Ħarsa lura lejn il-Milied fil-Furjana

Print Friendly, PDF & Email

5. Il-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin

Din forsi mhux kulħadd jaqbel magħha għax, kif semmejna iktar ’il fuq, ħafna jżommu li l-purċissjoni tal-Bambin bdiet fil-Ħamrun fl-1921. Imma l-anzjani tal-Furjana jikkwotaw lil Midju Callus li ken jgħid li l-ewwel darba li saret il-purcissjoni bil- Bambin kien fil-Furjana, għax f’xi ħanut taħt il-Loġoġ kien jiġi raġel jgħid li Ġesu’ Kristu m’huwiex l-Iben ta’ Alla.

Dan kien fl-1920, fi żmien is-Superjur Carmelo Callus, li kien ħu Midju, l-Assistent Superjur Ġenerali tal-Museum f’dak iż-żmien. Soċju mill-Furjana, Karmenu Azzopardi, kien ġab xi oġġetti tad-deheb milli kienet tuża ommu u libbishom lill-Bambin, u kull sena baqa’ jaqgħmel hekk. Kienu jiddendlu blalen tal-karti ma njama bix-xemgħat minn ġewwa u t-tfal kienu jkantaw Ninni la Tibkix Iżjed u Betlem Betlem.

Il-format tal-purċissjoni bil-Bambin baqa’, tista’ tgħid baqa’ dejjem l-istess. Iċ-ċentru tal- purċissjoni hu bambin imdaqqas, f’maxtura fuq bradella, bandalora fuq quddiem bil-kliem Verbum Dei caro factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem mill-ġrajja tal-Milied. Fit triq jitkantaw għanjiet tradizzjonali tal-Milied, u dan fih valur għax l-anzjani tal-lum jiggustaw dak li kienu jkantaw huma meta kienu tfal. Id-differenza hi li dari kienu jitkantaw għanjiet bil-Latin, waqt li llum l-għanjiet ikunu bil-Malti.

Il-purċissjoni kienet tieqaf f’xi kantunieri u jitkanta Jesu Tibi sit gloria, qui natus est de Virginis, cum Patre et almo Spiritu, in sempiterna saecula. Amen. (Glorja lil Ġesu’ Kristu, imwieled minn Omm Verġni; glorja lil Missier Alla u lill-Ispirtu s-Santu. Ammen. )

Safejn niftakar, il-purċissjoni kienet tgħaddi dejjem mill-istess toroq. Ma kinitx titla’ Balzunetta, imma d-deċiżjoni li tibda tgħaddi minn hemm, fetħet it-triq għal sehem iktar ta’ Balzunetta f’attivitajiet reliġjuż. Qabel il-ġnien tal-Mall kien magħluq b’ħajt għoli daqs sular u jingħalaq b’bieb tal-ħadid. Mal-gwerra waqa’ ħafna minn dan il-ħajt u d-dehra tiegħu kienet waħda ta’ telqa, sakemm twaqqa’ kollu kif inhu llum. Xi Soċji tal-Museum ġiethom f’rashom li l-purċissjoni tal-Bambin tmur ukoll fit-toroq ta’ Balzunetta u n-nies t’hemm tgħidx kemm laqgħuha bil-ferħ.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: