Ġwanni Pawlu II mad-Dipendenti tal-Vilel Pontifiċji.


QUDDIESA GĦAD-DIPENDENTI TAL-VILEL PONTIFIĊJI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Castelgandolfo, 20 ta’ Lulju 1980

Għeżież ħuti,

Jiena kuntent li llum qiegħed niċċelebra magħkom din il-Festa Ewkaristika, fl-ewwel Ħadd tal-qagħda estiva tiegħi f’Castel Gandolfo. Il-komunjoni li issa nistabilixxu bejnietna madwar l-Altar tal-Mulej għandu jkun sinjal, partikolari u singularissmu, ta’ dak l-irbit ta’ fidi u ta’ skopijiet, li jorbtuna rajalment kuljum, ukoll jekk ma jkunux jistgħu jiġu espressi dejjem b’din il-forma privileġġjata. Naħtaf, għalhekk, l-okkażjoni tant opportuna biex nuri l-apprezzament tiegħi fir-rigward ta’ xogħol magħmul minnkom, u l-gratitudni kordjali tiegħi għad-dedikazzjoni żeluża tagħkom  .

Imma, ladarba qegħdin niċċelebraw il-Quddiesa, imissna niksbu mil-Liturġija tal-Kelma it-tagħlim addattat għal ħajjitna. Għadna kemm qrajna fil-Vanġelu skont Luqa l-episodju tal-ospitalità mogħtija lil Ġesù minn Marta u Marija. Dawn iż-żewġ aħwa, fl-istorja tal-ispiritwalità nisranija, kienu ddisinjati bħala figuri emblematiċi irriferuti, rispettivament, għall-azzjoni u għall-kontemplazzjoni. Marta hija mitlufa wara x-xogħol tad-dar, waqt li Marija tinsab bilqiegħda f’riġlejn Ġesù biex tismà kelmtu. Nistgħu nieħdu, minn dan it-test evanġeliku, żewġ lezzjonijiet.

Qabel kollox, ta’ min jinnota s-sentenza finali ta’ Ġesù: “Marija għażlet l-aħjar parti, li mhix se tittieħed lilha”. Huwa b’dan il-mod jenfasizza, b’qawwa, il-valur fundamentali u insostitwibbli li, għall-eżistenza tagħna, għandu s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla: din għandha tkun il-punt ta’ riferenza kostanti tagħna, id-dawl tagħna u l-forza tagħna. Imma jeħtieġ li nisimgħuha.

Hemm bżonn li nkunu nafu nisktu, noħolqu spazji ta’ solitudni jew, aħjar, ta’ laqgħa riservata għall-intimità mal-Mulej. Hemm bżonn li nkunu nafu nikkuntemplaw. Il-bniedem tallum iħoss il-bżonn li ma jillimitax lilu nnifsu għall-preokkupazzjonijiet materjali wkoll, u li minflok jintegra l-kultura taknika tiegħu ma’ kontribuzzjonijiet superjuri u diżintossikanti ġejjin mid-dinja tal-ispirtu. Sfortunatament il-ħajja tagħna ta’ kuljum tissogra jew saħansitra tesperimenta każijiet, ftit jew wisq, komuni, ta’ inkwinament intern. Imma l-kuntatt tal-fidi mal-kelma tal-Mulej jippurifikana, jelevana u jerġà jtina l-enerġija.

Għalhekk, hemm bżonn li nikkonservaw dejjem quddiem l-għajnejn tal-qalb il-misteru tal-imħabba, li biha Alla ltaqà magħna f’Ibnu, Ġesù Kristu: l-oġġett tal-kontemplazzjoni tagħna huwa kollu hawn, u minn hawn tiġi s-salvazzjoni tagħna, ir-riskatt ta’ kull forma ta’ aljenazzjoni u fuq kollox minn dik tad-dnub.  Bażikament, aħna mistiedna biex nagħmlu bħal Marija l-oħra, Omm Ġesù, li “kienet iżżomm dawn il-ħwejjeġ kollha waqt li timmeditahom f’qalbha” (Lq 2,19). Huwa għal din il-kondizzjoni li m’għandniex inkunu bnedmin ta’ dimensjoni waħda, imma għonja bl-istess kobor ta’ Alla.

Imma hemm it-tieni lezzjoni x’nitgħallmu; u din hi li m’għandna qatt naraw kuntrast bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni. Infatti, naqraw fil-Vanġelu li kienet “Marta” (u mhux Marija) li laqgħet lil Ġesù “f’darha”. Mill-bqija, l-Ewwel Qari tallum jissuġġerilna l-armonija bejn iż-żewġ ħwejjeġ: l-episodju tal-ospitalità offruta minn Abram lit-tliet personaġġi misterjużi mibgħuta mill-Mulej, li, skont interpretazzjoni antika, huma saħansitra xbiha tat-Trinità Qaddisa, jgħallimna li wkoll bl-inqas xogħlijiet ta’ kuljum tagħna nistgħu naqdu lill-Mulej u nżommu ruħna f’kuntatt miegħu. U, billi din is-sena jaħbat il-XV-il ċentenarju mit-twelid ta’ San Benedittu, ejjew niftakru l-motto ċelebri tiegħu: “Irlob u Aħdem”, Ora et labora! Dan il-kliem jiġbor fih programm sħiħ: mhux ta’ oppożizzjoni imma ta’ sintesi, mhux ta’ kuntrast imma ta’ amalgamazzjoni bejn żewġ elementi ugwalment importanti.

Niksbu għalina taħriġ tassew konkret, li nistgħu nesprimuh f’forma interrogattiva: sa fejn aħna għandna l-ħila naraw fil-kontemplazzjoni u fit-talb waqt ta’ ħeġġa għall-impenji tagħna ta’ kuljum? U mill-banda l-oħra, safejn għandna l-ħila li nanimaw sal-intimu x-xogħol tagħna b’komunjoni levitanti mal-Mulej? Dawn id-domandi jistgħu jservu għal eżami tal-kuxjenza u jsiru stimolu għal qbid mill-ġdid ta’ ħajjitna ta’ kuljum, li tkun flimkien kemm iktar kuntamplattiva kif ukoll attiva.

Waqt li issa se nkomplu ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, ejjew noffru lill-Mulej dawn il-proposti tagħna, u fuq kollox nitolbu l-grazzja qawwija tiegħu, sabiex tgħinna nittraduċuhom fir-realtà migħuxa.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.