Il-‘Bossuet’

Print Friendly, PDF & Email

Ġieli nisimgħu, f’omeliji jew f’konferenzi, espressjonijiet bħal ‘skont Bernard Häring’, ‘skont Karl Rahner’, ‘skont Josef Ratzinger’ u oħrajn. Kien hemm żmien, iżda, meta ħafna kienu jikkwotaw lil Bossuet.  Min kien dan il-bniedem li ismu għal xi wħud jinstema’ qisu laqam?

Jaques-Bénigne Bossuet (1627-1704) kien studjuż magħruf tal-Bibbja u kien ta’ statura mhux biss f’pajjiżu Franza imma fil-Knisja f’ħafna bnadi oħra. Jaques-Bénigne skopra l-Bibbja meta kellu 15-il sena u studjaha fis-snin li għadda fil-Kulleġġ ta’ Navarre f’Pariġi bejn l-1642 u l-1652. It-tutur tiegħu Nicolas Cornet inkuraġġieh biex ikompli l-istudji tiegħu u, għalkemm Bossuet ma tgħallimx l-Ebrajk qabel kellu 40 sena, huwa rnexxa xorta waħda għax kien jaf sew il-Latin u l-Grieg u għax kellu xewqa kbira li jifhem u jfiehem id-diffikultajiet li tippreżenta l-Bibbja. Sadattant, bħala parti mit-tħejjija tiegħu għas-saċerdozju, għadda sentejn f’irtir taħt id-direzzjoni spiritwali ta’ San Vinċenz de Paul.

Jaques-Bénigne Bossuet (1627-1704)

Malli ordna saċerdot, Bossuet daħal fil-qalba tal-kontroversja. Nofs il-belt ta’ Metz, il-belt fejn kien qed jaqdi l-ħidma tiegħu, kienet protestanta. Il-ħolma tiegħu kienet li jirrikonċilja lill-Protestanti mal-Kattoliċi. Kiseb fama f’qasir żmien bħala oratur, u beda jipprietka b’mod regolari fil-kappella tar-re. Tibqa’ msemmija l-priedka tiegħu tal-1662 lil Lwiġi XIV fil-Louvre bis-suġġett ‘Dwar id-dmirijiet tar-re’. F’Pariġi n-nies ma kinux jinżlulhom il-priedki msejħa ‘tal-Knisja’ u biex predikatur idoqq għal widnejhom kellu jindirizzahom b’mod raġunat u mħejji b’sengħa. Imma Bossuet kellu l-kwalitajiet kollha ta’ oratur: leħen, lingwaġġ, flessibbiltà u saħħa fi kliemu hekk li argument kien ‘jagħtih in-nar’.

F’Settembru ta’ l-1670 ġie maħtur tutur tad-dauphin, it-tifel waħdieni ta’ Lwiġi XIV. Bossuet ma kienx jinqala’ biex jgħallem tifel ta’ 9 snin, u d-dauphin kien tip ta’ tifel dejjem imdejjaq. Imma dawn is-snin kienu utli għal Bossuet għax fihom kiteb fost l-oħrajn tliet trattati klassiċi li huma marbutin flimkien.  Dawn huma (i) Traité de la connaissance de Dieu et de soi-même (1677); (ii) Discours sur l’histoire universelle (1679) u (iii) Politique tirée de l’Ecriture Sainte (1679). L-ewwel wieħed, Trattat dwar l-għarfien ta’ Alla u tagħna nfusna, huwa studju dwar in-natura ta’ Alla u n-natura tal-bniedem. It-tieni, Diskors dwar l-istorja tad-dinja, jittratta l-istorja ta’ kif Alla aġixxa mal-bniedem fl-imgħoddi, jiġifieri sal-epoka ta’ Bossuet. It-tielet, Il-politika tal-Iskrittura Mqaddsa, hu kodiċi ta’ dmirijiet u drittijiet fid-dawl ta’ kif Alla ġab ruħu mal-bnedmin, dejjem skond iż-żewġ kotba l-oħra.

Bossuet baqa’ jeduka lid-dauphin sal-1681 meta ġie maħtur Isqof ta’ Meaux. B’xorti ħażina, iżda, qabel ma ħa l-pussess daħħluh fi ġlieda qalila bejn Lwiġi IV u l-Papa. Sab ruħu bejn żewġ nirien. Jekk jappoġġa lill-Papa kien ifisser li jappoġġa lill-Ġiżwiti li ma kellux grazzja magħhom. Jekk jeħodha kontra l-Papa kien ifisser li jaqdi lir-re, li ried jumilja lill-Knisja quddiem il-poplu. Ħa t-triq tan-nofs. Tibqa’ msemmija l-priedka kbira tiegħu dwar l-għaqda fil-Knisja quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Kleru Franċiż, fejn għamel sejħa għal kompromess.

Bossuet ddefenda l-Knisja Kattolika kontra l-Protestanti. Dawn kienu megħjunin minn Richard Simon, qassis minn Pariġi u ‘missier’ il-kritika biblika Franċiża. Simon wasal biex akkuża lil Santu Wistin li kkorrompa d-duttrina primittiva dwar il-grazzja. Bossuet, li kien iqis lil Santu Wistin bħala l-‘imgħallem tiegħu’, ħadha bi kbira u ntefa’ fuq biċċa xogħol ta’ kitba, id-Defense de la tradition, id-Difiża tat-Tradizzjoni. Kien diffiċli għal dawk li ma jaqblux ma’ Bossuet biex jirbħu r-raġunar għaref tiegħu.

___________________________________________________________________________

“Fejn ħadd ma jikkmanda jikkmandaw ilkoll. Fejn kulħadd jikkmanda, ħadd iktar ma jikkmanda, għajr il-kaos.” Jaques-Bénigne Bossuet

___________________________________________________________________________

Minbarra li kien studjuż assidwu tal-Bibbja, Bossuet kien determinat li jxerred dan l-istudju. Kien żmien meta l-Protestanti taw il-Bibbja lill-poplu, ħaġa li ġabet reazzjoni kontrihom karatterizzata mill-Konċilju ta’ Trentu. Din kienet tirrifletti t-tentattiv ta’ għadd ta’ awtoritajiet fil-Knisja li ppruvaw inaqqsu l-aċċess tal-Kattoliċi għat-testi bibliċi. Bejn l-1673 u l-1681 Bossuet laqqa’ dak li sejjaħlu l-Konċilju ż-Żgħir, inizjattiva li kellu jwaqqaf meta daħal fil-kariga bħala isqof ta’ Meaux. Il-Konċilju ż-Żgħir kellu xeħta ta’ grupp bibliku kif nafuh illum. Kien jiġbor fih numru ta’ personalitajiet, l-aktar mill-qorti tar-re. Kienu lajċi u nies tal-Knisja, li jiltaqgħu biex jiddiskutu kwistjonijiet bibliċi u teoloġiċi. Bossuet ħa sehem flimkien mal-kollaboraturi tiegħu fi studji regolari ta’ kotba differenti tal-Bibbja bil-ħsieb li jipproduċu ‘Bibbja tal-Konċilju’, jiġifieri kummentarji għall-kotba bibliċi. Laħaq għamel biss l-introduzzjoni għall-kotba ta’ Ġob, Iżaija, Danjel u t-Testment il-Ġdid.

Hawn min iqis lil Bossuet bħala l-aqwa ‘oratur tal-pulptu’ ta’ kull żmien, u jqabbluh ma Santu Wistin u ma’ San Ġwann Krisostmu. Tlieta mill-aqwa omeliji tiegħu saru fil-funerali ta’ Henrietta Maria, armla ta’ Karlu I ta’ l-Ingilterra (1669), ta’ bintha Henrietta, Dukessa ta’ Orleans (1667) u tas-suldat magħruf Condé (1687).

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: