Irrid insir ħabib u ħabiba ta’ dak li jien?

Kemm għandi x’nagħmel hux! Pages għaddejjin! U dak iridni għalhekk! U mbagħad l-oħra ma nafx xi trid mingħandi! Nies! Messaġġi! Emails! Kulħadd irid il-Patri! Imma l-Patri fejn hu?

U hawn hu, illum, fl-aħħar, għall-ewwel darba f’mitt qamar, il-Mulej tani l-grazzja li noqgħod ftit għall-kwiet ħa nisimgħu fija nnifsi! Stenna ħej! Diġà bdejt fuq nota ħażina! U għaliex dan? Mhux ovvja! Il-Mulej ilu fuq li ilu jagħtini l-grazzji, waħda wara l-oħra, biex noqgħod fil-kwiet ħa nisimgħu! Imma jien moħħi dejjem għaddej! Daqqa għax irrid inħarrbex xi ħaġa fuq dak, imbagħad fuq dik u mbagħad fuq dawk! U, kwiet li hu kwiet f’ġismi, veru li m’għandix! U għaliex dan, nerġa’ nistaqsi?

Għax f’ħajti wisq iggerjat fuq l-oġġettivi! Li, magħhom, hemm marbuta, irrid jew ma rridx, l-aġġettivi! U, allaħares ma nilħaqx dawk l-aġġettivi għax aqta’ kemm ingara aġġettivi koroħ u tal-akbar biża’ fuqi innifsi! Għaliex jien daqshekk aggressiv miegħi innifsi? L-għaliex irrid nilħaq dak li jpasparli moħħi? Imma, ngħid jien, jekk ma nilħaqx dak li jpasparli moħħi, nista’ ma nkunx imdejjaq? Almenu nista’ nibqa’ nitbissem? U l-għaliex nieqaf nitbissem jekk ma nwettaqx dak li qed nippjana?

Dejjem tlabt lill-Mulej biex ma nitwerriċx. Imma ħej, qajla qed nintebaħ li jien qed nitwerreċ! U qed nitwerreċ waħda sewwa! U ili imwerreċ! U imwerreċ bla ma naf! Għax ili imwerreċ għal ħafna u ħafna snin! Għax ġbajt nikkumpara lili nnifsi ma’ dak il-patri u ma’ dak il-kittieb u ma’ dak ma nafx xiex! Ilni nqabbel lili nnifsi ma’ dak il-qaddis u l-qaddisa! Kemm drabi irrid insir Patri Piju! Imma Patri Piju wieħed kien hemm! U kemm nixtieq inkun Santa Fawstina! Imma anki hawn, Santa Fawstina waħda kienet!

Nixtieq ħafna affarijiet! Nixtieq ħafna persuni! Imma insejt li għandi nixtieq li nkun ħaġa waħda biss: JIEN! Oqqow! Jien? Mela ma qallix Ġesù biex niċħad lili nnifsi? U jekk Ġesù qal hekk kif niġi jien u ngħid: Irrid inkun jien? Stenna naqra! Aħna ngħidu li ġejjin mill-Mulej hux veru! Għax, kif jgħidilna s-Salm 103: Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. Is-Salm 103 qed jgħidli: Kun af! Mela, ara li tkun taf! U, jekk jogħġbok, la tinsiex! U, biex żgur ma tinsiex, qis li tkun taf! U, jekk hemm bżonn, din il-ħaġa ħa norbotha b’sinjal ma’ idi u ndendilha bejn għajnejja (ara Dt 6:8). M’għandniex xi ngħidu! Idejja u għajnejja ta’ dak li jien. Jiġifieri, ta’ dak li hu ħafna u ħafna fil-fond minn dak li nidher f’għajnejja u f’għajnejn l-oħrajn. Li jfisser, ta’ dak li hu l-veru jien!

Għax, il-Mulej, li aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna (Atti 17:28) fil-Kelma tiegħu, għal Ismu, jgħidilna li hu hekk: JIEN LI JIEN (Eż 3:14). JIEN! U m’hemmx għajr JIEN! Għax JIEN JIEN! U JIEN, għax hu JIEN, ma nistax ma nkunx għajr JIEN! JIEN waħdi JIEN, bħala sovran ta’ kollox u ta’ kulħadd. Għalhekk, għalija, nkiteb: Mhux jien il-Mulej? U ma hemm ebda Alla ħliefi; Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri (Iż 45:21)? Issa, jekk il-Mulej, JIEN LI JIEN, hu ġust, salvatur u m’hemm ħadd għajru, u jien ġej minnu, jien fejn se nsib tabilħaqq is-sewwa, is-salvazzjoni u l-eżiżtenza tiegħi? Jekk fih jien ngħix, nitħarrek u jien li jien, hemm xi post ieħor fejn nista’ tabilħaqq insib jien min jien?

Dan kollu jwassalni biex nikkonkludi li ŻGUR li le! Mela, jekk dan il-Mulej li fih jien ngħix, nitħarrek u jien li jien, allura dak hu l-veru jien! Imma issa mhux aktar il-jien imma l-JIEN fil-jien! U l-jien fil-JIEN! Jiġifieri Ġesù fija! U, bħala konsegwenza, jien f’Ġesù! Għax jiena, fil-qiegħ ta’ dak kollu li jien, miegħu rrid niltaqa’! Miegħu irrid nitħaddet! Miegħu irrid nirraġuna! U miegħu irrid nistrieħ! Proprju miegħu! Għax fih! U bih! Għalhekk, San Pawl Missierna, jgħidilna: Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija (Gal 2:20). Allura, jien li jien meta jgħix fija Kristu! Dak Kristu li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija! Għax, fil-qalba tal-qalb ta’ dak li jien, dak hemm: Kristu li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija! Anzi! Kristu li għadu jħobbni u jagħtini lilu nnifsu! F’kull ċirkustanza! F’kull mod! F’kull sliem possibbli! Għax, bħalma qalli raġel tal-Mulej, idejh qiegħdha hemm biex tbierek u tgħannaq u mhux biex tgħattan, tgħaffeġ u tballat!

Issa qed nifhem l-għaliex, fil-kamra li qiegħed fija bħalissa, sewwasew fin-naħa tal-lemin tal-ħajt, jiġifieri fl-istess naħa fejn hemm Kristu li qiegħed fin-naħa l-leminija tal-Missier, hemm miktub: friends are for hugging. Il-ħbieb qiegħdin hemm għat-tgħannieq! U żgur li mhux għat-tgħallieq! Mela, dan Ġesù, li lili jgħidli: Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom (Ġw 15:15), qed jgħidli min hu biex itejjibni, isalvani, f’kelma waħda biex jgħannaqni ma’ qalbu, b’dak li HU HU u b’dak li jien jien! Ara ftit ukoll! M’għamilli l-ebda restrizzjoni! Ma’ libbisni l-ebda maskra! Anzi! Iridni nneħħi l-maskri, f’kull ħin! Ma jrid l-ebda distanza soċjali minnu! Imma intimità perfetta miegħu!

Għax ħbieb, hu meta nkun maqgħud miegħu li dak li hu jien, fit-tgħanniqa miegħu, isir dak li HU HU! U hekk, b’imħabbtu, jiena nsir il-veru ħabib u ħabiba ta’ dak li jien. Li, meta hu miftuħ għal JIEN LI JIEN, isir DAK LI JIEN fija!

Għadni irrid insir ħabib u ħabiba ta’ DAK LI JIEN? Li hu l-vera dak li jien?

Patri Mario Attard OFM Cap