Nhar il-Ħadd 10 ta’ Jannar 2021, wara 54 sena u tlitt ijiem, il-patrijiet Franġiskani tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa mill-ġdid iċċelebraw il-Quddiesa fil-knisja ta’ San Ġwann il-Battista f’Qasr Al-Yahud, fuq ix-xtut tax-xmara Ġordan, il-post fejn titfakkar il-magħmudija tal-Mulej.
Il-liturġija bdiet bil-purċissjoni tal-Franġiskani li telqu mill-monasteru Grieg Ortodoss tal-Battista u wasal fuq l-art tal-Franġiskani mhux wisq bogħod mix-xatt tal-Ġordan. Ġiet iċċelebrata l-Quddiesa. Qabel din iċ-ċelebrazzjoni, il-kappillan tal-parroċċa ta’ Ġeriko, Fr Mario Hadchity, ta merħba lill-patrijiet u lill-Kustodju Patri Francsco Patton. Imbagħad, il-Kustodju formalment fetaħ il-bibien tal-post li kienu ilhom magħluqa għal aktar minn ħamsin sena.
Rapport għal-Laikos minn Fr Geoffrey G. Attard