Boko Haram joqtlu 11-il persuna fin-Niġerja, f’Lejliet il-Milied.
Nhar il-Ħamis, il-militanti tal-Boko Haram ħarġu mill-foresta ta’ Sambisa fi trakkijiet u muturi u bdew jisparaw b’mod indiskriminat fir-raħal predominantement Nisrani ta’ Peme, fl-istat tal-grigal ta’ Borno. Qatlu 11-il persuna, ħarqu knisja, ħarbtu l-provvisti tal-ikel maħsub biex jitqassam nhar il-Milied, ħarġu mediċini u taw in-nar lill-isptar lokali.
In-numru tal-imwiet jista’ jiżdied hekk kif ir-raħħala ħarbu fil-bush matul l-attakk u xi nies għadhom ma nstabux. Rapporti mhux ikkonfermati qalu li nħataf ukoll qassis.
F’attakk separat, il-Ħamis li għadda wkoll, irġiel armati attakkaw komunità Nisranija oħra f’Garkida, fl-istat ġirien ta’ Adamawa, fejn daħlu jisirqu mill-ħwienet tal-mediċina u provvisti tal-ikel qabel ma’ taw in-nar lil diversi djar, residenti qalu lil AFP. Ma ġie rappurtat l-ebda każ ta’ vittmi minn dan l-attakk. L-aġenziji tas-sigurtà fl-aħħar jiem kienu wissew dwar riskju akbar t’attakki matul il-festa nisranija.
F’dawn l-aħħar snin, il-Boko Haram wettaq numru ta’ attakki fit-tramuntana tan-Niġerja fejn qed jiġġieldu biex iwaqqgħu lill-gvern u joħolqu stat Iżlamiku. Il-kunflitt li ilu għaddej għal dawn l-aħħar għaxar snin, u skond in-Nazzjonijiet Uniti madwar 36,000 ruħ nqatlu u madwar żewġ miljuni ħarbu minn djarhom. Is-sena li għaddiet, f’Jum il-Milied ukoll, il-Boko Haram wera filmat li juri l-qtil ta’ 11-il Kristjan, fl-Istat ta’ Borno.
Nhar il-Ħamis, fi stqarrija, l-President Muhammadu Buhari tenna l-wegħda tal-amministrazzjoni tiegħu li jibqa’ ma jċeddiex fil-konfront tal-insurġenza tal-Boko Haram, kif ukoll ta’ kull forma oħra ta’ kriminalità. “Għalija li tipprovdi sigurtà għar-residenti kollha fil-pajjiż tibqa’ artiklu ta’ fidi”, qal Buhari f’messaġġ bil-miktub tal-Milied.
Fil-messaġġ tiegħu tal-Milied “Urbi et Orbi”, ta’ nhar il-Ġimgħa, l-Papa Franġisku talab għall-appoġġ internazzjonali għall-paċi f’diversi reġjuni tad-dinja mkissrin mill-konflitti, nkluż fin-Niġerja.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2020-12/nigeria-boko-haram-attack-christmas.html
Jew inkella fuq is-sit: https://christianpersecution.com/nigeria/nigeria-christmas-eve-attack-11-dead-after-boko-haram-militants-target-christians/