Gerry! Tivvintahom!

Print Friendly, PDF & Email

Ikun għandi lanqas mattart sieqi biex nidħol fejn tgħammar. Li ma narakx ġej għalija bħal sajjetta!

U, l-ewwel ħaġa li tagħmel, hi li togħla miegħi! Min jaf? Forsi taħseb li se nagħtik xi biċċa ċikkulata! Ħa ngħidlek mill-ewwel: dik la hi tajba għalik u lanqas għalija! Mela b’riħitha ħa tibqa’! Imbagħad, kif tarani npoġġi bilqiegħda, għalih tagħti s-salt! Għall-imbierek kurdun!  Kemm jogħġbok l-imbierek kurdun! Kull meta narak tant għatxan għalih ikolli ngħid li int għad tispiċċa Franġiskan bħali!

Imma jien naf għalfejn tkun tridu l-kurdun! Biex tilgħab bih hux! U iġġebdu b’kemm il-Mulej tak saħħa! U, aktar ma iġġebdu, aktar tieħu gost! Qed narak jien kif ħtaftuli kif rajtni! Imma ħej, ma nistax inħallilek il-kurdun li kienu għamluli b’tant imħabba ħutna s-sorijiet klarissi u ġġibuli ħajta ħajta! Inkella xi jkolli madwar qaddi x’kull waħda? Iċ-ċilizzju? Biżżejjed għandi wieħed, li ma jidhirx, imdawwar ma’ qalbi! Wieħed ma’ qaddi jonqosni! U mbagħad niġu ottu!

Issa ara, biex forsi nikkalmak ftit, qbadt il-kurdun, gerbibtu, u għamiltu ma’ qaddi. Biex, għal darba, żgur li ma taħtafulhiex. Qed ninduna li qed tagħti s-salt għalih. Għax ilek togħla fuq saqajk u taqbeż għal fuqi! Tibżax! Nifhmek! Forsi xi darba, jekk jaqblu miegħi sidienek u l- Gwardjan, nieħdok naqra sal-kunvent. Ħa tiġri ġirja mal-kurituri! Min jaf? Forsi, b’riħtek, ikollna xi sejħa li tkun trid tiskopri naqra l-ferħ u l-ftuħ bla limitu tal-ħajja Franġiskana! Ma tistax tgħid x’jista’ jiġri!

U, jekk tkun trid, meta nqaddes waħdi, oqgħod fir-rokna tal-Kappella wkoll. Bħala abbati fis-skiet. Imma tersaqlix lejn il-presbiterju! Oqgħod hemm, kwiet, fuq it-tapit tiegħek!

U għall-ikel tħabbilx rasek. Nagħtuk tibżax! Naf li tiġġennen għall-ikel! U tagħmel sewwa tafx! Għax ħajjitna, minkejja dawn il-gradilji ta’ dieti biex nirqaqu, xorta waħda irridu immutu. Forsi, id-differenza tkun li mmutu fil-piż tagħna wara li nkunu qattajna ħajjitna mċaħħda minn ikel li jfarraġna fit-taqbid tagħna ta’ kuljum!

Gerry, nixtieq niżik ħajr kemm tilaqagħni! U li tifraħ bija! Taf li qed tpatti għal dawk li meta jarawni jew titlagħlhom il-pressjoni inkella tinżlilhom! Għax fl-istonku tagħhom ma jniżżlunix! Niżik ħajr ukoll li tiġi f’dirgħajja u torqod bħal tarbija fihom. Qed tpatti għal dawk li b’dirgħajhom, li kieku jistgħu, jagħmluni rmied. U, niżik ħajr kemm tibqa’ iġġebbed il-kurdun tiegħi. Qed tpatti għal dawk li għax nilbes iċ-ċoqqa Franġiskana aqta’ kemm iberrquli. Ħallieha li naqdiehom lejl u nhar!

Niżik ħajr Gerry li, bi mħabbtek, tagħtini l-imħabba ta’ Ġesù! Kompli ivvinta Gerry!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: