Erodi fittxu biex joqtlu u hekk naraw li sa minn tfulitu kien ippersegwitat. Dawn l-elementi fir-rakkonti tat-tfulija ta’ Ġesù, naraw li t-tbatija tfeġġ f’kull stadju tal-ħajja.

Hemm differenza bejn it-tbatija tat-tfulija umana u t-tbatija li jgħaddu minnha dawk li qegħdin jgħixu t-tfulija spiritwali. Meta jkunu żgħar it-tfal ibatu mingħajr ma jistgħu jesprimu dak li jkunu qegħdin għadejjin minnu. Iżda fil-kbar it-tbatija tieħu tifsira oħra. Huma jistgħu jesprimu dak li jkunu qegħdin jesperjenzaw ma’ persuni oħra u anki jistgħu jfittxu min jgħinhom. Niftakru li anki Kristu kellu bżonn taċ-Ċirinew biex jgħinu jġorr is-salib sal-Kalvarju.

Inħarsu lejn Ġesù tarbija u  dan għandu jfakkarna  wkoll fil-passjoni li kellu jġarrab meta jikber.  Huwa t-tieni persuna tat-Trinità li sar bniedem biex ikun jista’ jbati.  Idejh u saqajh kellhom jittaqqbu mill-imsiemer tas-salib. Hekk kif Ġesù sar tarbija biex ikun jista’ jbati u  jidfina u hekk jidħol fil-glorja tal-Missier, hekk ukoll it-tfulija spiritwali hija indispensabbli biex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet.

Minn Angelo Xuereb

                                                                                          

%d bloggers like this: