Ilbieraħ (it-Tnejn), il-Papa Franġisku bagħat messaġġ awdjo-viżiv fis-sitt anniversarju mill-mewt ta’ 21 Kristjan Ortodoss Kopt maqtula fil-Libja mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku.
“Illum f’qalbi għandi dak il-jum, dak ta’ Frar tal-2015”, qal il-Papa. “Inżomm f’qalbi dik il-magħmudija tad-demm, dawk il-wieħed u għoxrin raġel mgħammdin bħala Insara bl-ilma u l-Ispirtu, u f’dak il-jum tgħammdu ukoll bid-demm”. “Huma l-Qaddisin tagħna, Qaddisin tal-Insara kollha, Qaddisin ta’ kull denominazzjoni u tradizzjoni Nisranija,” afferma l-Papa. “Huma dawk li bajdu ħajjithom fid-demm tal-Ħaruf, huma dawk… tal-poplu t’Alla, il-poplu fidil t’Alla”.
L-okkażjoni ġiet imfakkra prattikament nhar il-Ġimgħa f’avveniment onlajn, organizzata mid-Djoċesi Kopta Ortodossa ta’ Londra, li rat l-attendenza tal-Patrijarka Kopt Ortodoss Tawadros II. Il-Primat tal-Anglikani, l-Arċisqof Justin Welby ta’ Canterbury. Kurt Koch, president tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Knejjes Insara, flimkien ma’ diversi rappreżentanti ta’ Knsejjes oħra.
Meta tkellem aktar dwar ix-xhieda ta’ ħajjithom, il-Papa Franġisku spjega li dawk il-21 Kristjan li “taw xhieda ta’ Ġesù Kristu” kienu “rġiel ordinarji” li ħallew darhom, siefru biex jaħdmu f’art barranija, ħalli jsostnu lill-familji tagħhom. “Irġiel ordinarji, missirijiet ta’ familji, irġiel bix-xewqa li jkollhom it-tfal; irġiel b’dinjità ta’ ħaddiema, li mhux biss ifittxu li jġibu l-ħobż id-dar, imma jġibuh id-dar bid-dinjità tax-xogħol.” “B’għonqom imħanxar mill-brutalità tal-ISIS, huma u jmutu stqarrew l-isem ta’ Ġesù: ‘Mulej Ġesù!’” qal il-Papa.
Il-Qdusija Tiegħu rrimarka li, minkejja li l-imwiet tagħhom fuq il-bajja f’Sirte kienet traġedja, dik il-bajja ġiet “imbierka b’demmhom”. Huwa żied li huwa saħansitra iktar minnu li “mis-sempliċità tagħhom, mill-fidi sempliċi imma konsistenti tagħhom, huma rċivew l-akbar rigal lin-Nisrani jista’ jirċievi: jagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu sal-punt li taw ħajjithom”.
Waqt li esprima l-gratitudni lil Alla għar-rigal ta’ dawn “ħutna kuraġġużi”, l-Papa rringrazzja lill-Ispirtu s-Santu talli tahom “is-saħħa u l-konsistenza” biex jistqarru lil Ġesù anke sal punt li jxerrdu demmhom. Il-Papa rrikonoxxa wkoll lill-isqfijiet u s-saċerdoti tal-Knisja Kopta li “rabbewhom u għallmuhom jikbru fil-fidi”. Il-Papa Franġisku, mbagħad dawwar ħarstu lejn ommijiethom, ir-Ragħaj tal-Knisja Kattolika rringrazzjhom għar-rwol tagħhom li reddgħuhom fil-fidi: “Huma l-ommijiet tal-poplu qaddis t’Alla li jittrasmettu l-fidi ‘fid-djalett’, djalett li jmur lil hinn mill-lingwi, d-djalett t’appartinenza”.
Fl-aħħar il-Papa Franġisku esprima l-qrubija tiegħu mal-parteċipanti li ħadu sehem fil-webinar, fejn sellem b’mod partikolari lill-Patrijarka Kopt Ortodoss Tawadros II, l-Arċisqof Anglikan ta’ Canterbury Justin Welby, u l-isqfijiet u l-qassisin l-oħra kollha. Fl-aħħar, il-Qdusija Tiegħu tenna l-gratitudni tiegħu lejn il-21 Kristjan għax-xhieda tagħhom, u rringrazzja lill-Mulej għall-qrubija tiegħu mal-poplu tiegħu. Fl-aħħar, huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jitolbu, f’dan l-anniversarju tal-mewt tal-Insara Ortodossi Kopti, biex dawn jinterċedu għalina lkoll quddiem Alla.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/libya-21-christians-martyr-pope-francis.html