Għadna napprezzaw l-għeruq tagħna?


Il-Ħadd, 3 ta’ Jannar 2021: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’għeluq il-100 sena minn meta l-knisja ġiet elevata għal bażilika minuri. Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l-Isla.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hija tradizzjoni antika li fis-solennità tal-Epifanija l-Knisja tħabbar il-ġurnata li fiha nkunu se niċċelebraw l-Għid Imqaddes u marbuta ma’ din il-festa kbira aħna l-Insara hemm il-bidu tar-Randan, hemm Għid il-Ħamsin, Lapsi u kull ħaġa li niċċċelebraw, inkluż dan l-anniversarju. Qegħdin niċċelebraw il-100 sena mid-dikjarazzjoni ta’ din il-knisja għażiża bħala bażilika minuri mill-mibki l-Papa Benedittu XV.

Ir-ragħajja marru jfittxu tarbija, salvatur. Il-maġi marru jfittxu sultan. Fejn hu s-Sultan tal-Lhud li twieled? (Mt 2:2). Din hija l-mistoqsija li jpoġġu lil Erodi u lill-kbarat ta’ Ġerusalemm. Raw il- kewkba, bdiet tmexxihom lejn il-Palestina, lejn l-art li Alla wiegħed lil Abraham u bil-loġika tagħhom marru fil-belt li hija ċ-ċentru tal-poter, Ġerusalemm.

“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). L-establishment kollu jinkwieta u jirtgħod għaliex jafu min hu sultan, is-sultan Erodi, wieħed mill-akbar slaten li l-Palestina rat. Erodu ħalla memorja qawwija tiegħu fil-bini kolossali li għamel; bena belt u semmieha għalih innifsu, belt straordinarja li kienet qisha muntanja ta’ bini li kien jipprova jimita l-grandjożità ta’ Ruma fejn hu trabba u ġie edukat.

Kien hemm sultan, allura min hu dan is-sultan li twieled? Mhux ta’ b’xejn inkwieta li s-sede ma kinitx vakanti. Kien interessat ħafna jkun jaf min hu dan, avolja tarbija. U jgħidilhom: “Morru staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh, ejjew għiduli ħalli jiena wkoll niġi nqimu” (Mt 2:8). Huwa ċ-ċiniżmu politiku li jimmarka mhux biss il-qalb ta’ Erodi imma li għadu magħna: tgħid ħaġa u tfisser oħra.    

Is-sultan! Min jaf x’ħasbu, min jaf xi ppretendew isibu l-Maġi huma u jitilqu mill-art imbiegħda fejn kienu, jippruvaw jifhmu s-sinjal li raw fis-sema u jfittxu xi ħadd tassew kbir. Nimmaġina li kienu sorpriżi ħafna li ltaqgħu ma’ koppja fqira, ma’ mastrudaxxa u mal-mara tiegħu Marija. Tant kienu fqar li meta ġew biex jippreżentaw lil Ġesù fit-tempju, meta għalaq 40 jum, ma kellhomx biex jixtru l-ħaruf li kienet l-offerta li tifdi lit-tifel il-kbir. L-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmi biss l-offerta tal-fqar, par ħamiem jew żewġt ibċieċen (Lq 2:24). U hemm ikonografija sabiħa ta’ San Ġużepp li f’gaġġa jġorr żewġ ħamimiet.   

Din il-koppja żagħżugħa u fqira kienet qed tħares lis-Sultan tas-Slaten.      

Imma huma ppreżentaw fit-tempju il-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhomx il-flus biex jixtru ħaruf biex jinqatel għas-sagrifiċċju imma Marija ġarret fil-ġuf u Ġużeppi ħa r-responsabbiltà li jieħu ħsieb dak li Ġwanni l-Battista jsejjaħlu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja (ara Ġw 1:30). Din il-koppja żagħżugħa u fqira kienet qed tħares lis-Sultan tas-Slaten.         

Kif tafu, bil-Grieg, li bih inkiteb l-Evanġelju, il-kelma ‘sultan’ hija basileus u d-dar tiegħu hija l-bażilika; il-bażilika hija d-dar tas-sultan, hija l-awla li fiha s-sultan jilqa’ lil dawk li jkunu jridu jippreżentaw lilhom quddiemu biex jitolbuh xi favur, xi pjaċir għax id-dinja qatt ma tbiddlet – mhux bilfors jagħtu donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund – u anke biex jisimgħu r-rieda  tiegħu. Il-bażilika li sabu l-maġi kienet bażilika fqira fl-għana ta’ din id-dinja imma għanja fl-imħabba. 

X’se tkun din il-bażilika? Mogħnija fid-deheb, l-irħam u l-fidda u fqira fl-imħabba? Jekk ikun hekk, l-Evanġelju nkunu qlibnieh rasu ’l isfel u saqajh ’il fuq, ta’ taħt fuq. Xi tfisser li tkun magħżul jew magħżula bħala komunità u bħala knisja biex ikollok din ir-rabta tant partikolari mal-Papa? Għax din hija s-sejħa tal-bażilika minuri: rabta partikolari mas-suċċessur ta’ Pietru s- sajjied u kull suċċessur preżenti għax l-arloġġ ikompli jdur.

Il-bażilika marbuta mat-tempju mhijiex kwistjoni ta’ ġebel u rħam u fided u deheb. Irridu nippruvaw niskopru mod iżjed profond, irridu niskopru s-sinifikat ta’ din is-sejħa.

100 sena wara, illum qegħdin hawn niċċelebraw dan l-ewwel ċentinarju. Imma nifhmu wkoll li l-ġebel ta’ 100 sena ilu m’għadux hawn għaliex 20 sena biss wara dak li qed niċċelebraw, din il-knisja ntlaqtet mill-għadu. Dan huwa wkoll sinjal li rridu niftakru. Il-bażilika marbuta mat-tempju mhijiex kwistjoni ta’ ġebel u rħam u fided u deheb. Irridu nippruvaw niskopru mod iżjed profond, irridu niskopru s-sinifikat ta’ din is-sejħa. Żgur mhuwiex titlu ta’ frugħa, titlu ta’ nkejja, titlu ta’ superjorità, titlu biex tumilja lil xi ħadd. Dak mhuwiex l-Evanġelju ta’ dan ir-re, ta’ dan il-basileus. Għax dan ir-re jiġi bis-sinjal tal-umiltà u tal-qawwa tal-manswetudni. Jiġi bid-dija tal-imħabba li tiddi fuq id-dlam tal-mibegħda, tal-għira, u tal-kefrija.  

Meta l-maġi raw il-kewkba ta’ dan il-basileus tindikalhom il-bażilika, l-għamara tar-re tar-rejiet, “imtlew b’ferħ kbir tassew” (Mt 2:11), il-ferħ ta’ min ifittex lil Alla b’qalb safja li jiġi hawn biex ifittex redentur, ifittex lil ommu Marija Bambina u f’riġlejhom jiftah qalbu, jilqa’ l-maħfra ta’ dnubietu u jimtela bl-imħabba lejn il-proxxmu. Din hija l-vera għamara tar-re, din hija l-vera bażilika.   

100 sena ilu l-poplu Malti kien ħerqan jirċievi r-riedni tiegħu f’idejh fiċ-ċirkustanzi ta’ dak iż-żmien. Konna qed nistennew ħerqanin il-Kostituzzjoni li saret il-Kostituzzjoni tal-1921. Fostna kien anke fervent ta’ patrijottiżmu, ta’ rikonoxximent tal-identità tagħna. Diversi protagonisti ta’ dan il-moviment kienu mill-Isla u nimmaġina li din l-aħbar li ngħatat bħal-lum 100 sena kienet  parti minn dan il-moviment qawwi ta’ kburija bl-għeruq tagħna bħala Maltin u Għawdxin.

100 sena wara, l-għeruq tagħna għadna napprezzawhom? 100 sena wara, x’qegħdin infittxu? Liema deheb qegħdin infittxu?

100 sena wara, l-għeruq tagħna għadna napprezzawhom? 100 sena wara, x’qegħdin infittxu? Liema deheb qegħdin infittxu? “Fejn hu dak li twieled Sultan tal-Lhud?” (Mt 2:2). Ma ninsewx li dan huwa t-titlu li Ġesù kellu fuq s-salib: Ġesù ta’ Nazaret Sultan tal-Lhud (Ġw 19:19).

Meta nqimu r-Redentur, is-sid ta’ din il-bażilika, u nħarsu lejn ommu, nifhmu li qegħdin infittxu lil xi ħadd li jagħtina risposta mhux ikkumpikata u forsi mhux ta’ kollox, imma tal-ikbar għatx li għandna fil-qalb tagħna. Fejn inti Ġesù ta’ Nazaret, Sultan tal-Lhud? Mhux bilfors insibuh fost id-deheb u l-fidda, dan iż-żmien abbli nsibuh fuq is-sodda tal-mard marbut ma’ xi ventilator. Lil Ġesù nista’ nsibu fil-ħabs jew fuq dgħajsa titqalleb f’nofs il-Mediterran. Lil dan is-sultan li jgħammar fil-bażilika vera tiegħu, insibuh fil-proxxmu.  

Jekk ma jirnexxilix insibu hemmhekk, dan kollu frugħa u jsir kundanna minflok glorja. Aħna u nifirħu llum, nitolbu l-ħniena tal-Mulej għaliex: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva (S 71:12-13).

Din il-bażilika minuri hija unur u responsabbilà. Illum, aħna u nifirħu f’dan l-ewwel seklu ta’ din is-sejħa partikolari, nifhmu li jgħodd għal din il-knisja, għal din il-bażilika l-kliem tal-profeta Iżaija: “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej! Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek” (Iż 60:1-2).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
Evanġelju: Mt 2:1-12

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.