Federica Cristofori, minn Aosta, l-Italja u Bali Patwalia, mill-Indja, li għandhom negozju f’Verona, fetħu fabbrika tat-tessuti fl-Indja fuq il-prinċipji tal-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’. Federica u Bali huma attenti ħafna għall-ħarsien tal-ambjent u joffru xogħol ta’ dinjita b’pagi ġusti għal ħafna familja f’Rajastan, fl-Indja.
Il-koppja xtraw għalqa f’villaġġ żgħir fejn bnew fabbrika li tipprintja fuq id-drapp. Billi fil-villaġġ ma kienx hemm ilma, ħaffru bir biex in-nies jimlew l-ilma minnu. Huma ħafna mill-villaġġ li jaħdmu jew fil-fabbrika jew mid-dar. Fil-fatt għadd ta’ nisa jippreferu li jaħdmu mid-dar. Il-ħlas isir b’metodi differenti, uħud jitħallsu kull xahar, oħrajn jitolbu li jitħallsu għal kull oġġett li jlestu. Qabel ma jingħata x-xogħol isir ftehim dwar il-ħlas. Huma l-ħaddiema li jipproponu l-ammont u dak li jitolbu jiġi aċċettat.
Il-fabbrika hi mudell ta’ xogħol għall-ġid komuni. Minkejja li Federica u Bali ġejjin minn kultura u reliġjon differenti, it-tnejn li huma jsegwu dak li toffri l-Laudato Si’. Fl-enċikika l-Papa jgħid li d-dinja hi wirt li kulħadd għandu jgawdi minnu. Federica u Bali ddeċidew li jaqsmu ħajjithom man-nies li qed jgħinu billi jgħaddu xi xhur fil-fabbrika tagħhom fl-Indja.