Ġurnata li tibda bit-talb hija ġurnata tajba, qal il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tiegħu tal-Erbgħa 10 ta’ Frar. It-talb jittrasforma l-jum tal-persuna “fi grazzja, jew aħjar li jibdilna: jtaffi r-rabja, jwieżen l-imħabba, jkattar l-ferħ, isawwab il-qawwa li wieħed jaħfer”.
It-talb huwa tfakkira kostanti li Alla jinsab viċin tagħna allura, “l-problemi li rridu naffrontaw ma jibqgħux xkiel għall-ferħ tagħna, imma sejħat minn Alla, okkażjonijiet biex niltaqgħu miegħu” qal il-Papa Franġisku, waqt li kompla bis-serje tiegħu dwar it-talb. “U meta jiġina ħsieb ta’ rabja, ta’ dieqa, li jimliena bl-imrat, ejjew nieqfu u ngħidu lill-Mulej: “Fejn int? U fejn sejjer jiena?” u l-Mulej jinsab hemm”, qal il-Papa. “U hu jagħtina l-kelma t-tajba, l-parir biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem mingħajr din il-qrusa tan-negattiv, għax it-talb huwa dejjem, biex nużaw kelma profana – pożittiv. Dejjem imexxina ‘l quddiem.”
Il-Qdusija Tiegħu kompla billi qal: “Meta wieħed hu msieħeb mill-Mulej, iħossu kuraġġjuż, iżjed ħieles, anke iżjed ferħan. Allura, ejja nitolbu dejjem għal kollox u għal kulħadd, anki għall-għedewwa. Ġesù tana parir dwar dan: “Itolbu għall-għedewwa tagħkom”. Il-Papa qal li meta aħna npoġġu lil xi ħadd bit-talb tagħna f’riġlejn il-Mulej, “it-talb jagħtina mħabba bla tarf”.
Minbarra li wieħed jitlob għall-familja u l-ħbieb tiegħu, l-Papa Franġisku talabna biex “nitolbu fuq kollox għall-persuni mdejqa, għal dawk li qed jibku fis-solitudni u jħossuhom jiddispraw li jista’ jkun hemm xi ħadd li jħobbhom”.
Huwa qal li t-talb jgħina nħobbu lil oħrajn “minkejja l-iżbalji u d-dnubiet tagħhom. Il-persuna dejjem hi iżjed importanti mill-għemejjel tagħha, u Ġesù ma ġġudikax id-dinja, imma salvaha”. Il-Papa żied: “kemm hi ħajja kerha dik ta’ min dejjem jiġġudika lill-oħrajn, dejjem jikkundanna: hi ħajja kerha u ta’ dwejjaq. Ġesù ġie biex isavana: iftaħ qalbek, aħfer, skuża lill-oħrajn, ifhimhom, kun int ukoll qrib tagħhom, agħder, uri ħlewwa bħal Ġesù”.
Fi tmiem l-udjenza, l-Papa Franġisku mexxa talb għal dawk kollha li mietu jew indarbu fit-tramuntana tal-Indja, minħabba li nkiser parti minn baċir li jżomm l-ilma, li kawża għargħar kbar u li l-ilma kisser żewġ idroelettriċi li kienu qed jinbnew u li hemm ‘il fuq minn 200 persuna li tilfu ħajjithom.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.thetablet.co.uk/news/13838/start-each-day-with-a-prayer-says-pope