Lectio Divina tat-2 Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw. 1. 35 – 42): San Ġwann, f’kap 1, jirrakonta l-ġrajjiet li seħħew fl-ewwel ġimgħa tal-ministeru ta’ Ġesu’. Dil-ġimgħa tibda bil-magħmudija ta’ Ġesu u tispiċċa bit-tieġ ta’ Kana. Illum qed jgħidilna fuq it-tielet jum.  Ġesu’ kien għaddej qrib ix-xmara, il-Battista lemħu u qal lil tnejn mid-dixxipli tiegħu:  “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla,” għax mhux biss ħares lejh imma għaraf (emblempo = tara x’hemm ġewwa) tassew min kien, x’kienet l-identita’ profonda tiegħu.  Ir-riżultat ta’ din is-sejba kien li l-Battista sar appostlu ta’ Ġesu’. Anki llum, kull min jiskopri lil Ġesu’, u jieħu ż-żmien tiegħu biex isir jafu intimament, isir appostlu tiegħu.  Bħal meta ġuvni jieħu grazzja ma’ tfajla u jistqarr il-famuża “love at first sight”.  Imma mbagħad iridu jieħdu ftit taż-żmien  biex isiru jafu ‘l xulxin sew.

  1. Il-Battista, wieqaf, jara lil Ġesu’ għaddej, u jirrejalizza li l-missjoni tiegħu waslet fit-tmiem.  Lest biex jagħti l-‘hand over” lil Ġesu’. Permezz tad-demm tal-ħaruf, il-poplu Lhudi ħeles mill-jasar tal-Eġittu. Permezz tad-demm tal-Ħaruf t’Alla, il-bnedmin kollha se jinħelsu mill-jasar tad-dnub.  Dan il-Ħaruf ġie mibgħut mill-Missier Etern f’dinja ta’ lpup.  Imma s-salib kien l-unika mod biex il-Missier juri l-imħabba kbira li għandu għall-bniedem, u biex jurih li, biex il-bniedem jgħix ħajja umana awtentika, irid jimxi fuq il-passi tal-Ħaruf, li jagħti ħajtu għas-servizz u l-imħabba tal-oħrajn.  Dan ried ifisser il-Battista meta qal: “Dan hu li jneħħi d-dnub tad-dinja.” Dan hu d-dnub ta’ dawk li jgħixu ħajja ta’ lpup.  Il-Battista żgur li ftakar fis-siltiet minn Isaija: “Bħal ħaruf meħud għall-qatla”, biex iġib fit-tmiem ir-renju tal-ilpup, poter, u egoiżmu, u tibda s-saltna tal-imħabba u ta’ servizz għall-oħrajn, u b’hekk “il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf.” (Isaija).
  2. Żewġ dixxipli tal-Battista semgħuh jgħid x’qal dwar Ġesu’, u telqu warajh.  Biex wieħed jiddeċiedi li jgħix ta’ ħaruf f’dinja ta’ lpup kienet ħaġa ta’ riskju kbir.  “Marru u raw fejn kien jgħammar, u dak in-nhar baqgħu miegħu.” Il-Battista, bħall-profeti ta’ qablu, ma felaħx aktar għall-imġieba qarrieqa u giddieba tal-poplu, l-aktar tal-mexxejja. Ma kienx jibża’ jgħid il-verita’, bħal fil-każ tal-mara ta’ Erodi. Kien jittama għall-bidla fil-qlub tal-bnedmin.  Id-dixxipli tiegħu iddakkru minn dan l-ispirtu u entużjażmu. Issa li l-Battista indikalhom Mgħallem ġdid, marru miegħu.  Jekk aħna rridu nindikaw lil Ġesu’ lill-oħrajn, jiħtieġ nisħqu fuq il-bżonn li hawn fid-dinja li jonqos u jinqered l-egoiżmu u l-materjaliżmu, u nitħabtu biex tikber l-imħabba tal-proxxmu.  Jekk, p.e. żagħżugħ jifhem kemm il-bniedem jonqsu mħabba sinċiera u disinteressata, żgur li jagħmel għażliet għaqlin u umani.
  3. “Xi tridu? X’qegħdin tfittxu?” Dawn huma l-ewwel kelmiet li lissen Ġesu’ fil-Vanġelu skont S. Ġwann. Tajjeb li aħna nsaqsu: “X’qed infittex jien meta nimxi wara Ġesu’? Is-suċċess? Li bit-talb ta’ spiss ikolli ħajja komda, mimlija privileġġi, u bla nkwiet?” Għax anki Erodi fittex lil Ġesu’ biex joqgħod jagħmel il-mirakli quddiemu.  Jien hekk ukoll?  Spiss nisimgħu lil xi ħadd jgħid: “Tlabt grazzja imma ma qlajthiex! Mela għalfejn qiegħed Alla u l-Knisja?” Jekk nimxu wara Ġesu’ għal dawn ir-raġunijiet se nibqgħu delużi.  Meta Ġesu’ jistaqsi “Xi tridu?” irid ifisser “Fhimtu sew x’inhi l-missjoni tiegħi?  Taf għal x’hiex deħlin? Irridu nirbħu lil did-dinja tal-annimali salvaġġi mhux bil-vjolenza imma bil-manswetudni ta’ ħaruf.” 
  4. Id-dixxipli tal-Battista jirrispondu b’domanda: “Fejn tgħammar, Rabbi?” Mhux qed isaqsuh l-indirizz għax, kif nafu, bin il-bniedem ma kellux saqaf fuq rasu.  Mela li riedu jgħidulu hu: “Aħna rridu noqogħdu miegħek, tmur fejn tmur.  Irridu nsiru nafuk sew, irridu ninagħqdu miegħek. Irridu ngħixu mal-Ħaruf u bħal Ħaruf.” “Ejjew u taraw,” i.e. ejjew ħa taraw id-dawl li se jkeċċi d-dlamijiet li ħakmu l-art.” Noqogħdu attenti  biex aħna wkoll, wara li nieħdu risposta u nvit minn għand Ġesu’ għal xi domanda li nagħmlulu, nieħdu deċiżjoni biex nimxu warajh aktar mill-qrib, u mhux nibqgħu staġnati fejn konna qabel.  Id-dixxipli “baqgħu miegħu il-jum kollu,” i.e. ma reġgħux lura d-dar għall-ħajja l-antika.
  5. “L-erbgħa ta’ wara nofs in-nhar.” Tfisser (a) it-tmiem tal-jum huwa fil-qrib, u se jqum jum ġdid li jagħti bidu għal dinja ġdida. Meta ngħidu li bniedem ra d-dawl infissru li twieled. Dawn id-dixxipli twieldu għal dan il-jum ġdid; (b) tant kienet esperjenza qawwija li baqgħu jiftakru l-ħin eżatt meta ġrat. Is-silta tal-lum tistedinna biex aħna nagħmlu esperjenza bħal din. In fatti, għalihom din tant kienet esperjenza qawwija li ma felħux iżommuha għalihom biss.  Riedu jaqsmuha m’oħrajn.
  6. Marru jiġru lejn id-dar: “Sibna l-Messija, dak li se jagħti bidu għal umanita’ ġdida.” Aħna wkoll jiħtiġilna nipproponu dil-proposta għal dinja ġdida lill-oħrajn, l-aktar liż-żgħażagħ.  Indri’ jieħu lil ħuh għand Ġesu’, li malli rah semmieh “Kefa”, blata, għax din se ttih l-identita’ tax-xogħol li se jiżvolġi fil-bini ta’ din id-dinja l-ġdida.  Is-skiet ta’ Pietru juri li aċċetta din is-sejħa bla tlaqlieq.
  7. Id-dixxiplu l-ieħor hu bla isem.  Din insibuha xi sitt darbiet oħra (e.g. Emmaws). Dan għaliex l-Evanġelista jistieden lilek  u lili  biex inkunu  dak id-dixxiplu.
  8. Eżatt qabel it-Tqarbin imqaddes, nerġgħu intennu: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla li jaħfer id-dnub tad-dinja” għax permezz tat-Tqarbin aħna mhux biss nitqarrbu lejn Kristu iżda nitwaħħdu miegħu, għax mingħajru aħna ma nistgħu nagħmlu xejn.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Jew:   google search: fernandoarmellini                    

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading