Ulied għeżież


Il-Ħadd, 10 ta’ Jannar 2021: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tal-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej. Parroċċa Balzan.

Ulied għeżież

L-ilma jsaffi, inaddaf u jagħti l-ħajja. Kien għalhekk li Ġwanni l-Battista kien jgħammed lin-nies bl-ilma, fix-xmara Ġordan. Kienu jiġu n-nies għandu u hu jgħammidhom bl-ilma biex ifisser il-ħajja ġdida li daħlu għaliha wara li jistqarru dnubiethom. Meta resqu għall-magħmudija, għamlu dan biex juru dak li jsemmi l-Profeta Isaija fl-Ewwel Qari: “Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu: ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.”

L-ilma

Kienet ħaġa stramba li fil-kju ma’ dawn in-nies li marru biex jitgħammdu kien hemm ukoll Ġesù. Mar hu wkoll biex jitgħammed minn Ġwanni l-Battista f’waħda mill-ewwel ġrajjiet tal-ħajja pubblika tiegħu.  Kienet stramba għax jekk kien hemm xi ħadd li ma kellux bżonn il-maħfra tad-dnubiet, li ma kellux bżonn li jistqarr dnubietu, kien proprju Ġesù.

Allura għalfejn mar hemm biex jitgħammed? Ma marx biex jitlob maħfra. Mar biex jidħol fl-istess ħajja tan-nies imtaqqlin bid-dnub, biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħhom u jwasslilhom il-maħfra ta’ Alla u jsalvahom. Għalhekk meta resaq Ġesù biex jitgħammed, mhux l-ilma naddaf lilu imma hu qaddes l-ilma u ta tifsira ġdida lill-magħmudija. Dak inhar dehret ċara l-missjoni ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, li jeħles lill-bniedem mid-dnub u l-ħażen billi jsir ħaġa waħda mal-bniedem. F’dan il-mument, deher ċar l-iskop ta’ ħajtu li jkun salvatur tal-umanità.

Dan kien konfermat bis-siġill mil-leħen tal-Missier: “Int Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”, u mill-preżenza tal-Ispirtu s-Santu.

L-għaxqa

X’inhu l-messaġġ għalina llum? Nixtieq li nieqfu fuq dawn il-kelmiet tal-Missier: “Int Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.” Dan hu x’qal il-Missier fuq Ġesù, imma dan hu wkoll dak li niċċelebraw fil-magħmudija tagħna. Aħna tgħammidna, tista’ tgħid ilkoll kemm aħna, meta konna għadna żgħar ħafna. Ġabuna fil-knisja l-ġenituri tagħna għax xtaqu jagħtuna l-isbaħ u l-aħjar mill-bidu. Riedu, permezz tal-magħmudija, li aħna nissieħbu fil-ħajja ġdida ta’ Ġesù, fil-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni, u nsiru wlied Alla. Ingħatajna skop speċjali għall-ħajja, li billi konna għadna żgħar kellna niskopruh u nikkonfermawh meta nikbru.

Bil-magħmudija, lilna wkoll qal Alla: Int ibni l-għażiż; inti binti l-għażiża; fik sibt l-għaxqa tiegħi. Dan qalu fuqna mhux wara li għamilna xi ħaġa aħna, imma qabel. Proprjament ma kienx fil-magħmudija u lanqas fit-twelid, imma kien fl-ewwel mument tal-eżistenza tagħna, fit-tnissil tagħna, li Alla fuq kull wieħed u waħda minna qal: int għalija għażiż jew għażiża; bik nitgħaxxaq. Hemmhekk diġà l-Mulej kien qed jitgħaxxaq bina. Fil-magħmudija, aħna lqajna bi gratitudni din il-kelma ta’ Alla għalina – għal kull wieħed u waħda minna – u aċċettajna li nkunu wliedu.

Hu b’din il-gratitudni kbira lejn dak li għalih aħna għeżież u li minnu jiġina kull ġid, li għandna ngħixu ħajjitna. Kif qal Papa Franġisku ftit ġranet ilu: “Ġejna maħsuba qabel ma tgħallimna naħsbu; ġejna maħbuba qabel ma tgħallimna nħobbu; ġejna mixtieqa qabel ma tfaċċat xewqa f’qalbna. Jekk inħarsu lejn il-ħajja b’dan il-mod, allura l-“grazzi” jsir dak li jmexxi l-ġurnata tagħna.” (Udjenza Ġenerali 30 ta’ Diċembru 2020).

Is-sejħa

Dan il-kliem li Alla qal fuqna “Int int ibni l-għażiż, int bint l-għażiża. Fik insib l-għaxqa tiegħi” hu l-kliem li hu jirrepetih kontinwament lilna. Għalih aħna nibqgħu dejjem għeżież. Ma jistenniex li nagħmlu xi ħaġa biex jibda jikkonsidrana għeżież.

Imma fil-magħmudija jagħmlilna sejħa speċjali għal ħajjitna kollha: li min-naħa tagħna, aħna ngħixu bħala wlied għeżiez ta’ Alla, li fina jsib l-għaxqa tiegħu. Mhijiex biss dikjarazzjoni li jagħmel fuqna, imma stedina għalina.

B’liema mod ngħixu l-magħmudija tagħna? Ngħixu bħala wlied għeżież ta’ Alla meta, bl-għażliet personali tagħna, ngħidu le għall-ħażen u iva għat-tajjeb. Fil-fatt, hekk kienu l-wegħdiet li saru dak inhar tal-magħmudija, meta hemm dak li niċħdu u dak li nemmnu, u din tibqa’ ħajjitna kollha.

Ngħixu l-magħmudija, bħala wlied għeżież ta’ Alla, meta nkunu xhieda li Alla jagħti sens lil ħajjitna. Inkunu xhieda tal-verità u tas-sbuħija tal-ħajja nisranija. Dan jgħin biex inwasslu din il-ħajja sabiħa ta’ Ġesù lill-oħrajn, u nħarsu lejhom u nittrattawhom bħalma jħares lejhom Alla: nies għeżież għal Alla.

Nixtieq nagħmel dan is-suġġeriment. Li kull filgħodu, meta nqumu, l-ewwel ħsieb tagħna jkun dan il-kliem li smajna f’leħen il-Missier u niftakru li jgħidu fuqna. Għalhekk niftakru: Jien għażiż għal Alla, jien ibnu l-għażiż, bintu l-għażiża. Fija jsib l-għaxqa tiegħu. U nitolbu biex matul il-ġurnata ngħixu bi gratitudni lejh u b’mod li jagħmel ġieħ lil dan il-kliem li hu jgħid fuqna, u nħarsu lejn l-oħrajn bl-istess ħarsa li jħares lejhom Alla bħala wlied għeżież tiegħu.

Joseph Galea-Curmi

Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.