Iraq: Il-Milied għandu jkun rikonoxxut kull sena bħala festa pubblika

Print Friendly, PDF & Email

Minn issa ‘l quddiem, il-Milied fl-Iraq, se jkun differenti. Din is-sena l-Insara tal-pajjiż mhux biss qed jistennew lill-Papa Franġisku, hekk kif il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu qed jersaq eqreb, iżda issa, għall-ewwel darba, l-Milied se jkun btala uffiċjali u fissa.

Il-gvern Iraqi kien diġà ddikjara l-Milied btala ‘ta’ darba’ fl-2008, iżda fis-snin sussegwenti din id-dispożizzjoni ma ġietx imġedda uffiċjalment fil-livell nazzjonali, u ġiet applikata fis-snin riċenti biss fil-Provinċja ta’ Kirkuk. Imbagħad, fl-2018, il-kabinett tal-gvern approva emenda għal-Liġi dwar il-Festi Nazzjonali, u għolla l-Milied għar-rank ta’ ċelebrazzjoni pubblika għaċ-ċittadini kollha, Insara u Musulmani. Barra minn dan, issa, sentejn wara, vot unanimu fil-parlament, se jimplimenta din l-emenda. Dan ifisser li l-Milied huwa finalment rikonoxxut uffiċjalment bħala festa pubblika – li tibda minn din is-sena u tkompli fil-futur.

Fis-17 ta’ Ottubru, l-Kardinal Louis Raphael Sako, il-Patrijarka ta’ Babilonja tal-Kaldin, kien għamel proposta lill-President Iraqi Barham Salih biex jippreżenta fil-Parlament abbozz ta’ liġi biex jirrikonoxxi l-Milied bħala festa pubblika fl-Iraq kollu. F’dik l-okkażjoni, meta rċieva lill-Patrijarka tal-Kaldea fir-residenza tiegħu, l-President Salih kien enfasizza r-rwol tal-komunitajiet Insara fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż, wara s-snin ta’ okkupazzjoni Ġiħadista ta’ Mosul u reġjuni kbar tat-tramuntana tal-Iraq.

Il-President Salih tenna wkoll l-impenn tiegħu biex jiffaċilita r-ritorn tal-Insara spostati fit-territorji tal-oriġini tagħhom, li jibdew minn Mosul u l-Pjanura ta’ Ninive, li kienu sfurzati jabbandunaw matul is-snin ta’ dominazzjoni Ġiħadista.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020-12/christmas-iraq-official-holiday-cardinal-sako.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.