Ġwanni Pawlu II f’Abruzzo

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI Fl- ABRUZZO. QUDDIESA FIL-BAŻILIKA TA’ COLLEMAGGIO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Bażsilika ta’ Collemaggio (L’Aquila), Is-Sibt, 30 ta’ Awissu 1980

Għeżież ħuti tal-Abruzzo u tal-Molise!

1. Jiena tassew kuntent li ninsab hawn magħkom f’dan ix-xenarju stupend, fejn il-Bażilika ta’ Collemaggio donnha kienet mibnija minn idejn il-bniedem biex tesprimi f’sintesi ta’ arti manifika u ta’ talb dak li l-kontemplazzjoni tal-muntanji tagħkom iqanqlu fil-qalb: is-sens tal-infinit, il-vertikaliżmu tal-ħajja,  il-manifiċenza ta’ Alla, riflessa fil-ħolqien.

Forsi wkoll San Bernardinu ta’ Siena, li ġie hawn biex jagħti bidu għall-predikazzjoni tiegħu fis-saltna ta’ Napli ta’ dak iż-żmien, u min din il-belt imsejjaħ biex jitlà f’saltna oħra, ikkuntempla u gawda l-manifiċenza ta dawn il-krejaturi ta’ Alla, li bħall-fqajjar ta’ Assisi, kien sellem, bit-titlu ħelu ta’ “aħwa”.

Ninsabu hawn miġbura fl-assemblea ewkaristika biex niċċelebraw, f’din il-forma lituġika, is-VI ċentinarju ta’ San Bernardinu tal-Albizzeschi, mwieled fl-art Toskana fl-1380, imma li bi pjan misterjuż tal-providenza sar, bil-mewt, cittadin ukoll ta’ L-Aquila.

U jien irrid insellem lilkom ilkoll, għeżież fidili Aquilani, lilkom ilkoll Pellegrini tal-Abruzzo u l-Molise u ta’ reġgjomijiet oħra fil-qrib u ‘l bogħod; kif ukoll lill-ulied kollha ta’ dawn ir-reġġjuni li emigraw ‘il hinn mill-muntanji, ‘il hinn mill-ibħra u l-oċeani, imma li spiss jerġgħu lura lejn l-art indimentikabbli tagħhom, u jistà jkun li ħafna llum jinsabu hawn magħna.

Irrid insellem lill-Isqfijiet hawn preżenti, lill-awtoritajiet tal-Istat, tar-reġġjun u tal-komuni, u lil dawk militari, u niżżihom ħajr ilkoll, flimkien mal-kollaboraturi tagħhom, li silfu l-operat tagħhom biex iħejju din iċ-ċelebrazzjoni u biex jilqgħu f’din il-belt u r-reġġjun, fil-persuna umli tiegħi, lill-Vigarju ta’ Kristu, l-Isqof ta’ Ruma. Insellem ukoll b’imħabba partikolari, lill-morda miġbura ġewwa l-Bażilika, li dawn qabel il-quddiesa stajt niltaqà magħhom personalment. Lilkom ilkoll ngħidilkom: Il-Mulej magħkom!

F’dan il-waqt tal-assemblea, wara l-liturġija ta-Kelma, nixtieq ukoll noffrilkom xi spunti ta’ riflessjoni dwar il-paġni tal-ktieb sagru li għadna kemm smajna.

2. L-ewwel qari fakkarna xi ammonizzjonijiet tas-Siraċide, dan il-kittieb għaref tat-Testment il-Qadim, li jiddefendi l-patrimonju reliġjuż u kulturali tal-missirijiet u li jirrakkomanda l-modestja, l-umiltà, il-fedeltà lejn il-liġi ta’ Alla, bħat-triq tas-salvazzjoni li tgħinna nsibu grazzja quddiem il-Mulej (Sir 3,19-21.30-31).

Il-Vanġelu ta’ Luqa (Lq 14,1.7-14), jfakkar it-tagħlim ta’ Ġesù fid-dar ta’ ta’ wieħed mill-Fariżej li kien stiednu għall-pranzu, quddiem in-nies li kienu qegħdin josservawh (Lq 14,1.7-14): meta ra li l-mistednin kienu qegħdin jagħżlu l-ewwel postijiet, Ġesù għallem il-manjieri tal-umiltà, mhux biss fuq il-mejda, imma fil-ħajja nisranija kollha, billi widdeb: “Min jogħla, ikun umiljat, u min jumilja ruħu jkun mgħolli”. Imbagħad iżid il-lezzjoni tal-indifferenza, billi jirrakkomanda lil dak li stiednu biex ma jistedinx għall-ikel lil qrabatu u lill-ħbieb għonja biex ikollu t-tpattija. Fl-aħħarnett jindikalu li l-vera rikompensa tal-ġid, li jagħmel lill-foqra, tinsab f’Alla, li ssir tixbaħ iktar lill-karità, sa ma jinkiseb il-ferħ sħiħ fil-qawmien mill-imwiet tal-ġusti”.

3. Ma jidhrilkomx, għeżież ħuti, li dawn it-testi bibbliċi jikkostitwixxu l-pedistall li fuqu nistgħu naraw elevat fil-glorja tal-“ġusti” lil San Bernardinu?

Wara li safa ltim minn missieru u ommu fl-età ta’ sitt snin, iċ-ċkejkem bin l-Albizzeschi kiber fis-skiet u fil-virtù, tant immirat fuq l-istudji umanistiċi u ġuridiċi, li iżda waqqaf ta’ għoxrin sena biex jiddedika ruħu għas-servizz ta’ dawk bil-lebbra fl-isptar ta’ La Scala fil-belt tiegħu. Imbagħad ħass il-bżonn li jinħeba ferm iktar, li jagħżel l-“aħħar post” fost is-segwaċi ta’ San Franġisk, għalkemm reġà qabad il-kotba f’idejh – li kien iħobb bil-kbir – biex japprofondixxi l-għarfien, biex jibni kultura tejoloġika tajba u hekk iħejji ruħu għall-apostolat tal-predikazzjoni. U sar predikatur pellegrinanti ta’ success kbir, waqt li beda l-mixja apostolika tiegħu minn Ġenova, fl-1417, u waqt li mbagħad għadda minn bliet u pajjiżi nnumerevoli tal-Italja ta’ Fuq u ċentrali fejn ġibed folol li jgħaġġbu u, dak li l-iktar jgħodd, wettaq konverżjonijiet, rappaċifikazzjonijiet, riformi, sabiex in-nies iħossuhom milquta mill-kelma bħallikieku minn nifs tal-grazzja ta’ Alla.

Imma iktar ma kienet tikber il-popolarità tiegħu huwa iktar kien iċekken lilu nnifsu. Ma kienx jaspira għal ħwejjeġ kbar, għall-“ewwel postijiet”; anzi, jekk ġie nominat Isqof setà allura jidher bħallikieku jgħaddi għall-“ewwel postijiet”, għal tliet darbiet irrifjuta li jaċċetta, billi ħass li l-missjoni tiegħu u l-kariżma tiegħu kienu dawk tal-fra ċkejken li, minn pajjiż għal ieħor, ikebbes mill-ġdid  fin-nies umli u ħajjin, is-sens nisrani tal-ħajja, ir-riskoperta tal-valur tas-semplicità u tal-povertà, u dak li b’lingwaġġ modern, li wkoll jien użajt fid-diskors tiegħi fl-Unesco (cf. Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Unesco, 17, die 2 Iun. 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III,1 [1980] 1650), li nistgħu nsejħulu il-“primat tal-inkun fuq li jkolli”.

4. Kien is-sinifikat l-iktar profond tal-lezzjoni tas-Siraċide u ferm iktar ta’ dik ta’ Ġesù dwar l-umiltà; li magħha San Bernardinu żied is-sejħa mill-ġdid għad-diżinteress, għall-karità, u anzi għall-ġustizzja, fi żmien li fih l-iżvilupp il-ġdid tal-kummerċ u tal-bdil privat wassal għal espansjoni tal-finanza, li fiha is-self  bl-użura spiss sar il-kappestru tal-fqar, waqt li kibru d-dislivelli soċjali. Fil-predikazzjoni tal-qaddis wieħed iħoss dejjem jirtogħod l-ispirtu ta’ bniedem tajjeb mal-foqra, indulġenti mad-dġhajfa, spiss imwassal għall-umoriżmu quddiem ir-realtà tal-ħajja, imma qawwi, deċiż u iebes kontra l-vizzju u fis-sapport tal-ġustizzja u l-karità. San Bernardinu kien il-promutur tal-liġi ta’ Alla u l-appostlu tal-klassijiet popolari, bħal missieru San Franġisk, bħall-Appostli, bħall-istess Ġesù.

5. Imma hemm fil-ħajja u fil-predikazzjoni tal-qaddis xi ħaġa li ġġegħlu jidher bħala dak li  rrelata f’livell ta’ profondità mal-bżonnijiet spiritwali ta’ żmienu u sar il-ħabbar tal-messaġġ divin tal-Vanġelu, u anzi tal-misteru li jimla l-Vanġelu u li Fra Bernardinu jissintetizza fl-isem ta’ Ġesù Kristu.

Huwa kien l-inventur u l-promutur tat-telegramma “IHS” (Ihesus), li ġiegħel titpinġa bid-deheb fuq xi tabelli, b’madwarhom xi raġġi, li lilhom kien jattribwixxi sinifikati simboliċi partikolari. B’dan il-mezz Fra Bernardinu ferrex ma kullimkien fejn kien jgħaddi d-devozzjoni lejn l-Imqaddes Isem ta’ Ġesù, diġa pprattikata fil-monasteri u l-kunventi għal sekli sħaħ, imma li issa kienet saret ġid komuni tal-poplu nisrani.

Illum ukoll fuq il-bibien ta’ bosta knejjes u bosta djar, kif ukoll ta’ palazzi pubbliċi antiki, f’ħafna bliet tal-Italja, jidhru skolpiti dawk l-armi bl-Isem ta’ Ġesù.

Kemm irrid li ċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju bernardinjan jikkontribwixxi wkoll, u anzi fuq kollox, għal dan: biex jirritorna l-Isem ta’ Ġesù, bħala sinjal tal-fidi u tal-ħajja nisranija tal-familji, fuq il-bieb tad-dar, fuq ġewwa, fl-Italja u fil-pajjiżi l-oħra. Dan nitolbu lill-missirijiet u lill-ommijiet tal-familja. Imma wkoll liż-żgħażagħ li nistima u nħobb, u b’mod speċjali lill-koppji ġodda: wasslu mill-ġdid l-Isem ta’ Ġesù fi djarkom. Dan intennihulkom bil-kliem tal-istess Bernardinu: “L-Isem ta’ Ġesù qiegħduh fi djarkom, fil-kmamar tagħkom u żommuh fi qlubkom” (S. Bernardinu da Siena, Quaresimale di Firenze, 1425, in “Le prediche volgari”, Firenze 1940, II, pp. 190ss).

6. San Bernardinu, fi żmienu, kellu l-intuwizzjoni li l-misteru ta’ Ġesù, “triq. verità, ħajja” (Ġw 14,6), inkluż f’ismu, li jfisser “salvazzjoni”, kien l-aħbar li kellhom bżonn il-bnedmin ta’ dak iż-żmien, bħal dawk ta’ dejjem, u għalhekk iddedika ruħu għall-predikazzjoni tal-Vanġelu taħt dak is-sinjal imqaddes: “Rifuġju tan-niedma, standard tal-ġellieda, mediċina tal-muġugħa, sabar tal-batuti, unur ta’ dawk li jemmnu, splendur tal-evanġelizzanti, mertu tal-operanti, għajnuna tal-inkonsistenti, nifs tal-meditattivi, smigħ ta’ dawk li jitolbu, gost tal-kontemplanti, glorja tat-trijonfanti”. U l-ispjega mogħtija minn Fra Bernardinu lit-tnax-il raġġ imdehbin li fuq it-tavoletti kienu jdawru t-telegramma “IHS” (cf. S. Bernardinu ta’ Siena, De glorioso nomine Jesu Christi, Sermo 49, “Opera”, II, n. 293-302), imqassmin skont il-klassifika tradizzjonali tripla tal-imperfetti, tal-profiċjenti, tal-perfetti fil-ħajja spiritwali. Imma dak is-sinjal simboliku kien jittraduċi l-iskoperta tiegħu ta’ Kristu li jwassal lill-bnedmin kollha, fiż-żminijiet kollha u fil-kondizzjonijiet kollha tal-ħajja, messaġġ feddej ta’ valur universali.

B’dan il-mod l-Isem ta’ Ġesù sar suġġett ħaj u vivifikanti fil-predikazzjoni tiegħu għall-bnedmin tal-1400, u kien fjamma mħeġġa wkoll fuq ir-raġġiera kollha tal-preċetti ta’ ordni morali, li għalihom il-qaddis kien isejjaħ lill-individwi, lill-familji, lis-soċjetà.

L-istess morali nisranija kienet sabet forza persważiva u plażmatriċi ġdida, għaliex kienet saret l-espressjoni u r-radjazzjoni ta’ Kristu, surmast tal-ħajja.

Ukoll għalina tfisser li nirċievu mingħand San Bernardinu il-messaġġ dwar Kristu tal-patt il-ġdid u etern, rinnovatur tal-ħwejjeġ kollha (cf. Ap 21,5), vivifikatur tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza tiegħu.

7. Dan hu l-istess messaġġ li l-Knisja semmgħatna fil-Konċilju, li minnu se nfakkarkom biss l-ewwel paġna tal-kostituzzjoni “Gaudium et Spes”, fejn naqraw li “il-Knisja temmen li Kristu, li miet għal kulħadd u rxoxta, jagħti lill-bniedem, permezz tal-Ispirtu tiegħu, id-dawl u l-qawwa sabiex il-bniedem ikun jistà jwieġeb għall-vokazzjoni suprema tiegħu; jingħata fid-dinja isem ieħor lill-bnedmin li fih jistgħu jsalvaw. Temmen ugwalment il-Knisja li ssib fil-Mulej u l-Imgħallem tagħha l-muftieħ, iċ-ċentru u l-iskop tal-istorja kollha umana. Barra minn hekk il-Knisja ssostni li taħt it-tibdil kollu hemm bosta ħwejjeġ li ma jinbidlux; dawn isibu l-aħħar sies tagħhom fi Kristu, li huwa dejjem l-istess: il-bieraħ, illum u fis-sekli” (Gaudium et Spes, 10).

Ukoll il-predeċessur tiegħi Pawlu VI, fl-eżortazzjoni apostolika “Evangelii Nuntiandi”, iddikjara li “l-evanġelizzazzjoni għandha dejjem ikollha – bħala  bażi, ċentru u flimkien quċċata tad-dinamiżmu tagħha – proklamazzjoni ċara li, f’Ġesù Kristu, Bin Alla magħmul bniedem,  mejjet u rxuxtat, is-salvazzjoni hija offruta lil kull bniedem, bħala don ta’ grazzja u ta’ ħniena ta’ Alla nnifsu” (Pawlu VI, Evangeli Nuntiandi, 27). U jiena stess tennejt dan fl-eżortazzjoni apostolika “Catechesi Tradendae”: “L-oġġett essenzjali u primordjali tal-katekeżi huwa… il-“misteru ta’ Kristu”. L-iskop definittiv tal-katekeżi huwa li jqiegħed lil xi ħadd, mhux biss f’kuntatt, imma f’komunjoni, f’intimità ma’ Ġesù Kristu: huwa biss jistà jwassal għall-imħabba tal-Missier fl-Ispirtu u jistà jagħmilna parteċipi mal-ħajja tat-Trinità Qaddisa  ” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 5).

Għeżież ħuti, kemm-il darba pproklamajt din iċ-ċertezza u dan l-impenn tal-knisja, kemm fl-enċiklika “Redemptor Hominis”, kif ukoll fid-diskorsi tiegħi u fil-laqgħat tiegħi man-nies ta’ kull età, kategorija u nazzjonalità. U llum irrid intenni fid-dawl ta’ San Bernardinu, predikatur tal-Isem ta’ Ġesù, li sakemm il-Mulej jagħtini saħħa u ħajja, jiena ma nonqosx li nħabbar din il-verità, li “nwerżaqha minn fuq il-bjut”, kif irid l-Imgħallem (cf. Mt 10,27), f’Ruma u kull fejn inkun nistà nasal fil-vjaġġi missjunarji tiegħi: Ġesù Kristu huwa l-feddej tagħna, f’ismu hija s-salvazzjoni tagħna, fil-Vanġelu tiegħu tinsab it-triq, il-verità, il-ħajja, li għandhom bżonn il-bnedmin tallum, xejn inqas ta’ dawk li lejhom kien jindirizza ruħu San Bernardinu.

8. Fl-għeluq tal-omelija tiegħu, irrid nawspika u nitlob lis-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, permezz tal-interċessjoni ta’ San Bernardinu, biex jibgħat lill-Knisja u lid-dinja ħafna missjunarji tal-Vanġelu li jwasslu kullimkien il-messaġġ tas-salvazzjoni, għaliex kull bniedem huwa msejjaħ biex ikun suġġett tal-missjoni tas-Salvatur divin, li jestendi u jwettaq lilu nnifsu kontinwament fil-komunità tal-Knisja. Hemm bżonn ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi bħal dik ta’ Bernardino degli Albizzeschi; hemm bżonn ta’ lajċi li jħossu li lilhom ukoll tappartieni l-missjoni feddejja tal-Knisja u li jimpenjaw ruħhom u jipparteċipaw fil-modi propji, b’xebħ ta’ dawk il-fidili li kienu jsostnu lil Fra Bernardinu fl-intrapriżi apostoliċi tiegħu, jew saħansitra kienu jiġbru u jittrażmettu l-priedki.

Il-lajk ukoll għandu jkun priedka viventi. Għandu jkun aħbar viventi tal-Vanġelu.

Għaliex il-Vanġelu huwa ħaj u bħal ma mela s-soċjetà Taljana fiż-żminijiet perikolużi ta’ San Bernardinu, hekk għandu llum bħall-ħmira jgħolli minn ġewwa d-dinja li fiha ngħixu, permezz tal-insara.

Spiss il-valuri tal-Vanġelu, fi żmienna, jiġu meruti: hemm bżonn li l-lajċi jagħtu xhieda miftuħa, ċara, konvinta li fi Kristu biss tinsab is-salvazzjoni tal-bniedem.

Speċjalment fil-familja, li l-Vatikan II iddefinixxa b’mod stupend  “is-Santwarju domestiku tal-Knisja” (Apostolicam Actuositatem, 11), huwa meħtieġ li nagħmlu sies kontra l-perikli li jheddu li jipprofanaw dan is-santwarju, li  jħarbtu l-istrutturi sagri: irrid ngħid l-edoniżmu li jwassal għan-nuqqas tal-imħabba bejn il-miżżewġin u lejn l-ulied, għall-infedeltà konjugali, għad-divorzju u għall-abort.

Speċjalment dwar dan l-aħħar punt inħoss  id-dmir gravi li nistedinkom, bħala nies li temmnu, biex titfgħu l-attenzjoni tagħkom kollha: ma nistgħux neliminaw il-ħajja, ma nistgħux nirrifjutaw il-ħajja, don ta’ Alla; qegħdin jaslu aħbarijiet terribbli dwar il-primat ta’ dwejjaq li, f’dan il-qasam, intlaħaq. San Bernardinu  kellu kliem tan-nar kontra tali ħażen (S. Bernardinu da Siena, Quaresimale di Firenze, 1425; “Prediche al Campo di Siena”, 1427, Pred. XXXIX). U jien bħala Vigarju ta’ dak li huwa l-ħajja tad-dinja, ngħolli leħni umli bħala difiża ta’ min la kellu u linqas qatt ma jkollu leħen: Ma nistgħux neqirdu l-ħajja fil-ġuf tal-omm! Il-lajċi kattoliċi Taljani jiftakru bla dubju l-istedina tal-Isqfijiet tagħhom, biex “jaħdmu għal superament tal-liġi attwali, moralment inaċċettabbli, b’normi rispettużi għal kollox tad-dritt għall-ħajja” (Istruzione pastorale del Consiglio Permanente della Cei, die 8 Dec. 1978).

Fl-imminenza tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li jagħmel tiegħu l-ansjetajiet, il-preokkupazzjonijiet, il-problemi tal-familja, huwa meħtieġ, da parti ta’ kulħadd, għarfien, ferm u ġeneruż, sabiex Alla jkompli jbierek il-familji nsara kollha, u jirrendihom  fanali ta’ dawl u  fuklari ta’ mħabba.

Is-sagrifiċċju tal-patt il-ġdid, kif issa sejrin niċċelebraw, jopra fina bil-virtù omnipotenti kollha tiegħu biex jirrendina lkoll parteċipi tas-salvazzjoni li tiġi minn Kristu, u tqanqal f’nofs il-Poplu ta’ Alla appostli reliġjużi u lajċi  ġodda li jkunu jafu jxandru, iġagħlu jħobbu, bħal San Bernardinu, l-uniku salvatur tagħna Ġesù Kristu: hija t-talba tiegħi, li għaliha nistedinkom tingħaqdu miegħi; hija t-tama tiegħi, li rrid inkebbes ukoll fi qlubkom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: