Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II lil grupp ta’ soldarjetà

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KUMITAT TALJAN TAS-SOLIDARJETÀ IMMEXXI MINN DON MARIO PICCHI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Castelgandolfo, 9 ta’ Awissu 1980

Għeżież uliedi u ħutii!

Xtaqtu din il-laqgħa ewkaristika mal-Papa biex tesprimu b’mod konkret il-fodi tagħkom u d-devozzjoni tagħkom; u jien, waqt li niġborkom madwar l-altar tal-Mulej nagħtikom it-tislima tiegħi l-iktar kordjali u nesprimilkom il-gratitudni profonda tiegħi. Infatti intom tagħtuni l-okkażjoni li niltaqgħu ma’ ċerti persuni serji u mpenjati, li jipparteċipaw b’mod attiv fl-ansjetajiet u l-preokkupazzjonijiet tal-Knisja u li jġorru ċerti esperjenzi, kultant drammatiċi u bdanakollu utli biex jintgħelbu tant skonforti u tant bżonnijiet tas-soċjetà moderna.

Il-preżenza tagħkom, hekk differenti u affezzjonanti, hija għalija ta’ konfort kbir: intom infatti tifhmu l-interess tal-vigarju ta’ Kristu, li, bħala ragħaj responsabbli, mgħaddas f’din is-soċjetà tas-seklu XX, iħoss ir-responsabiltà li jdawwal u jiggwida l-bnedmin kollha. Intom toffrulu l-għajnuna tagħkom, it-talb tagħkom, il-kollaborazzjoni sinċiera tagħkom. Fejn ma jistax jasal hu, taslu intom, biex tħaffu pieni u tbatijiet, biex tiċċaraw id-dubji u l-inkwiet, biex issalvaw lil min fit-telfa u fid-deżolazzjoni jitlob għajnuna b’mod iddisprat! Intom tagħtuni fiduċja u tama u għalhekk niżżikom ħajr b’mod sinċier.

L-opra ta’ l-irkupru u tal-prevenzjoni mill-konsegwenzi fatali u terribbli tad-droga hija attwalment mhux biss ta’ min ifaħħarha, imma meħtieġa: it-triq li fiha jaqgħu it-tant feruti u milquta mit-trawmi dolorużi tal-ħajja twessgħat b’mod tal-biżà, u għalhekk hemm bżonn ħafna iktar ta’ sammaritani tajbin  .

B’mod speċjali, waqt li nieħu spunt minn din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, irrid nagħmlilkom xi eżortazzjonijiet konkreti.

Il-psikologi u s-soċjoliġiċi jgħidu li l-ewwel kawża li timbotta ż-żgħażagħ u l-adulti għall-esperjenza detrimentali tad-droga hija n-nuqqas ta’ motivazzjonijiet ċari u konvinċenti tal-ħajja. Infatti in-nuqqas ta’ punti ta’ referenza, il-vojt tal-valuri, il-konvinzjoni li xejn ma għandu sens  u li għalhekk mhix ħaġa tajba li tgħix, is-sentiment traġiku u deżolat ta’ li aħna xi vjaġġaturi minsija f’univers assurd, jistgħu jimbuttaw lil xi wħud għat-tiftix ta’ ħarbien eżasperat u ddisprat.

Diġa dan kienet kitbitu l-ħassieba magħrufa Franċiża Raïssa Maritain, meta rrakkuntat l-esperjenzi ta’ żgħożitha, fil-bidu tas-seklu, meta kienet studenta fis-Sorbonne ta’ Pariġi u kienet tilfet kull fidi: “Kollox kien sar assurd u inaċċettabbli… In-nuqqas ta’ Alla kien biegħed min-nies l-univers. Jekk naslu li nirrinunzjaw milli nsibu sens kwalunkwè għall-kelma “verità”, għad-distinzjoni tat-tajjeb u tal-ħażin, tal-ġust u tal-inġust, ma jkunx iktar possibbli li ngħixu b’mod uman.Ma ridtx naf b’tali kummiedja – tikteb l-iskrittriċi – . Kont nasal li naċċetta ħajja mnikkta, mhux ħajja assurda… O il-ġustifikazzjoni tad-dinja kienet possibbli, u hi ma setgħetx tgħaddi mingħajr għarfien veritier; jew il-ħajja ma kienx jixirqilha moment ta’ attenzjoni”. U kienet ikkonkludiet b’rejaliżmu drammatiku: “Din l-ansjetà metafiżika li tippenetra fis-sorsi stess tax-xewqa tal-għixien, hija kapaċi li ssir disperazzjoni totali u li twassal għas-suwiċidju”. (I grandi amici, Vita e Pensiero, Milano, 1955, pp. 73-75).

Dan kliem li jġiegħel jaħseb lil dak li jkun: il-bnedmin jinħtieġu l-verità; għandhom il-bżonn assolut li jkunu jafu għalfejn jgħixu, imutu, jbatu!  Ħeqq: intom tafu li “il-verità” hija Ġesù Kristu! Huwa nnifsu iddikjara dan b’mod kategoriku: “Jiena l-verità!” (Ġw 14,6), “Jiena d-dawl tad-dinja; min isegwi lili, ma jimxix fid-dlamijiet” (Ġw 8,12). Ħobbu mela l-verità! Wasslu l-verità lid-dinja! Ixhdu l-verità li hija Ġesù, bid-duttrina kollha rrivelata minnu stess u mgħallma mill-Knisja, assistita u ispirata b’mod divin. Hija l-verità li ssalva liż-żgħażagħ tagħna: il-verità kollha kemm hi, illuminanti u esiġenti kif inhi! La tibżgħux mill-verità u opponu biss u dejjem lil Ġesù Kristu għat-tant għalliema tal-assurd u tas-suspett, li jistgħu forsi jaffaxxinaw, imma li mbagħad b’mod fatali jwasslu għall-qerda.

Hemm mottiv sekondarju li, dejjem skont l-għidut tal-esperti, jimbotta għat-tiftix tal-“ġenniet artifiċjali” fid-diversi tipi tad-droga, u hija l-istruttura soċjali defiċjenti u mhix sodisfaċenti.

Bla ebda dubju ta’ xejn dan huwa argument tassew important, imma wkoll diffiċli u kumplikat sewwa.

Infatti qegħdin nassistu għat-tixrid u għar-radikazzjoni fl-Istati kollha ta’ “morali lajka”, li tinqatà kważi għal kollox mill-morali oġġettiva, hekk imsejħa “naturali, u mill-morali rivelata mill-Vanġelu.  Aħna ma rridux nipproċessaw lis-soċjetà: iżda rridu ninnutaw li tant dgħufijiet fl-istruttura tas-soċjetà, bħad-diżokkupazzjoni, in-nuqqas ta’ alloġġi, l-inġustizja soċjali, l-attiviżmu politiku,  in-nuqqas ta’ tħejjija għaż-żwieġ, il-legalizzazzjoni tal-abort u tad-divorzju, jikkawżaw b’mod fatali sens ta’ sfiduċja u ta’ oppressjoni, li jistà  jwassal kultant ukoll għal esperjenzi b’mod tal-biżà negattivi.

M’għandniex naqtgħu qalbna! Minkejja d-diffikultajiet, komplu nfluwenzaw fit-tajjeb lis-soċjetà; wasslu l-kontribut fattiv tagħkom ukoll fil-kamp politiku u leġislattiv; sostnu dejjem u b’entużjażmu dak li għandu jkun l-iskop ewlieni u prinċipali ta’ kull organiżmu u ta’ kull Stat: ir-rispett u l-imħabba għall-bniedem! Dak li kien jiddeskrivi San Ġwann lill-ewwel insara għadu jgħodd illum: “Alla tana l-ħajja eterna u din il-ħajja hija f’Ibnu. Min għandu l-Iben, għandu l-ħajja; min m’għandux l-Iben ta’ Alla, m’għandux il-ħajja” (1Ġw 5,11).

Għal dan il-għan, nassoċja ruħi bis-sehem profond kollu tal-ispirtu tiegħi mal-preokkupazzjonijiet espressi mill-“Assoċjazzjoni tat-Tobba Kattolċi Taljani” dwar il-proposta ta’ liġi dwar il-liberalizzazzjoni tad-drogi definiti b’mod żbaljat bħala “ħfief” u l-fakultà li tamministra l-eroina f’ambjenti ospedalieri (XV il-Kungress Nazzjonali, Assisi, Novembru 1979; VI Kungress Ewropew, Brusselles, Mejju 1980). Bħalma s’issa turi l-esperjenza doloruża ta’ xi nazzjonijiet, leġislazzjoni iktar permissiva f’tali qasam, ma sservi xejn la biex tippreveni u linqas biex tifdi.

Fl-aħħarnett, ikomplu jgħidu l-espert tal-psikosoċjoloġija, minħabba l-fenomenu tad-droga huwa wkoll is-sens tas-solitudni u tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni li sfortunatament jagħfas fuq is-soċjetà moderna, storbjuża u aljenata, kif ukoll fuq l-istess familja. Huwa fatt magħruf b’mod doloruż veru li, flimkien man-nuqqas ta’ intimità ma’ Alla, iġegħlna nirrejalizzaw imma bla dubju ma jiġġustifikax, il-ħarba fid-droga biex ninsew, biex nistordu ruħna, biex nevadu minn sitwazzjonijiet li saru nsapportabbli u oppressiv, saħansitra biex nibdew b’mod intenzjonali vjaġġ bla ebda ritorn.

Fil-fatt, id-dinja moderna għandha bżonn estrem tal-ħbiberija, tal-fehim, tal-imħabba, tal-karità. Wasslu mela b’perseveranza u b’sensibiltà il-karità tagħkom, l-imħabba tagħkom, l-għajnuna tagħkom! Hija l-karità li ssalva u li tiftaħ it-triq għall-verità!  Dejjem iktar wieħed jifhem li ż-żagħżugħ, maħtuf fiċ-ċrieki vvalenati tad-droga, għandu bżonn essenzjali li jħoss ruħu maħbub u mifhum biex jifdi lilu nnifsu u jerġà jaqbad it-triq normali ta’ min jaċċetta l-ħajja fil-prospettiva tal-eternità.  Imma fuq kollox, kunu dawk li jwasslu u x-xhieda tal-imħabba u tal-ħniena ta’ Alla, il-ħabib li ma jittradikx u li jkompli jħobbok u li jattendi b’tama fiduċjuża. Kemm hu minnu u kommoventi l-kliem ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù fl-aħħar marda tagħha: “Iva, inħossu: għandek fuq il-kuxjenza d-dnubiet kollha li jistgħu jikkommettu, xorta ninxteħet f’dirgħajn Ġesù, bil-qalb maqsuma bl-indiema, għaliex naf kemm hu jħobb lill-iben il-ħali li jerġà lura għandu””(S. Tereża tal-Bambin Ġesù, Ms. C.).

Għeżież! Hawn hu dmirkom u l-kunsinna tagħkom: wasslu fiduċja u mħabba!

L-Iskrittura Mqaddsa b’fomm il-profeta antik tgħid li “il-ġust se jgħix għall-fidi tiegħu” (Ab 2,4; cf. Rm 1,17ss; Gal 3,11) u Ġesù jħeġġeġ biex ikollna fidi talinqas daqs żerriegħa tas-senapa (Mt 17,18-19).

Intom ukoll impenjati biex issalvaw lis-soċjetà b’imħabba u b’fidi. Nirrakkomandakom ilkoll kuljum lil Marija Santissma, itolbuha kuljum b’imħabba u b’kunfidenza, sabiex tillumina dejjem il-ħsibijiet tagħkom u tiggwida l-passi tagħkom fit-toroq tad-dinja, għas-serħan ta’ tant li għandhom bżonn li jiltaqgħu mal-qalb immakulata u materna tagħha!

U takkumpanjakom il-barka propizjatriċi tiegħi!

Waqt li jwieġeb għal tislima ndirizzata lilu minn Don Picchi, il-Papa jgħid fost l-ieħor.

Kultant jitgħannqu l-persuni b’idejhom; drabi oħra dak li jkun isib ruħu f’sitwazzjoni ftit differenti, billi jippreferi jħaddan lill-persuni bil-kliem. Dan meta nsibu ruħna f’waqtiet ta’ riflessjoni, ta’ riflessjoni dwar il-problemi fundamentali tal-ħajja, tal-eżistenza umana, tat-tbatija umana u tal-fiduċja, tat-tama li tibqà dejjem u jkun xi jkun. Fl-aħħar ta’ din il-laqgħa allura rrid mill-ġdid għal darb’oħra nħaddan lilkom ilkoll b’dan il-kliem. Irrid inħaddan qabel xejn liż-żgħażagħ, dawn iż-żgħażagħ  li, bħal ma wrew reċentement, setgħu jirbħu u jagħtu xhieda ta’ kif tistà tirbaħ u tirkupra l-umanità propja, il-libertà propja u is-sens tal-“eżistenza” ta’ li tkun bniedem u tal-għixien fost il-bnedmin. Huma setgħu jirbħu u din hija l-iktar ħaġa mportanti tax-xogħol kollu li dak li jkun iwettaq fiċ-Ċentru Taljan ta’ Solidarjetà u fid-diversi ċentri mondjali, speċjalment f’dak Statunitensi u jkun fejn ikun fid-dinja. Jekk għandna niffaċċjaw dak il-periklu kbir għall-persuna umana, għall-bniedem kwalunkwè, u speċjalment għall-bniedem żagħżugħ li hija d-droga, irridu jkollna l-provi tal-possibiltà li nirbħu. Jekk għandna ċ-ċertezza li nistgħu nirbħu, ċertezza ppruvata permezz tal-persuni li rebħu. Allura nkunu nistgħu niffaċċjaw il-periklu bit-tama.

Allura intom, żgħażagħ li rbaħtu, siru għall-oħrajn xhieda ta’ tama, xhieda tar-rebħa possibbli; siru wkoll għas-soċjetà preokkupata tal-fenomenu droga impuls ġdid biex tissieltu, biex timpenjaw il-forzi kollha, ir-rieda tajba kollha;  vale la pena għaliex ir-rebħa hija possibbli. Għalhekk, b’dan il-kliem konklussiv irrid inħaddan lil dawk kollha preżenti, mhux biss liż-żgħażagħ imma wkoll lil dawk l-oħra kollha li ħadu sehem fl-impenn soċjali kontra d-droga, kontra l-periklu tad-droga. Periklu dirett għall-umanità, għall-personalità umana.

Dawk kollha li fis-soċjetà u fil-Knisja jieħdu sehem fl-isforzi biex tintrebaħ id-droga, isibu ruħhom fostna llum, fit-talb komuni u wkoll f’dik ix-xhieda li kważi għaqqdet it-talba tagħna. Jalla jsibu nċitament, inkuraġġiment biex ikomplu. Lilkom ilkoll, jien, bħala Isqof tagħkom, irrid nirripeti r-ringrazzjamenti tiegħi. Aħna verament magħqudin f’din il-preokkupazzjoni u f’din it-taqtigħa. Aħna verament magħqudin bħala ħbieb, bħala nsara, bħala dixxipli ta’ Kristu għaliex huwa hu preżenti f’dawk kollha li jbatu, huwa hu verament, realment, preżenti f’kull żagħżugħ li jbati l-esperjenzi tad-droga, miżerabbli u dolorużi. Jekk aħna ninpenjaw ruħna biex ngħinu dawn iż-żgħażagħ, aħna nsibu lilu stess f’kull wieħed minn dawn li nfittxu li ngħinu. U hekk irrid niżżi ħajr lil dawk kollha li jimpenjaw ruħhom, is-saċerdoti kollha, is-sorijiet reliġjużi, il-lajċi kollha li jieħdu sehem b’mod differenti f’dan l-impenn soċjali, reliġjuż u apostoliku, li llum kelli l-possibiltà u l-ferħ li niltaqà miegħu. Għal din il-laqgħa niżżi ħajr kordjalment u profondament lilkom, u nerġà għal darb’oħra ngħid: fl-ispirtu nħaddankom ilkoll bħala ħbiebi, bħala ħuti rġiel u nisa. Niżżikom ħajr u ngħidilkom: komplu!

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: