Ħarsa lura lejn il-Milied fil-Furjana

Print Friendly, PDF & Email

6. Il-programm wara l-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin

Il-purċissjoni tal-Bambin kienet tibda’ mit-triq tal-Museum u tispiċċa fil-kappella tal-Museum. Il-konklużjoni kienet issir fl-Oratorju ta’ San Publju jew fil-knisja ta’ Sarrija. Il-programm kien jinkludi l-priedka tat-tifel, poeżiji, kant tal-Milied u djalogi.

Poeżija fil-programm wara l-purċissjoni ta’ lejliet il-Milied 1980

Djalogu minnhom kien bil-kant, bejn tifel u l-Bambin:

Tifel: Jien tifel fqajjar,
Ġesù Bambin,
x’nista’ noffrilek,
għidli f’dal-ħin?

Ġesù: Ma rridx minn għandek,
tfajjel grazzjuż,
fided u deheb,
ħaġar prezzjuż.

Tifel: Iċ-ċkejkna qalbi
nista’ nagħtik,
u qiegħed ngħożżha
mhux ħlief għalik.

Ġesù: Appuntu qalbek
xtaqt li tagħtini,
biex ġo dil-grotta
tassew thennini.

Tifel: Mela aċċettaha
mimlija mħabba,
tħallix li fiha
ħażen jitrabba.

Ġesù: Safja nżommhielek
dejjem bħal tiegħi,
sabiex fil-Ġenna
jien nieħdok miegħi.

Meta l-programm kien isir f’Sarrija kienet tkun nhar il-Milied, għax il-patri nkarigat ma riedx iħammeg il-knisja lejliet il-Milied. Maż-żmien il-programm kien isir fit-triq tal-Museum u żdiedet play imtella mill-adolexxenti tal-Qasam. Dawn l-aħħar snin il-purċissjoni qed tibda mill-knisja ta’ San Publju wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija u tispiċċa bi programm fis-sala ta’ taħt l-iskola tal-Gvern.

Il-Museum tal-Furjana għamel żmien, fis-snin sittin, jieħu ħsieb purċissjoni bil-Bambin li kienet tibda mill-Belt, tgħaddi minn Triq ir-Repubblika u tispiċċa fuq il-Fosos tal-Furjana fejn kien jintrama palk imdaqqas bi sfond ta’ presepju disinjat mill-pittur Chev. Emvin Cremona. Darba minnhom, kif konna fi pjazza Regina, waqgħet waħda mill-iskudi, li kienet tinxtegħel bix-xemgħa, u ħadet in-nar. Maż-żmien din il-purċissjoni ħadet xejra nazzjonali u bdiet tiġi organizzata fit-toroq tal-Belt mis-Soċjeta’ tal-Museum fit-23 ta’ Diċembru.

Meta niftakar f’dan kollu, niskanta kif konna nlaħħqu ma’ kollox. L-entużjażmu fost is-Soċji u t-tfal kien ikun kbir. J’Alla nkomplu f’din it-triq.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.