Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2021, fis-6.30pm.
Il-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret li s-Servizz Ekumeniku li soltu jsir għall-ħabta ta’ nofs Jannar se jsir xorta waħda, imma b’manjiera differenti minn kif aħna mdorrijin.
Kelliem għall-Kummissjoni Ekumenika qal li s-Servizz Ekumeniku se jsir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2021, fis-6.30pm. Dan is-Servizz mill-Kappella tal-Kurja, Florjana, se jitmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, bis-sehem ta’ numru ristrett ħafna mill-mexxejja ta’ xi Knejjes Insara. Huwa b’dispaċir li l-organizzaturi, jiġifieri l-Kummissjoni Ekumenika u l-Kunsill Ekumeniku Malti (Christians Together in Malta), qalu li s-Servizz Ekumeniku mhux se jkun miftuħ għall-pubbliku minħabba l-miżuri prekawzjonali li lkoll qed nippruvaw insegwu mill-aħjar li nistgħu.

Il-pubbliku xorta waħda jista’ jieħu sehem fis-Servizz għax dan se jkun trasmess fuq is-social media channels tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Għal aktar dettalji, ara l-websajt ta’ Church in Malta, kif ukoll l-avviżi f’din il-gazzetta u gazzetti oħra, kif ukoll fuq xi stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, fosthom Radju Marija.
It-tema ta’ din is-sena għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost il-Knejjes hija Ibqgħu fl-imħabba tiegħi u tagħmlu ħafna frott, kliem ispirat mill-kliem ta’ Ġesù, mill-Evanġelju skont San Ġwann (kap.15), meta tkellem dwaru nnifsu bħala d-dielja vera, u li aħna friegħi tad-dielja.