QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-ASSUNZJONI TAL- BEATA VERĠNI MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castelgandolfo, 15 ta’ Awissu 1980
- “Marija ġiet imtellgħa s-sema!” (Canticum ad Evangelium).
“Nifirħu lkoll fil-Mulej!” (Antiphona ad introitum).
B’dan il-kliem tal-liturġija ewkaristika tallum insellem lill-parroċċa ta’ Castel Gandolfo, li fil-limiti tagħha jiena mħolli ngħaddi l-jiem tas-Sajf, ‘il bogħod b’ċertu mod mill-mejda tax-xogħol ta’ kuljum tiegħi f’Ruma, u fl-istess ħin f’kuntatt kuljum magħha. F’din l-okkażjoni nixtieq niżżi ħajr, mill-ġdid għal darb’oħra, lill-abitanti kollha ta’ Castel Gandolfo: lir-rgħajja tal-erwieħ, lill-parroċċani, u wkoll lill-mistednin li jiġu hawn biex jarawna tul il-vaganzi; nixtieq niżżi ħajr għal tant kordjalità u komprensjoni li jiġu lili murija f’dan il-perijodu. Hekk jien ukoll inħossni kordjalment marbut mal-komunità tagħkom – u llum napprofitta miċ-ċirkustanza biex nirrendi xhieda, fl-okkażjoni ta’ din il-festa tagħkom li hija, fl-istess ħin, sollennità kbira tal-Knisja kollha. Niġi mela biex nattribwixxi – fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju mqaddes f’nofskom – qima partikulari lill-misteru tal-assunzjoni tal-Ġenitriċi ta’ Alla; misteru hekk għall-qalb ta’ kull nisrani, hekk “b’firxa kbira” u fl-istess ħin hekk mimli b’wegħdiet, hekk kapaċi li jistimulaw qlubna għat-tama.
2. Tassew. Ikun diffiċli li wieħed isib waqt li fih Marija setgħet tippronunzja bi transportazzjoni ikbar il-kliem imlissen darba wara l-annunzjazzjoni. Meta, wara li saret Omm verġinali tal-Iben ta’ Alla, hija żaret id-dar ta’ Żakkarija, biex tieħu ħsieb Eliżabetta; “Ruħi tfaħħar u tkabbar il-Mulej…
Hwejjeġ kbar għamel fija l-Omnipotenti u qaddis huwa ismu” (Lq 1,46.49).
Jekk dan il-kliem kellu l-motivazzjoni tiegħu mimlija u soprabbundanti fuq fomm Marija meta hi, immakulata, saret omm il-Verb etern, dan illum jilħaq il-quċċata definittiva.
Marija li, grazzi għall-fidi tagħha (hekk eżaltata minn Eliżabetta) f’dak il-waqt għadu taħt il-velu tal-misteru, daħlet fit-tabernaklu tat-Trinità Qaddisa, illum tidħol fl-għamara eterna, fi ntimità sħiħa mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu Santu, fil-viżjoni bejatifika “wiċċ imb wiċċ”. U din il-viżjoni, bħala sors bla tarf tal-imħabba perfetta, timla l-esseri tagħha bil-milja tal-glorja u tal-feliċità. Hekk mela l-assunzjoni hija, fl-istess ħin, il-“koronazzjoni” tal-ħajja kollha ta’ Marija, tal-vokazzjoni unika tagħha, fost il-membri kollha tal-umanità, biex tkun Omm Alla. Hija l-“koronazzjoni” tal-fidi li hija, “mimlija bil-grazzja”, wriet waqt l-annunzjazzjoni u li Eliżabetta, qariba tagħha, enfasizzat u eżaltat b’dan il-mod waqt il-viżitazzjoni.
Verament nistgħu llum nirrepetu, waqt li nsegwu l-Apokalissi: “Infetaħ is-santwarju ta’ Alla fis-sema u dehret fis-santwarju l-arka tal-patt… Allura smajt leħen kbir fis-sema li kien jgħid: “Issa twettqet is-salvazzjoni, il-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu tiegħu”” (Ap 11,19; 12,1O).
Is-saltna ta’ Alla f’dik li dejjem xtaqet li tkun biss “il-qaddejja tal-Mulej”. Il-qawwa tal-Midluk tiegħu, jiġifieri ta’ Kristu, il-qawwa tal-imħabba li huwa ġab fuq l-art bħal nar (cf. Lq 12,49); il-qawwa rivelata fil-glorifikazzjoni ta’ dik li permezz tal-“fiat” tagħha għamlet possibbli li hu jiġi fuq din l-art, li jsir bniedem; il-qawwa rivelata fil-glorifikazzjoni tal-Immakulata, fil-glorifikazzjoni tal-istess ommu.
3. “…Kristu qam mill-imwiet, frott bikri ta’ dawk li mietu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem daħlet il-mewt, permezz ta’ bniedem kellha jidħol ukoll il-qawmien mill-imwiet; u bħalma kulħadd imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd jirċievi l-ħajja fi Kristu. kull wieħed iżda skont l-ordni tiegħu: l-ewwel Kristu, li hu l-frott bikri, imbagħad, mal-miġja tiegħu, dawk li huma ta’ Kristu” (1Kor 15,20-23).
L-assunzjoni ta’ Marija hija don partikolari tal-Irxuxtat lil Ommu. Jekk, infatti, “dawk li huma ta’ Kristu” “se jirċievu l-ħajja” “mal-miġja tiegħu”, allura huwa ġust u komprensibbli li dan is-sehem fir-rebħa fuq il-mewt, tippruvah l-ewwel propju hi, l-Omm; hi li hija “ta’ Kristu” b’mod iktar mimli: infatti huwa wkoll jappartieni lilha bħal ma l-iben lill-Omm. U hi tappartieni lilu: hija, b’mod partikolri, “ta’ Kristu”, għaliex kienet maħbuba u mifdija b’mod għal kollox singolari. Dik li fl-istess konċepiment tagħha kienet immakulata – jiġifieri meħlusa mid-dnub, li l-konsegwenza tiegħu hija l-mewt, – għall-istess fatt, ma kellhiex jewwilla tkun meħlusa mill-mewt, li hija l-konsegwenza tad-dnub? Dik il-“miġja” ta’ Kristu, li dwarha jitkellem l-Appostlu fit-tieni qari tallum, ma “kellhiex” forsi twettaq, f’dan il-każ uniku b’mod eċċezzjonali, biex ngħidu hekk, “minnufih”, jiġifieri fil-waqt tal-konklużjoni tal-ħajja terrestri? Għaliha, nirrepeti, li fiha twettqet l-ewwel “miġja” tiegħu, f’Nażżaret u fil-lejl ta’ Betlem? Għalhekk dak it-tmiem tal-ħajja li għall-bnedmin kollha huwa l-mewt, fil-każ ta’ Marija it-tradizzjoni b’mod ġust issejjaħlu pjuttost raqda.
“Assumpta est Maria in caelum, gaudent Angeli! Et gaudet Ecclesia!” ,
U għalkemm ħajjitna fuq l-art tisvolġi, b’mod kostanti, fit-tensjoni ta’ dik it-taqtigħa bejn id-dragun u l-mara, li dwarha jitkellem l-istess ktieb tal-Iskrittura; għalkemm aħna kuljum suġġetti għat-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin, li fiha l-bniedem ilu jieħu sehem sa mid-dnub oriġinali – miż-żmien, jiġifieri li fih kiel “mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”, bħal ma naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2,17; 3,12): għalkemm din it-taqtigħa tassumi kultant forom perikolużi u tal-biżà, madankollu dak is-sinjal tat-tama jibqà u jiġġedded b’mod kostanti fil-fidi tal-Knisja -.
U l-festività tallum tippermettilna li nħarsu lejn dan is-sinjal, is-sinjal il-kbir tal-ekonomija divina tas-salvazzjoni, b’fiduċja u b’ferħ tant iktar kbir.
Jippermettilna li nistennew minn dan is-sinjal ta’ rebħ, li ma nċedux, fl-aħħar minn l-aħħar, għall-ħażin u għad-dnub, fl-istennija tal-jum li fih ikun kollox imwettaq minn dak, li ġab ir-rebħa fuq il-mewt: Iben Marija; allura huwa “jikkonsenja” s-saltna lil Alla Missier, wara li jkun ġab fix-xejn kull prinċipat u kull awtorità u qawwa” (1Kor 15,24) u jixħet lill-għedewwa kollha taħt riġlejh u jġib fix-xejn lill-aħħar għadu, il-mewt (cf. 1Kor 15,25).
Għeżież ħuti, ejjew nieħdu sehem bil-ferħ fl-ewkaristija tallum! Ejjew nirċievu b’fiduċja Il-ġisem ta’ Kristu, waqt li niftakru kliemu: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jkollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6,54).
U llum inqimu lil dik li tat lil Kristu l-ġisem uman tagħna: L-Immakulata u l-Assunta, li hija l-għarusa tal-Ispirtu Santu u Ommna!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb