Ġwanni Pawlu II liż-Żgħażagħ ta’ Dublin

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-PELLEGRINAĠĠ TAL-KUNSILL KATTOLIKU TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TA’ DUBLIN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Castelgandolfo, 28 ta’ Awissu 1980

Għeżież żgħażagħ ta’ Dublin,

1. L-imħabba ta’ Kristu ġabritna flimkien dalgħodu! Xejn iktar ma jistà jispjega b’mod adegwat l-għaqda tagħna meraviljuża. Inġbarna f’isem Ġesù u hu jinsab f’nofsna. Ġesù Kristu jinsab f’nofsna (cf. Mt 18,20).

2. Intom ġejtu Ruma bħala rappreżentanti taż-żgħażagħ ta’ Dublin: ridtu tirreċiprokaw iż-żjara li jien għamiltilkom fl-Irlanda. Fl-istess ħin qegħdin toffruli okkażjoni oħra biex inkellimkom dwar Kristu, biex infakkarkom id-dinjità tagħkom nisranija u biex inħabbrilkom kumpanija li l-Ispirtu Santu ta lilna lkoll: kumpanija mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu (cf. 1Ġw 1,3).

3. Ġejtu hawn, barra minn dan, sabiex ilkoll flimkien inkunu nistgħu niċċelebraw ħajjitna fi Kristu u għall-merti tar-redenzjoni tiegħu nsibu komunjoni dejjem ikbar mat-Trinità Qaddisa. Aspett meraviljuż tal-Ewkaristija tagħna huwa li fiha aħna nwasslu lil Kristu l-materjal tal-ħajjiet tagħna ta’ kuljum. Huwa jaċċetta l-offerta tagħna, jgħaqqadha mas- sagrifiċċju tiegħu u jippreżentaha lill-etern Missieru. Fl-istess ħin waqt il-quddiesa nisimgħu l-kelma ta’ Alla mħabbra mill-Knisja – bxara li tilħaq l-ogħla espressjoni tagħha fit-tiġdid stess tas-sagrifiċċju ta’ Kristu. Waqt li niċċelebraw dan is-sagrifiċċju ewkaristiku aħna nwettqu azzjoni li hija fil-quċċata tal-ħajjiet insara tagħna; hawn id-dinjità nisranija tagħna titwettaq fil-milja tagħha. U dan kollu huwa xi ħaġa li qegħdin nagħmlu flimkien bħala komunità, komunità fi Kristu u ma’ Kristu, bħala membri ta’ ġismu. Membri tal-Knisja qaddisa tiegħu.

Minn din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika intom tmorru biex twettqu l-vokazzjoni tagħkom, l-attivitajiet ta’ ħajjitkom u fl-aħħarnett id-destin tagħkom. Għal xi waqtiet mela ejjew nirriflettu, fil-kuntest sagru tal-kelma ta’ Alla, dwar dawn l-elementi mportanti tal-ħajja nisranija.

4. Kull wieħed minnkom huwa msejjaħ b’mod individwali minn Kristu biex jifforma parti mis-saltna tiegħu u biex jiżvolġi rwol fil-missjoni tiegħu tas-salvazzjoni. Dawn huma r-rejaltajiet kbar tal-magħmudija tagħkom u tal-Ġriżma tal-Isqof tagħkom.  Waqt li jsejħilkom b’isimkom, Alla jibgħatkom biex twettqu dak li hu jridkom li tagħmlu. Huwa jgħid lil kull wieħed minnkom dak li qal lill-profeta Ġeremija: “Jiena miegħek biex nipproteġik”. Huwa jissiġilla l-protezzjoni tiegħu fuqkom billi jqiegħed kliemu fuq fommkom.

Fl-espressjoni tas-salmista l-kelma ta’ Alla ssir għalikom lampa għall-passi tagħkom u bħal dawl fuq triqtkom (cf. Sal 119,105).

Kristu jsejħilkom biex tgħaddu ħajja ġdida bbażata fuq il-bejatitudni, bi kriterji ġodda ta’ ġudizzju, prospettiva vigoruża u mudell ta’ ħsajja ttrasformat. Inkorporati fl-innovazzjoni tal-ħajja ta’ Kristu, dawrien lejh kostanti biss jagħtikom twettiq u ferħ. Konverżjoni tal-qalb ripetuta ssir il-kondizzjoni għall-utilità tal-attività tagħkom u għat-twettiq tad-destin tagħkom.

5. Waqt li tfittxu l-vokazzjoni nisranija fundamentali tagħkom, tkunu msejħin biex twettqu bil-ferħ u b’mod lejali l-okkupazzjonijiet ta’ kull waqt, ta’ kull jum, ta’ kull ġimgħa. Għall-ikbar parti tagħkom il-qasam tal-attivitajiet tagħkom hija d-dinja sekulari, li għandha bżonn tal-ħmira tal-Vanġelu. Dmirkom huwa ċar daqs il-kristall: twasslu lil Kristu lid-dinja u twasslu d-dinja lil Kristu.

Jiena żgur li intom diġa fhimtu dan kollu. Mhux dan il-kontenut tal-motto tagħkom: “agħmel iktar, ħobb iktar, servi iktar”?

Dan l-“agħmel”, dan il-“ħobb”, dan is-“servi” għandu jkun espress b’ħafna modi. Intom imsejħa, per eżempju, biex tkunu rġiel u nisa onesti u integri: “biex tgħixu fil-verità u fl-imħabba”, skont it-talba tal-quddiesa ta’ dalgħodu. Intom imsejħa biex tiftħu qlubkom għall-ġustizzja tal-Vanġelu, sabiex tistgħu tkunu min-naħa tagħkom strumenti ta’ ġustizzja u bennejja tal-paċi.

Intom żgħażagħ u ġustament tfittxu l-fehim tal-oħrajn – mill-adulti, mis-saċerdoti, mill-maħbubin ġenituri tagħkom, minn dawk kollha li jikkostitwixxu l-ġenerazzjonijiet preċedenti tas-soċjetà – u tittamaw fil-ħbiberija. Imma propju għaliex intom żgħażagħ u qawwijin bil-grazzja ta’ Kristu u intom entużjasti bil-messaġġ tiegħu, tafu li hemm xi ħaġa iktar ogħla u iktar nobbli, minn hawn isir possibbli għalikom titolbu “mhux tant li tkunu mifhuma daqs kemm li tifhmu; mhux tant li tkunu maħbubin daqskemm li tħobbu”. Hekk intom imsejħa biex tkunu l-gwidi tal-ġenerazzjoni futura permezz tal-fehim u tal-imħabba. Għeżież żgħażagħ, mhix forsi nofs l-arċidijoċesi tagħkom magħmula minn żgħażagħ taħt il-wieħed u għoxrin sena? Tistgħu ikollkom xi dubju dwar il-fatt li l-ġejjieni ta’ Dublin u mill-bqija tal-Irlanda kollha jiddependi rejalment mill-ġenerożità tad-dedikazzjoni tagħkom lil Kristu u mis-servizz tagħkom lejn ħutkom irġiel u nisa?

Intom imsejħin biex tifhmu lil xulxin b’mod reċiproku, biex taħdmu flimkien, biex tkopru flimkien il-mixja tal-ħajja – flimkien bejnietkom u ma’ Kristu – biex tirrispettaw l-umanità ta’ kull wieħed u waħda, ukoll ta’ dawk li tilfu s-sens tad-dinjità tagħhom. Għandkom issibu lil Kristu fl-oħrajn u tagħtu lil Kristu lill-oħrajn, Kristu li hu l-unika tama tad-dinja! F’kull ċirkustanza ta’ ħajjitkom intom imsejħa biex tkunu kurrieri ta’ messaġġ ta’ tama, biex tkunu lesti, skont il-kliem ta’ San Pietru, biex twieġbu lil min ikun li “jistaqsikom il-għala tat-tama li hemm ġo fikom” (1Pt 3,15). B’din it-tama, bil-fehim u l-imħabba, mogħnija bil-prinċipji kollha tal-fidi kattolika tagħkom, tkunu kapaċi tiffaċċjaw b’mod seren il-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum. U tistgħu tkunu sikuri li Marija, Omm Ġesù u u “xemx” luminuża “tar-razza Irlandiża” tassistikom dejjem bl-interċessjoni tagħha.

Il-problemi kkumplikati soċjali u ekonomiċi mhumiex ta’ soluzzjoni faċli. Bdanakollu, perseveranza mnissla mit-tama u dedikazzjoni fraterna għall-bżonnijiet ta’ ħutkom propja huma kundizzjonijiet indispensabbli għal progress reali f’dawn l-oqsma. Il-vokazzjoni nisranija tagħkom timbuttakom biex tagħtu l-kontribut tagħkom – kbir jew zgħir, imma dejjem uniku u rrepetibbli – għall-kostruzzjoni ta’ soċjetà ġusta u paċifika. U din l-istess vokazzjoni nisranija tistedinkom, b’mod individwali u lkoll flimkien, biex tgħinu – permezz tat-talb, is-sagrifiċċju, prattika nisranija personali u serje ta’ modi miftuħa għall-inizjattiva krejattiva tagħkom – biex twasslu l-Vanġelu tas-salvazzjoni fil-ħajja ta’ bosta nies. Il-parroċċa għandha bżonnkom u bżonn il-kontribut tagħkom ta’ ħajja nisranija. Il-komunità għandha bżonn il-ħeġġa tagħkom, il-ferħ tagħkom. L-isforzi tagħkom fix-xogħol flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Ukoll l-istess Ħallieq talab il-koperazzjoni tagħkom fis-sosteniment tal-ħolqien tiegħu. Kunu dejjem konvinti li x-xogħol ta’ kuljum tagħkom għandu valur kbir f’għajnejn Alla. Agħmlu kull sforz biex tassikuraw li l-kwalità tiegħu tkun denja ta’ Kristu u tal-membri tiegħu. U ftakru wkoll li Kristu jrid jaċċetta id-don tax-xogħol tagħkom u ta’ ħajjitkom u joffrihom lil Missieru. Huwa qiegħed jagħmel dan propju issa, f’din l-Ewkaristija. Diġa aċċennajt għall-bżonn tad-dawrien kostanti lejn Kristu u tal-konverżjoni dejjem mill-ġdid lejh. Il-ħajja nisranija mhix kompluta mingħajr din il-konverżjoni mġedda u l-konverżjoni mhijiex għal kollox awtentika mingħajr is-sagrament tal-penitenza. Għeżież żgħażagħ ta’ Dublin: Kristu jrid jiġi jiltaqà magħkom regolarment, ta’ spiss, b’mod personali, f’laqgħa personali ta’ ħniena, ta’ maħfra ta’ salvazzjoni. Huwa jrid isostnikom bid-dgħufija tagħkom u jkompli jerfagħkom mill-ġdid, billi jiġbidkom iktar qrib qalbu. Bħal ma spjegajt fl-enċiklika “Redemptor Hominis”, il -laqgħa ta’ dan is-sagrament hija dritt li jappartieni lil Kristu u lil kull wieħed u waħda minnkom (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 20).

Hekk il-Papa b’kunvinzjoni profonda issa jħeġġiġkom: La ċċaħdux lil Kristu mid-dritt tiegħu  fis-sagrament u la ċċedu qatt id-dritt tagħkom.

6. Fl-aħħarnett, għeżież żgħażagħ, minn din l-Ewkaristija intom se tmorru twettqu id-destin tagħkom. Dan it-twettiq jiddependi mill-grazzja ta’ Alla, kif il-festa ta’ Santu Wistin illum tfakkrna b’qawwa. Imma dan jitlob ukoll il-kunsens tar-rieda libera tagħkom. Hemm bżonn li tgħidu ripetutament iva lil Kristu, biex tkunu tistgħu twettqu l-irwol uniku tagħkom fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja. Hawn irridu nirriflettu mill-ġdid dwar l-importanza tal-fedeltà għas-sejħa tagħkom. F’okkażjonijiet oħra fakkart kemm il-kors tal-istorja kien immarkat fl-Irlanda u fid-dinja mill-fedeltà ta’ bniedem, il-fedeltà ta’ San Patrizju.  Ikun differenti, imma l-prinċipju huwa l-istess: Kristu għandu xogħol speċjali għal kull wieħed u waħda minnkom, xogħol li intom biss tistgħu tagħmlu. Mingħajr il-koperazzjoni tagħkom dan ma jiġix imwettaq. Kristu jiggwida lil kull wieħed u waħda minnkom, b’mod personali, lejn id-destin, li għall-ilħuq tiegħu intom interdipendenti. Ħarsu lejh illum, ħarsu lejn Kristu. Ilqgħu l-proposta tiegħu waqt li hu joħroġ idu lejkom, iħaddankom bil-qawwa ta’ driegħu u jirrivelalkom l-imħabba tal-Qalb Imqaddsa.

7. U issa, biex nikkonkludu, ħalluni nżid kelma waħda biss. Meta ġejt Galway għidt lil dawk kollha li kienu preżenti li jiena nemmen fiż-żgħażagħ b’qalbi kollha, li nemmen fiż-żgħażagħ Irlandiżi, f’kull wieħed u waħda minnkom. Illum irrid inżid xi ħaġa ma’ dak il-messaġġ, li hija dan: għal dak li huwa takom, għad-don liberu tiegħu tal-ħajja u tal-grazzja, Kristu jemmen fikom. Kristu jemmen fiż-żgħażagħ, fiż-żgħażagħ Irlandiżi, f’kull wieħed u waħda minnkom. U jħobbkom. Żgħażagħ ta’ Dublin, Kristu jħobbkom! Kristu jħobbkom u jrid iħobb permezz tagħkom! Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: