Itolbu u jingħatalkom

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 25 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tifkira tal-Beata Adeodata Pisani. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

M’ilux smajna lil Ġesù jgħidilna biex ma nintilfux f’ħafna tlablib meta nitolbu. Illum qed jagħmlilna kuraġġ biex filfatt nitolbu, nfittxu, u nħabbtu. Donnu jagħtina formula li tagħmlilna kuraġġ. “Itolbu u jingħatalkom; fittxu u ssibu; ħabtu u jiftħulkom. Għax kull min jitlob jaqla’, min ifittex issib, min iħabbat jiftħulu.” Imma aħna bl-esperjenza tagħna nafu li diversi drabi f’ħajjitna tlabna u ma qlajniex dak li tlabna, fittixna u ma sibniex, ħabbatna u l-bieb baqa’ magħluq. U allura ngħidu li l-Kelma ta’ Ġesù hi nieqsa jew inkella qed iqarraq bina?

Jiena naħseb li biex nifhmu dak li qed jgħid irridu nifhmu wkoll meta jitkellem fuq il-Missier. Aħna lil min qegħdin nitolbu? Lil min qegħdin infittxu? Lil min qegħdin inħabbtu? Qegħdin inħabbtu fuq il-Qalb ta’ Missier. Aħna mingħalina qed nitolbuh il-ħobż imma l-Mulej jaf li dak li qed nitolbuh mhux ħobż, imma ġebel. Mingħalina qed nitolbuh ħuta, imma l-Mulej jaf li dak li nixtiequ li jagħtina mhuwiex ħuta, imma serp. Il-Mulej jgħid: Intom taħsbu li Missierkom, jekk ser titolbuh xi ħaġa li mingħalik hija ħuta, ser jagħtik serp? Jew inti li mingħalik li hija ħobża u li għandek bżonnha daqs il-ħobż, imma jekk hi ġebla ser jagħtielek. Ħafna drabi noħorġu diżappuntati, għax dak li nixtiequ ma naqilgħuhx. Imma l-Mulej qed jgħallimna biex nafdaw fil-Missier, li meta hi tajba għalik, meta verament titolbu l-ħobż, ser jagħtihulek. Il-Missier qatt mhu ser jagħtik il-ġebel. Meta titolbu ħuta, jagħtihielek jekk għandek bżonnha, imma qatt mhu ser jagħtik serp.

Allura ma nistgħux naqraw biss l-ewwel parti ta’ dan l-Evanġelu u ninsew li l-Mulej qed jgħidilna: intom tafu ma’ min qed tagħmluha? Qed tagħmluha ma’ Missier, “li jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu.” San Ġakbu, ma qrajnihiex illum, imma ħin minnhom jgħid: “Titolbu u ma taqalgħux, imma għax ma titolbux tajjeb”.

Naħseb li din il-konklużjoni tal-Evanġeluu tallum. Għandna l-esperjenza li tlabna xi ħaġa. Xi student pereżempju jgħidlek li ma studjax u għaddieh xorta mill-eżami. Allura aħna x’għandna bżonn? Xi ħadd bil-karta mdendla mal-ħajt jew ħmar? X’għandna bżonn? Il-Mulej jgħidlek biex tistudja u tkun ta’ veru servizz u ta’ affarijiet oħra. Meta nisma’ l-Kelma ta’ Ġesù “fittxu u ssibu”, lil Ġesù ngħidlu li fuq din rebaħlu Sant Antnin. Għax it-Taljani filfatt jitolbu lil Sant Antnin, biex ibesbes ftit widint il-Mulej, għaliex kulma nitilfu dejjem jeħel Sant Antnin. Aħna forsi jekk nitilfu r-raġuni tajjeb nitolbu lil Mulej biex jgħinna nsibuha.

Imbagħad hemm frażi li nsibuha prattikament fir-reliġjonijiet kollha. Ġesù jgħid li hija l-qofol tal-Liġi u l-Profeti, meta jgħid: il-Liġi u l-Profeta, jiġifieri l-Iskrittura kollha. Fi żmien Ġesù kienet kodiċi — anke fit-tradizzjoni Lhudija — li l-Iskrittura kollha tinġabar fil-Liġi u l-Profeti. San Pawl pereżempju jgħidilna: Din hi l-liġi u l-Profeti: l-imħabba. Anke Ġesù jgħidha: “l-imħabba tiġbor il-Liġi u l-Profeti”.

Ġesù juża din ir-regola tar-reċiproċità. Xi tfisser? Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom. Aħna x’nixtiequ? Li l-bnedmin jirrispettawna, jaħfrulna, jħobbuna, u   jgħinnuna. “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom”. Eżempju, jekk hemm xi ħadd li meta taħseb fih taqbdek rabja kbira u ma tridx naħfirlu, allura ieqaf qabel tiddeċiedi x’ser tagħmel. X’tixtieq inti li kont fis-sitwazzjoni differenti, li għamlu lilek? Mhux jaħfruli. Mela dak li trid li l-bnedmin li jagħmlu lilek, ħabib, agħmlu inti wkoll lilhom.

Nitolbu l-interċessjoni tal-Beata Adeodata Pisani, bniedma li soffriet u li kellha tmienja u erbgħin sena meta mietet. Ma għexetx ħajja twila imma f’din il-ħajja pjuttost qasira batiet ħafna: l-inkwiet bejn il-ġenituri tagħha, l-inkwiet li ġab missierha anke bix-xorb żejjed tiegħu, u mbagħad bil-konfoffa li daħal fiha kien ikkundanat għall-mewt. Ġew hawn Malta u x’aktarx ma tantx kellhom biex jgħixu. Id-deċiżjoni li tidħol soru tal-klawsura ma kinitx faċli għall-familja tagħha u anke d-diffikultà li kellha fil-monasteru. Fil-fatt kienet bniedma li tinsisti ħafna fuq ir-regola u l-ubbidjenza, allura ma kinitx popolari ħafna. Jiġifieri apparti l-mard li kellha tal-qalb, kellha mhux ftit inkwiet għax kienet bniedma li tipprova żżomm d-dixxiplina. Din il-ħaġa qatt ma tintgħoġob, anke bejn il-qaddisin, aħseb u ara fostna l-midinbin.

Nitolbu l-interċessjoni tagħha, b’mod speċjali anke għall-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina, li hi tat ħajjitha. Nieħdu l-opportunità biex insellmu s-sorijiet li għad baqa’, b’mod speċjali lil Madre Badessa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Est 4, 17 n. p-r.aa-bb.gg-hh
Salm: 137 (138), 1-2a.2bċ-3.7ċ-8
Evanġelju: Mt 7, 7-12

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply