Vanġelu (Mk 1. 29-39): Xi għaxar kilometri ‘l bogħod minn Kafarnahum, kien hemm ir-raħal ta’ Magdala. In-nies t’hemm kienu jafu jippriżervaw il-ħut bil-melħ. Għalhekk is-sajjieda mas-sebħ kienu jidħlu x-xatt bil-qabda, u jbiegħu il-ħut f’Magdala. Imbagħad isorġu d-dgħajjes fil-port li kien xi 200 metru ‘l bogħod minn Kafarnahum. Kien hawn li Ġesu sejjaħ l-ewwel dixxipli Tiegħu.
- Il-laqgħa fis-sinagoga kienet tintemm għal xi l-ħdax. Ġesu u d-dixxipli jmorru fid-dar tal-familja ta’ Pietru, fejn kien hemm ommu u l-familja ta’ Indri. Hemm kienet tinġabar il-familja għall-pranzu u biex ikomplu jiddiskutu x’ikun intqal fis-sinagoga. Kienet drawwa li jekk jiltaqgħu ma’ xi ħbieb, dawn jiġu mistiedna għall-ikel. F’din id-dar kien hemm kamra kbira (8m X 8m). Aktar tard din se tkun l-ewwel bini (knisja) fejn jibdew jiltaqgħu l-ewwel Insara. Kellha bieb jagħti għal barra. Dan il-bieb jissemma’ fis-silta tal-lum, fejn se naraw ukoll kif l-effett tal-kelma ta’ Ġesu se tkompli ġġib għeġubijiet kbar matul il-jum.
- “Omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni.” Dan hu l-aktar rakkont sempliċi ta’ fejqan minn Ġesu. S. Mark, li kitbu 35 sena wara, xorta jinkludi d-dettalji: “Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha.” Dil-mara veru li kienet il-kunjata ta’ Xmun, imma S. Mark irid jurina wkoll il-kundizzjoni ta’ dawk li jkollhom kif kellha hi: (a) “fis-sodda”, i.e. ibblukkata, ma tista’ tagħmel xejn utli; bħal dawk li jaqgħu fl-għażż u ma jagħmlux id-dover tagħhom; (b) bid-deni: bħal egoiżmu li ma jħallix lil xi wħud biex iħobbu lill-oħrajn. Min iħalli xi ħaġa tfixklu milli jħobb, ma jibqax bniedem kompletament uman.
- Kif jiġi l-fejqan minn dan id-deni? “Malajr qalulu biha,” i.e. mill-ewwel qalu lil Ġesu. Kull problema li jkollna hemm bżonn nitkellmuha ma’ Ġesu. Nieħdu eżempju: (a) biex jissodisfa l-ferneżija tal-poter, wieħed jasal biex jigdeb, jisraq, joqtol. Anki d-dixxipli kellhom dan id-deni, u darba saħnu fuq min kien l-aqwa fosthom. Ġesu jfejjaq dan id-deni billi jħaddan tifel ċkejken u jgħidilhom: “ L-akbar wieħed fostkom hu dak bħal dat-tifel, u jkun għas-servizz tal-inqas fost il-bnedmin. (b) Deni ieħor: ir-regħba għall-flus, li ġġiegħel wieħed biex jisraq, jiġġieled ma’ hutu fuq wirt, eċċ. Il-Kelma t’Alla tfejjaq dan id-deni billi toħroġ mill-bniedem dak kollu li hu uman. Mela, kull tip ta’ deni jrid jiġi ppreżentat lil Ġesu, għax Hu jaf x’inhuma u kif ifejjaqhom. Jekk ma nagħmlux hekk u mmorru bihom għand xi ħadd ieħor, għandu mnejn li dan, minn flok jgħinna, aktar jgħarraqna.
- “Ġesu resaq lejha.” Ma ħarabx, ma nġibidtx lura, ma beżgħax mid-deni jew li jittieħed. Kull tant, xi wħud minna, quddiem nies morda b’tant deni, noqogħdu ngergru, immaqdru u niġġudikaw, bla ma nersqu qribhom biex inwasslulhom il-Kelma t’Alla. Irridu nagħmlu bħal Ġesu, i.e. naċċettaw l-umanita’ tal-bniedem kif inhi, bid-dgħufijiet tagħha. B’hekk inwasslu l-Kelma Tiegħu li permezz tagħha Hu ġie jwaqqaf umanita ġdida. Hu jridna ferħanin, għalhekk irid ifejjaqna mid-deni kollu li jfixkilna milli ngħixu ħajja ta’ servizz lejn ħutna l-bnedmin.
- “Qajjimha.” Il-verb li ntuża hawn ifisser “irxuxtaha”, għax id-deni kien simbolu ta’ dak li joqtol fina l-kapaċita’ li nħobbu. Għalhekk ikollna bżonn nirxoxtaw.
- “Qabadha minn idha.” Dan il-kuntatt ma’ Ġesu ifisser li aħna, biex infiequ mid-deni tagħna, irridu nħallu ‘l Ġesu jakkumpanjana biex nimxu miegħu id f’id. L-id hi simbolu ta’ kull azzjoni u xogħol li nagħmlu. Dan kollu, biex ikollu suċċess, jiħtieġ nagħmluh fil-kumpanija ta’ Ġesu.
- U x’inhu l-effett ta’ dan l-akkumpanjament? “U d-deni ħallieha, u minnufih bdiet isservihom.” Fil-qadi tal-oħrajn aħna nsiru tabilħaqq umani.
- Il-qawwa tal-Kelma t’Alla ma tibqax biss ġewwa, imma toħroġ fuq l-għatba tal-bieb biex tfejjaq umanita’ marida: “U fejjaq ħafna minn kull xorta ta’ mard.” Ma nżul ix-xemx spiċċaw l-obbligi tas-Sibt, u n-nies setgħu jimxu u jġorru l-morda kemm riedu. Inġabru bi ħġarhom wara dak il-bieb għax kienu jafu li warajh hemm Kelma li tfejjaq. (Aktar tard f’din l-istess dar l-ewwel komunita’ ta’ Nsara se tkompli l-missjoni ta’ fejqan.) Xi wħud ġew weħidhom. Oħrajn ġabhom xi ħadd li ntebaħ li dawn il-persuni mhux qed jgħixu l-milja tal-umanita tagħhom għax hemm xi deni li qed ifixkilhom. Għalhekk qabad u ġabhom hawn għall-fejqan. Dan ix-xi ħadd fehem kemm kienet effikaċi l-Kelma ta’ Ġesu.
- “Inġabret il-belt kollha.” L-ibliet tal-lum moħħhom fid-divertiment. Hemm bżonn li aħna nuruhom kemm għandhom bżonn il-kelma ta’ Ġesu.
- “L-għada filgħodu kmieni qam jitlob.” Fil-ħemda tas-sebħ iktar faċli biex wieħed jagħmel kuntatt mal-Ħallieq. Ġesu jikkomunika mal-Missier biex flimkien ifasslu il-bqija tal-ġurnata. Xi wħud jibżgħu mis-silenzju, u jimlew ħajjithom b’ħafna storbju, minn flok b’xi ħaġa li tibqa’. Ġesu hu l-bniedem veru, awtentiku. Xmun iħares lejh b’mod differenti. Moħħu fis-suċċess u l-popolarita’. In-nies inġabru wara l-bieb u Ġesu għeb. Għalhekk telaq jiġri jfittxu. Ġesu jwieġbu: “Kafarnahum aċċettat il-Kelma Tiegħi. Ħa mmorru fi bliet oħra ħa nagħmlu l-istess.”
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini